Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pre Sentence Report, Social Inquiry Reports u Verbal Reports għall-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ qabel u wara s-sentenza għall-Qorti (Pre Sentence Report u Social Inquiry Reports ) mis-sena 2013 sa meta nġabru l-aħħar figuri? Kemm saru Verbal Reports għall-Qorti fl-istess żmien imsemmi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-figuri mitluba huma kif ġejjin: Matul is-sena 2013: Pre Sentence Reports: 63 Social Inquiry Reports: 45 Verbal Reports: 10 Matul is-sena 2014: Pre Sentence Reports: 44 Social Inquiry Reports: 52 Verbal Reports: 36 Matul is-sena 2015: Pre Sentence Reports: 73 Social Inquiry Reports: 68 Verbal Reports: 52 Matul is-sena 2016: Pre Sentence Reports: 34 Social Inquiry Reports: 30 Verbal Reports: 10

Rapporti tal-Parole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru Rapporti tal-Parole mis-sena 2013 sa meta nġabru l-aħħar figuri? Kemm kien hemm persuni li waqfu l-applikazzjoni tagħhom għal-Liċenzja tal-Parole f’dan il-perijodu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ April 2016 saru b’kollox mitejn rapport. Minnhom kien hemm mija u persuna li rtiraw l-applikazzjoni tagħhom għal-Liċenzja tal-Parole f’dan il-perjodu.

Dipartiment tal-Probation u l-Parole – Victim Support Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew avviċinati vittmi mill-Victim Support Unit tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole mis-sena 2013 sa meta nġabru l-aħħar figuri?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ April 2016, id-dipartiment tal-Probation u l-Parole, avviċina sitt mija u għoxrin vittma.

Persuni li jkunu ġejjin joqogħdu f’Malta – rekords kriminali vetted

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux qed ikun hemm talbiet partikolari biex jiġu vetted rekords kriminali ta’ persuni li jkunu ġejjin joqogħdu f’Malta, minħabba xogħol jew residenza, liema persuni jkunu ġejjin minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ kontroll fil-fatt qed isir, għal dawk li jikkonċernaw ċittadini ta’ pajjiżi li ġejjin mill-Unjoni Ewropea? Kif qed jiġi assigurat li persuni li għandhom rekords kriminali jiġu osservati, jew possibilment ma’ jitħallewx jidħlu f’Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-funzjoni tal-ħruġ tal-permessi tar-residenza u ta’ visa lill-persuni li huma ċittadini ta’ pajjizi terzi hi tal-Identity Malta Agency. L-Agenzija titlob lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, li huwa l-Kummissarju tal-Pulizija, sabiex fil-każ ta’ kull applikazzjoni li tirċievi jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-persuna għal dak li għandu x’jaqsam mal-interess pubbliku in ġenerali. F’dan ir-rigward jiġu verifikati r-rekords disponibbli għand il-Pulizija għal dan l-iskop. Cittadini tal-Ewropa għandhom id-dritt ta’ moviment ħieles fit-territorji tal-EU sakemm il-presenza tagħhom ma tkunx ta’ detriment minħabba public policy, public security jew public health għal pajjiż. Meta il-Pulizija tasal għandhom informazzjoni li dan jista’ jkun il-każ, dawn jieħdu azzjoni kif hemm stipulat fil-liġi sussidjarja u kif stabbilit fl-Acquis Communautaire biex tali persuna tkun anke tista tiġi mkeċċija, kif fil-fatt ġieli ġara f’xi każi fil-passat, wara kooperazzjoni ma aġenziji tas-sigurtà ta’ Stati Membri oħra. Fis-sena 2014 u 2015 kien hemm diversi każi ta’ persuni minn pajjiżi terzi li ġew rifjutati milli jidħlu Malta għal raġunijiet varji, wara li saru verifikazzjonijiet mal-wassla tagħhom minn destinazzjoni barra iż-żona Schengen.

