Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li kawża tat-tneħħija tal-protezzjoni tal-levies tal-biedja, il-Banek lokali sa jkunu kostretti li japplikaw miżuri aktar strinġenti fuq l-investmenti li sa jagħmlu l-bdiewa, raħħala, l-agro-industrija, l-industriji ta' l-ikel u ta' l-ipproċessar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li ma hemm l-ebda rabta bejn it-tneħħija tal-levies u l-operat tal-banek lokali f'dak li għandu x'jaqsam ma' self lill-bdiewa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32399 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-prodotti ta' l-ikel importati qabel u wara sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li fuq l-importazzjoni tagħhom se jiddaħħlu kontrolli ta' kwoti, dazji u tariffi?
Jikkonferma jew jiċħad li dawn il-kontrolli li l-Unjoni Ewropea sa timponi fuq pajjiżna se jinvolvu spejjeż akbar lin-negozjanti u prezzijiet ta' l-ikel ogħla għall-konsumaturi lokali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li fil-preżent, Malta għadha qed tiddiskuti ma' l-Unjoni Ewropea il-kapitlu dwar l-Agrikoltura. Għaldaqstant dan is-suġġett għadu miftuħ għan-negozjati. Il-pożizzjoni adottata minn Malta ġiet diskussa fi ħdan il-MUESAC u anke ġiet spjegata f'aktar dettal matul diversi laqgħat mal-bosta organizzazzjonijiegħt u gruppi varji li jirrappreżentaw l-interessi tal-bdiewa fid-diversi oqsma tas-settur agrikolu f'Malta u f'Għawdex.
L-istampa aħħarija ser tiddependi mir-riżultati finali tan-negozjati. Madanakollu, fuq linji ġenerali, wieħed diġa' jista' jikkonkludi li ladarba is-sħubija ta' Malta ser eventwalment twassal ukoll għat-tneħħija tal-levies u ladarba Malta qed titlob special supply arrangements numru ta' prodotti agrikoli impurtati, għaldaqstant huwa maħsub li, kuntrarjament għal dak li jrid jimplika l-Onorevoli Interpellant, fil-maġġoranza tal-każi s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ser twassal għal prezzijiet orħos u mhux ogħla għall-prodotti ta' l-ikel.
Peress li fl-inħawi ta' l-Mtaħleb fejn residenza F/HSE Wied il-Bużbież tal-familja li n-numru tat-telefon tagħha qed jintbagħat separatament u nħawi oħra f'Landrijiet L/o Rabat ilhom aktar minn sitt xhur jilmentaw li qed jitħallew bla ilma, jista' l-Ministru jirrimedja għall-ilmenti mmedjatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-jiem li ġejjin il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ser tagħmel xogħolijiet biex tissaħħaħ is-sistema tal-provvista ta' l-ilma fl-inħawi tal-Landrijiet fil-limiti tar-Rabat.
Jista' l-Ministru jara għal liema raġuni ħsarat mill-main ta' l-ilma li hemm ġewwa Triq Kardinal Birgu kantuniera ma' Wenzu Dyer Str, Birgu ma ġiex msewwi minkejja li residenti li hemm fit-triq qegħdin jilmentaw li ġewwa djarhom qed jidrilhom l-ilma b'mod partikolari dawk ta' Triq San Lawrenz, Birgu li jinsabu taħt il-livell tat-triq u inidipendentement minn dan, jistgħux minnufih jittieħdu l-passi sabiex dawn jiġu msewwija?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u eventwalment tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid jekk li l-iskema ta' 61+ tal-BOV spiċċat? Jista' jgħid x'sar isir minn tant anzjani li investew eluf ta' liri għal din l-iskema? Hemm il-ħsieb li din l-iskema terġa' tibda topera? Għaliex tneħħiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-lum il-banek huma ragolati mill-MFSC li taqa' taħt il-Ministeru tal-Finanzi. Tajjeb jingħad ukoll li l-Bank of Valletta, bħall-banek kollha, għandhom maġġoranza ta' l-ishma f'idejn is-settur privat.
Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni fil-main u l-kanen ta' l-ilma ta' kopja anzjana li l-partikolaritajiet tagħha jinsabu separatament minn din il-mistoqsija peress li għal dan l-aħħar xahar l-ilma fir-residenza tagħha dejjem ġej bis-sadid?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm pjan sabiex ix-xogħol tal-meter readers fi ħdan il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma jiġi privatizzat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Sa llum ma jirriżultalix dak li jingħad fil-mistoqsija.
B'riferenza għall-klawsoli 5 u 11 taċ-ċirkolari Ene/420/2/99 maħruġa mill-human resources manager tal-Enemalta fl-14 ta' Lulju 1999 għall-mili ta' post vakant ta' senior compliance officer (1), jista' l-Ministru jgħd kif il-persuna magħżula qiegħda taħdem bix-shift u mhux id-day duty basis kif stipulat fil-klawsoli 5 u 11 taċ-ċirkolari msemmija? Jista' jgħid ukoll kemm dan qed jiswa aktar finanzjarjament lill-Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-Senior Compliance Officer qatt ma ħadem il-ħinijiet stabbiliti mill-Korporazzjoni Enemalta għall-ħaddiema li jkun bid-day duty u sa llum ħadd ma esprima ruħu dwar dan. Rigward l-aspett finanzjarju tat-tibdil li sar, il-persuna ikkonċernata tkun intitolata għall-istess benefiċċju mgħottija lill-membri l-oħra tas-Sezzjoni tal-Compliance.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' xogħlijiet li saru u qed isiru wara sejħa għal tenders approvata lill-ministeru u/jew dipartiment u dekasteri li jaqgħu taħt il-ministeru li għadhom ma tħallsux kompletament? Kemm huwa l-ħlas pendenti u kemm huwa l-ħlas li sar f'ċifra globali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal ħruġ ta' sejħa għall-offerti (tenders) b'mod ġenerali u mhux għal ħruġ ta' sejħa għall-offerti limitata għal xogħolijiet (tender for works).
L-informazzjoni kif mitluba fil-mistoqsija hija kif tidher hawn taħt:
Ministeru/Entita' Numru ta' Ammont Ammont
Tenders Pendenti Imħallas
Lm Lm
Ministeru 3 775,752 150,584
M.D.C 40 707,000 1,800,000
I.P.S.E. 9 22,226 177,350
M.S.A. 1 6,018 -
Tajjeb jingħad li fil-każ tal-Ministeru, is-sejħa għall-offerti ħarġet mid-Dipartiment tat-Toroq, filwaqt li l-fondi ittieħdu mill-vot tal-Ministeru. Dawn l-offerti jinvolvu titjib infrastrutturali ta' toroq f'zoni industrijali li mhumiex fir-responsabbilta' tal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li nixef l-ilma f'ħafna mill-ispejjer ta' l-ilma li hemm fl-inħawi ta' l-Aħrax tal-Mellieħa, in-naħa tal-Marfa? Peress li dan mhux soltu jiġri jista' /ser jara li tiġi nvestigata din in-nixfa ta' l-ispejjer?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li din il-materja taqa' fir-responsabbilta' ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi.
Madankollu, ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tista' tgħid li n-nixfa li qed issir riferenza għaliha hi x'aktarx ikkawżata minn żewġ fatturi ewlenin u cioe'
1. in-nuqqas ta' xita fl-aħħar tlitt snin, paragunat ma' l-ammont ta' xita fil-passat.
2. estrazzjoni esaġerata ta' ilma minn boreholes illegali ta' bdiewa u bejjiegħa ta' l-ilma bil-bowser.
Jista' l-Ministru jgħid x'tinvolvi lill-Maltin u l-Għawdxin fi ħlasijiet fuq l-importazzjoni lejn pajjiżna s-sistema tal-GATT licence li pajjiżna jrid jibda jħallas fuq l-importazzjoni ġejja minn non-EU countries sabiex ikun konformi magħha skond ir-regoli ta' l-UE? Kemm se jkun il-ħlas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li din il-mistoqsija tirrigwarda dazji doganali. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibilta' li tinfetaħ xi aġenzija ta' xi bank lokali għat-tisrif taċ-ċekkijiet fil-Birgu u dan peress li l-APS waqqaf is-servizzi tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena ċert li l-banek kummerċjali ta' pajjiżna jgħarfu fejn hemm ħtieġa li tinfetaħ fergħa. Tajjeb jingħad li llum il-banek kollha għandhom maġġoranza ta' ishma f'idejn is-settur privat.
