Legislature:
Category:
Reset
Active:

E-mail addresses

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jinżammx record ta' dawk li għandhom reġistrat f'isimhom e-mail address u jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru ta' e-mail addresses sena b'sena, mill-2001 'il hawn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma tinżammx record ta' dawk li għandhom reġistrat f'isimhom e-mail address.

Libyan Arab Airlines

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12349, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni, u jgħid jekk hux veru li waqfu t-titjiriet tal-Libyan Arab Airlines lejn Malta? Jekk iva, għaliex? Il-Gvern Malti kellu x'jaqsam ma' din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Libyan Arab Airlines għadhom iħaddmu it-titjiriet tagħhom bejn Tripli u Malta permezz ta' code share agreement li għandhom ma' l-Air Malta. Il-kumpanija ma' tat l-ebda raġuni għal din id-deċiżjoni tagħha.

Tal-Ħandaq — Tabelli

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk intalabx permess min-naħa tal-MEPA biex jitwaħħlu tabelli tal-ministeru dwar l-industrial estate f'Tal-Ħandaq fit-traffic island li hemm fid-daħla ta' Handaq Road? Jista' jgħid jekk intalabx il-permess tal-kunsill lokali skond il-bye-law dwar l-għamara fit-toroq maħruġa mill-kunsill lokali, Qormi? Ma jaħsibx li din it-tabella ġiet perikoluża għall-pedestrians li jaqsmu minn dawn l-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ħaddiema tas-snajja'

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċeduera biex ħaddiema li jaħdmu fis-snajja' għal rashom ikunu jistgħu jieħdu xi biċċa art jew garage tal-gvern f'zona industrijali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmaat li l-allokazzjoni ta' art ġo żoni ndustrijali mhiex responsabilta' ta' dan il-Ministeru għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru għall-Investiment, Teknoloġija u Industrija.

Mediċini tat-tjur u l-bhejjem

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12027 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jinformana jekk investigax x'ikkawża l-għoli tal-prezzijiet tal-mediċini tat-tjur u l-bhejjem matul l-aħħar għaxar xhur? Jekk fl-affermattiv, jista' jinformana bis-sitwazzjoni? Jekk le, jista' jara li jinvestiga s-sitwazzjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Uffiċju tal-Kompetizzjoni Ġusta ma jeżerċitax Price Controlfis-sens l-antik iżda jinvestiga biss jekk jissuspetta li l-prezz fis-suq ta' prodott jew xi servizz partikolari ma jirrifletix kompetizzjoni ġusta minħabba xi ftehim restrittiv jew abbuż ta' dominanza. Waqt li l-Uffiċju ma wasallu ebda ilment fir-rigward ta' dan il-prodott, madankollu se jinvesstiga l-ilment mressaq mill-Onorevoli Membru. L-Onorevoli nterpellant huwa mitlub jagħti aktar informazzjoni dwar dan il-każ.

Ta' Qali Crafts Village

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqssija parlamentari 11716 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjani tiegħu għal Ta' Qali Crafts Village? Jista' ipoġġi wkoll fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim tal-kirja?

Response (GALEA, ĊENSU)

F'dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru.11716.

Ta' Qali Crafts Village

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11715 u jgħid kemm hemm negozji reġistrati f'Ta' Qali Crafts Village? Jista' jaqsamhom skond is-settur?

Response (GALEA, ĊENSU)

F'dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru.11715.

Malta communications authority — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fil-Malta communications authority? Jista' jgħid x'salarju għandhom u x'benefiċċji jirċievu? Jista' jagħti wkoll informazzjoni dwar il-grad tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ir-risposta mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Vapuri tal-gwerra

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri tal-gwerra din is-sena, x'tip kienu u ta liema nazzjonalita' kienu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' vapuri militari li daħlu Malta bejn Jannar u April ta' din is-sena kien ta' 7. Dawn huma: Data Tip Nazzjonalita' 09/03/05 Navy - Frigate Franza 24/03/05 Navy - Frigate Ingilterra 26/03/05 Navy - Frigate Ġermanja 04/04/05 Navy - Frigate Franza 09/04/05 Navy-Landing Stati Uniti Ship Logistics 09/04/05 Navy - Cruiser (CG) Stati Uniti 22/04/05 Navy - Destroyer (DDG) Spanja

Cruise liners

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu cruise liners din is-sena u kif jikkompara dan ma l-aħħar ħames snin għall-istess perijodu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta' cruise liners li daħlu f'pajjiżna minn Jannar sa Marzu kien ta' 18. In-numru ta' cruise liners li għall-istess perjodu kienu f'pajjiżna dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej: Sena Numru ta' Cruise Liners 2000 10 2001 15 2002 21 2003 11 2004 5