Atti kriminali marbuta ma’ offiżi sesswali

Question

Wara li ġibduli l-attenzjoni dwar il-preokkupazzjoni ta' ċerti residenti Maltin minħabba l-biża’ ta' atti kriminali marbuta ma’ offiżi sesswali, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ikunx hemm xi kontroll (verifika) partikulari għal dawk li huma persuni barranin li jiġu joqogħdu f'Malta, minħabba xi rekord kriminali marbut ma' abbużi sesswali? Jekk iva, kemm kien hemm persuni li twaqqfu milli jidħlu f'Malta minħabba din ir-raġuni, matul l-2014 u 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħal ma dejjem sar dwar persuni terzi, il-Pulizija tagħmel verifiki meħtieġa biex kemm ikun possibli jiġi assigurat li persuni li jistabilixxu lilhom infushom ġewwa Malta ma jkunux marbuta ma xi atti kriminali inkluż dak ta’ offizi sesswali. Dan barra mill-mezzi ta’ ko-operazzjoni li jeżistu bejn il-Pulizija lokali u agenziji ta’ sigurta barranin, f’dan ir-rigward, mezzi li regolarment jagħtu riżultati posittivi, bħal meta jiġu esegwiti mandati t’arrest Ewropew jew Internazzjonali, fuq akkużi varji, u hawn anke fejn jikkonċerna lil kull persuna. Verifiki oħra jsiru fil-fruntieri fuq ċittadini terzi li jasslu min destinazzjonijiet ta’ pajjizi terzi. Huma diversi l-persuni terzi li twaqqfu milli jidħlu Malta, però ma hemmx statistika jekk dawk intbagħtux minħabba atti kriminali marbuta ma’ offiżi sesswali.

Għassa tal-Qawra – preżenza ta’ aktar pulizija

Question

Billi minkejja l-isforzi kollha li jwettqu l-pulizija li huma stazzjonati fuq xogħol fl-għassa tal-Qawra xorta waħda tinħass il-ħtieġa ta' preżenza iktar qawwija ta' pulizija fil-lokalità, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ikun hemm żieda fin-numru ta' pulizija preżenti fil-lokalità, almenu, matul ix-xhur tas-sajf?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kif diġa kelli okkażjonijiet oħra nirrispondi għal-mistoqsijiet simili, li meta jinħass il-bżonn li jkun hemm aktar uffiċjali tal-Pulizija jaqdu id-doveri tagħhom f’lokalitajiet diversi, dawn jintbagħtu meta l-esiġenzi tas-servizz hekk jiddettaw. Dan jinkludi wkoll il-Qawra u San Pawl il-Baħar, li bħala lokalitajiet turistiċi u ta’ villeġġatura, matul ix-xhur tas-sajf, il-Pulizija isaħħah il-presenza tagħha permezz ta’ ronda kemm b’vetturi u muturi, kif ukoll permezz ta’ pulizija minn taqsimiet oħra, skond il-bżonn.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – klieb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma effettivi l-klieb li nxtraw u ġew imħarrġa fix-xogħol tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid x’riżultati taw?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-klieb li inxtraw u ġew imħarġa għal xogħol fil-Faċilita’ Korretiva ta’ Kordin jagħmlu xogħol kuljum f’istess Faċilita’. Dawn jagħmlu xogħol ta’ tfiċċijiet kemm fuq vetturi u persuni li jkunu deħlin fil-Faċilità kif ukoll fuq oġġetti li jkunu ser jiddaħlu fil-Faċilità. Il-klieb jintużaw ukoll waqt tfiċċijiet li jsiru fiċ-ċellel u postijiet oħra fil-Faċilità. Matul dawn l-aħħar xhur il-klieb tal-Facilità kienu strumentali f’għaxar każijiet ta’ sejbiet ta’ droga.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – proġetti fi ħdan l-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bbenefikax minn xi proġetti fi ħdan l-Unjoni Ewropea? Jekk iva liema kienu, x’kien jisimhom il-proġetti, x’fondi ħa minnhom u xi gwadanja?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Id-dipartiment tal-Protezzjoni Civili irrisponda għal ħdax –il sejħa ta’ fondi jew proġetti mill-Unjoni Ewropeja hekk kif imsemmi hawn taħt; · SIMIT – Proġett ta 2 miljun ewro fejn id-DPC ġab €407,000.00 li ntużaw biex jiġi stmat ir-riskju ta’ terremot, fejn sar eżerċizzju ġewwa Għawdex, u ieħor ġewwa Lampedusa. Id-dipartiment iggwadanja wkoll diversi għodod li jintużaw f’dawn is-sitwazzjonijiet, kif ukoll sistema diġitali tal-komunikazzjoni li qiegħda tintuża mid-DPC b’valur ta’ €234,000.00. Il-proġett issa jinsab konkluż. · CALYPSO- Proġett ta madwar miljun ewro, fejn id-dipartiment iggwadanja taħriġ fuq oil spills. Id-DPC kellu parteċipazzjoni marġinali f’dan, minħabba li awtoritajiet kompetenti fuq oil spills huma oħrajn, madanakollu Malta iggwadanjat sistema ta Radars li biha jista jiġi mfittex roqgħat ta-żejt bejn Malta u Sqallija u titieħed l-azzjoni neċessarja. · PACES- Proġett ta ‘ €766,000.00 fejn sehem id-DPC huwa ta’ €82,000.00. Dan il-proġett għandu l’għan li jiġi stabbilit pjan ta’ kif kull stat partiċipant, li minnhom hemm 7, jieħu ħsieb numru ta persuni li jkunu tilfu darhom wara terremot jew diżastru ieħor fil-pajjiż. Il-proġett jikkonsisti f’taħriġ intensiv li se jsir f’kull stat partiċipant.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – Taqsima Marittima – baga kbira