Jista' l-Ministru jagħti nformazzjoni fuq kemm kien hemm każi ta' dixxiplina fuq abbuż mis-sick leave fil-Malta Drydocks ta' Bormla fl-2000, 2001 u din is-sena? Jista' jgħid x'kienet il-piena f'kull każ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-każijiet ta' dixxiplina fuq abbuż mis-sick leave fil-Malta Drydocks matul dawn l-aħħar tlitt snin u l-piena li ngħatat kien kif jidher hawn taħt:
SENA NUMRU TA' PIENA
KAŻIJIET
2000 41 ġurnata paga
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal 3 xhur
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal 6 xhur
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal sena
2001 14 ġurnata paga
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal 6 xhur
2002 3 ġurnata paga
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal 6 xhur
u sospensjoni minn fuq ix-xogħol għal 8 xhur
1 sospensjoni minn benefiċċju tal-mard għal sena u
sospensjoni minn fuq ix-xogħol għal 8 xhur
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34466, jista' jgħid min inaddaf l-uffiċini tal-petroleum division f'B'Buġia? Kemm hemm maids li jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa hemm żewġ fattigi inkarigati mit-tindif ta' l-uffiċini fit-Taqsima tal-Petroleum.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34463, jista' jikkonferma li t-tqassim tal-posta interna u l-photocopies qegħdin isiru mill-iskrivani għax ma hemmx min jagħmilhom fid-dipartiment tal-Petroleum Division f'B'Buġia?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tlabt lill-amministrazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta sabiex teżamina jekk in-numru ta' messaġġiera li hemm fit-Taqsima tal-Petroleum huwiex biżżejjed biex ikopri x-xogħol mistenni minnhom.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34433, jista' jgħid meta se jibda x-xogħol fuq is-substation li se ssir fi Triq is-Suq, Żejtun għaliex ilha ħafna imwiegħda u hemm diversi djar li qed ibatu minħabba provista baxxa ta' elettriku? Billi kawża ta' din il-problema hemm nies tal-business fosthom stampatur li għandhom nies impjegati magħhom li ġieli jkollhom jieqfu mix-xogħol għax jiqfulhom il-makni, meta hu maħsub li jibda dan ix-xogħol? Jista' jintervjeni personalment għaliex ilhom iwedgħuhom snin sħaħ? Vera li l-permessi ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar ħarġu? Jekk iva, meta ħarġu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta applikat biex tinbena substation f'Misraħ l-Indipendenza ż-Żejtun fis-16 ta' Ottubru 2000 u l-permess relattiv kien ħareġ fl-4 ta' Jannar tas-sena ta' wara. Wara dan il-Kunsill Lokali kien oġġezzjona u għaldaqstant kienet saret applikazzjoni ġdida fl-4 ta' Settembru 2001 biex tinbena substation fi Triq is-Suq. Il-permess għal din l-applikazzjoni kien ħareġ fis-26 ta' Marzu ta' din is-sena. Id-draft agreement ta' l-art wasal f'April li għadda. Ixçxogħol mistenni jibda fl-10 ta' Lulju li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi indikazzjonijiet li impjanti ta' reverse osmosis pubbliċi u privati fiċ-Ċirkewwa - fil-marfa qed jolqtu ħażin l-ispieri tal-bdiewa tal-inħawi u qed jispiċċaw jew b'ilma mielaħ ħafna jew niexfa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tgħin lill-Awtorita' Maltija għar-Riżorsi fl-investigazzjoni tagħha tal-problema li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant.
Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru responsabbli għal din l-Awtorita'.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ex-uffiċjal tas-Swiss Air ser jinħatar CEO ta' l-Air Malta? Jekk iva, x'wassal lil Air Malta tingaġġa expatriate għal din il-kariga wara li dan ix-xogħol sar f'mod fejjiedi mill-Maltin sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma naħsibx li la jkun prudenti u lanqas fl-interess tal-kumpanija li f'dan l-istadju tiġi ppubblikata nformazzjoni ta' din ix-xorta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus f'safar ministerjali u dipartimentali tal-ministeru għax-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu April u Mejju ta' din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.