Marsaxlokk — Irmiġġi tas-sajjieda

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11580 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm sajjieda full-time li m'għandhomx irmiġġi max-xatt (ħoloq) ġewwa Marsaxlokk? Jista' jgħid x'inhu jsir sabiex kull sajjied ikollu irmiġġ xieraq, speċjalment meta dan ikun l-għajxien tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita Marittima, permezz ta' l-iżvilupp li għamlet dan l-aħħar fil-Magħluq, ipprovdiet 117-il irmiġġ ġdid għas-sajjieda. Dan hu xhieda ta' l-importanza li l-istess Awtorita' tagħti lil dan is-settur.

Bord ta' l-appell

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal l-appell fil-bord ta' l-appelli dwar liċenzjar li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-każ tas-Sur Gatt li huwa xi ftit ikumplikat, ġie riferut għall-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell wara konsultazzjoni ma' l-uffiċju ta' l-Avukat Ġenerali. Il-Bord ġie mitlub jittratta dan il-każ mill-aktar fis possibbli.

Moll ta' l-Isla — Xogħlijiet

Question

Peress li issa għalaq il-perijodu tat-tendering għax-xogħol fuq il-moll ta' l-Isla, jista' il-Ministru jgħid meta se jibda dan ix-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — SME Park

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11880, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk għadx hemm ħsieb li jinbena l-SME park għal Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid liema ministeru/awtorita' se jieħu ħsieb dan il-proġett? Meta hemm ħsieb li jinbdew ix-xogħlijiet? Meta hu l-ħsieb li jintemm il-proġett? Fejn se tkun il-lokalita'? X'se jkunu l-kundizzjonijiet għal dawk is-self-employed li jakkwistaw art/garaxx f'dan il-proġett?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'seduta oħra.

Ta' Qali — Raħal tas-snajja'

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija 10933 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u cioe' jista' jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-bini tar-raħal tas-snajja' f'Ta' Qali? Fejn waslu l-pjani tal-gvern għal dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 11388.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Kiri ta' karozzi

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamnetari 10574, jista' il-Ministru jinformani bin-numru ta' karozzi ġodda li nxtraw matul l-2004 u kemm kienet in-nefqa għalihom? Jista' jagħti wkoll in-numru ta' vetturi li fil-preżent huma proprjeta' tal-ministeru u/jew l-entitajiet konċernati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Intrapriżi Industrijali — EMAS/ISO1401

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11680, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hawn fabbriki jew intrapriżi industrijali li għandhom ċertifikazzjoni internazzjonali, bħal EMAS jew ISO1401? Jista' jgħid liema huma dawn l-intrapriżi industrijali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li f'Malta hawn intrapriża waħda li għandha ċertifikazzjoni internazzjonali ta' l-EMAS. Din hija l-ST Microelectronics (Malta) Ltd. Rigward l-ISO 14001, l-Awtorita' Maltija dwar l-iStandards għandha informazzjoni li hawn Malta hawn tlett intrapriżi li għandhom din iċ-Ċertifikazzjoni. Dawn huma: ST Microelectronics (Malta) Ltd. Methode Electronics (Malta) Ltd. Trelleborg Dowty Malta

Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11202 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u cioe' jgħid x'inhi l-politika tal-gvern dwar il-monopolju li jeżisti bħalissa f'pajjiżna fil-qasam tas-cellular telephones (mobile phones)? Kemm iqis il-gvern li dan il-monopolju jservi tajjeb jew ħażin lill-konsumatur kemm fil-kwalita' u anke fir-rati li jitħallsu? Jaf il-Ministru li dawn ir-rati huma ogħla sew mill-istess rati f'pajjiżi Ewropej? Kemm hu konformi dan il-monopolju mat-talba tal-gvern preżenti li applika biex pajjiżna jsir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, ĊENSU)

Niskanta kif l-Onor. Interpellant jistaqsi dwar monopolji li ma jeżistux.

Ta' Qali — Raħal Tas-Snajja'

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10933 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-bini tar-raħal tas-snajja' f'Ta' Qali? Fejn waslu l-pjani tal-gvern għal dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmaat li għadhom qed isiru taħdidiet bejn il-partijiet konċernati u għaldaqstant id-dettalji jitħabbru meta jkun il-waqt.

Ta' Qali Crafts Village

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11299, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jgħid kemm huma l-kirjiet ta' proprjeta' li hemm f'Ta' Qali crafts village?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Ġustizzja u Gvern Lokali.