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn ittieħdet il-baga kbira (buoy) li kienet fit-Taqsima Marittima fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jista’ jgħid kemm qed tonfoq diesel il-fire boat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-baga li qed jgħamel referenza għaliha qiegħda miżmuma f’wieħed mill-istores tat-Taqsima Marittima. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili nefaq l-ammonti li jidhru hawn taħt f’użu ta’ diesel fuq il-Garibaldi: 2011 - 06/06/2011 €3630 05/09/2011 €3870 2012 - 19/04/2012 €2040 28/08/2012 €5400 2013 - 18/06/2013 €4139 11/09/2013 €4140 2014 - 19/05/2014 €2700 19/08/2014 €4080 2015 - 14/07/2015 €3780 2016 - 29/04/2016 €4050

Vetturi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – manutenzjoni ta’ spray u panel beating

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’tiswijiet għall-manutenzjoni ta’ spray u panel beating fuq il-vetturi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Minn min saru? Jekk ħarġitx tender għal dan ix-xogħol? Fejn jinżebgħu u jingħataw il-manutenzjoni tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-ammont ta’ flus li ntefqu f’tiswijiet għall-manutenzjoni ta’ Spray u Panel beating fuq il-vetturi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili u minn min saru huwa kif jidher fil-lista li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Għal dan ix-xogħol ma’ nħarġitx tender għalih minħabba li l-ammonti zgħar tat-tiswijiet involuti. Ix-xogħol ta’ Spray u manutenzjoni jsiru fl-istazzjonijiet tat-tifi tan-nar li għandu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili ġewwa Ħal Far, ix-Xemxija u Għawdex rispettivament.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – korsijiet għall-inmates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-inmates fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin humiex permessi li jattendu għall-korsijiet ġewwa l-Università ta’ Malta jew f’xi Liċeo ieħor f’pajjiżna? Jista’ jgħid x’taħriġ edukattiv jingħata lill-inmates minn ġewwa l-Faċilità stess?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Inmates fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandhom il-possibilita li japplikaw għal-Leave ta’ Studju skont ir-Regolamenti tal-Ħabs (L.S. 260.03). F’każ li dan il-leave ta’ studju jiġi approvat, inmate ikun jista’ japplika għal kors f’istituzzjonijiet bħall-Universita ta’ Malta u MCAST u jekk jissodisfa l-kiterji ta’ eleġbilita ta’ dawn l-istituzzjonijiet edukattivi, huwa jkun jista’ jattendi kors. It-taħriġ edukattiv ġewwa l-Faċilita huwa wieħed varjat u jinkludi edukazzjoni formali, informali, non-formali, vokazzjonali u sport. Lista ta’ korsijiet li fformaw parti mill-programm edukattiv għas-sena 2015 qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Għajnuna lill-persuni li jkunu waslu biex joħorġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta persuna minn ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tkun waslet lejn l-aħħar tas-sentenza tagħha, din tingħatax xi għajnuna sabiex ikollha d-dokumenti lesti sabiex tibda tingħata l-għajnuna tas-servizzi soċjali hekk kif toħroġ mill-Faċilità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin toffri servizz fejn darba fil-ġimgħa jattendu Uffiċjali tad-Dipartiment għas-Sigurta’ Soċjali sabiex jintervistaw priġunieri li jkunu waslu biex jitterminaw is-sentenza tagħhom u jkunu ser jerġaw joħorġu fil-kumunita’. L-uffiċjali tad-Dipartimenti jiġbru l-informazzjoni meħtieġa u b’dan il-mod l-għajnuna tas-servizzi soċjali tkun tista tingħata hekk kif il-persuna toħroġ mill-Facilità.

Għawdex – tfal taħt l-età f’diskoteki

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Pulizija f'Għawdex, kemm qabdet tfal taħt l-età f'diskoteki jew f’postijiet oħra ta' divertiment fejn ma jistgħux jidħlu persuni taħt l-età matul is-snin 2014, 2015 u 2016 sal-lum, sena b' sena? Kemm minn dawn il-każijiet spiċċaw il-Qorti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2014 sal-lum, kien hemm każ wieħed ta’ persuna taħt l-età li nqabdet f'diskoteka jew f’post ta' divertiment fejn ma jistgħux jidħlu persuni taħt l-età ġewwa Għawdex u eventwalment tressqet il-Qorti.

Għawdex — Persuni li nqabbdu jpejpu f’postijiet li hu pprojbit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies ipejpju f'postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit il-Pulizija f'Għawdex matul is-snin 2014, 2015 u 2016 sal-lum, sena b' sena? Kemm tressqu persuni l-Qorti dwar dan kull sena fis-snin indikati? Kemm-il sid ta' stabbiliment tressaq il-Qorti fl-istess snin talli ppermetta tipjip f'post fejn huwa pprojbit?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn is-sena 2014 u llum, kien hemm persuna waħda li nqabdet tpejjep f'post fejn t-tipjip huwa pprojbit mill-Pulizija f'Għawdex u li eventwalment tressqet il-Qorti. Ma kienx hemm sidien ta' stabbiliment li tressqu il-Qorti talli ppermettew tipjip f'post fejn huwa pprojbit matul l-istess perjodu.

Għawdex – Persuni li ttellgħu l-Qorti minħabba ksur tal-Litter Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm tellgħu nies il-Qorti l-pulizija f'Għawdex għax kisru xi dispożizzjoni tal-Litter Act matul is-snin 2014, 2015 u 2016 sal-lum, sena b' sena? F’liema lokalitajiet inqabdu dawn il-każijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li ttellgħu il-Qorti mill-Pulizija f'Għawdex jew inħarġilhom ticket għax kisru xi dispożizzjoni tal-Litter Act mis sena 2014 sal-lum, kien kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, li tinkludi wkoll il-lokalitajiet fejn ġraw l-inċidenti relatati.

Għawdex — Persuni li ttellgħu l-Qorti minħabba li servew alkoħol lill-persuni taħt l-età

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm il-pulizija f'Għawdex qabdu każijiet fejn kien qed jiġi servut jew jinbiegħ alkoħol lill-persuni taħt l-età matul is-snin 2014, 2015 u 2016 sal-lum, sena b'sena? Kemm minn dawn il-każijiet spiċċaw il-Qorti? Kemm-il sid ta' stabbiliment f'Għawdex f'dawn is-snin spiċċa l-Qorti għaliex serva jew biegħ alkoħol lill-persuni taħt l-età?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2014 sal-lum, ma kien hemm ebda każ fejn xi sid ta’ xi stabiliment inqabad isservi jew ibiegħ alkoħol lill-persuni taħt l-età mill-Pulizija ġewwa Għawdex u għaldaqstant ma kienx hemm każijiet li spiċċaw il-Qorti.

Pulizija – extra duties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b'kollox kemm hemm pulizija stazzjonati f'Għawdex u kemm minn dawn applikaw biex jagħmlu xogħol ta' “extra duties”? Jista' jikkonferma li dawk il-pulizija li ma applikawx formalment u kif mitlub mir-regolamenti tal-Korp, mhux qed jingħataw “extra duties” u li għalih jitħallsu extra? Jista' jgħid kemm hemm pulizija Għawdxin li huma stazzjonati f'Malta u li applikaw biex jagħmlu xogħol ta' “extra duties” f'Għawdex?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li f’Ghawdex bil-fizzjali b’kollox hemm stazzjonati mija u tnejn u għoxrin (122) uffiċjal. Minn dawn applikaw sebgha u għoxrin (27) uffiċjal sabiex jagħmlu l-extra duty, li ħdax (11) minnhom m’għadhomx jagħmlu extra duty għal raġunijiet personali. Minħabba l-esiġenzi tas-Servizz peress li jkun hemm diversi drabi fejn id-domanda ta’ Pulizija li jkunu meħtieġa jagħmlu extra duty tkun iktar minn dawk reġistrati, il-fizzjali ġewwa Għawdex jitolbu lill-uffiċjali Għawdxin stazzjonati kemm Għawdex kif ukoll Malta, biex volontarjament jagħmlu l-extra meħtieġa u jitħallsu extra wkoll. Ikun hemm xi drabi fejn extra duty ssir min uffiċjali f’Għawdex waqt ix-xogħol normali tagħhom u dħul minnha jmur revenue. Bħalissa hemm sebgħa (7) pulizija stazzjonati Malta reġistrati b’indirizz t’Għawdex, li wkoll huma reġistrati li jagħmlu extra duty kemm Malta kif ukoll Għawdex.

Ħabs Ċivili ta’ Kordin – użu tat-telephone tal-istores

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil dan il-Parlament x'passi u x’miżuri jittieħdu ġewwa l-Ħabs Ċivili ta’ Kordin sabiex jiġi assigurat illi priġunieri fl-istess ħabs ma jagħmlux użu mit-telephone li hemm ġewwa l-istores liema telephone ma jinżammx taħt moniteraġġ peress li suppost jintuża minn uffiċjali biss u mhux minn priġunieri?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li t-telephone li jintuża mill-istores jinżamm taħt il-kontroll tal-uffiċjali addetti ġewwa l-imsemmi stores. Tajjeb jingħad li meta ma jkunx hemm uffiċjali ġewwa l-istores, dan jiġi magħluq u għalhekk fl-ebda ħin ma jkun hemm it-telephone mhux sorveljat.

Ċentri ta’ detenzjoni — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni minn Marzu 2013 sad-data li fiha tinqara din id-domanda?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentri ta’ detenzjoni – xogħol rigward is-saħħa u s-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi xogħol fir-rigward is-saħħa u s-sigurtà fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni? Jekk iva jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża involuta f’dan il-proġett?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-lum sar xi xogħol fir-rigward is-saħħa u s-sigurta’ fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni. L-ispiza nvoluta kienet ta’ €315,825.00