Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal-Luqa — Triq Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx saru testijiet għal kwalita' ta' l-arja fi Triq Ħal Qormi, Ħal Luqa u dan minħabba d-dħaħen u emissions oħra li r-residenti fl-area ikollhom isofru minnhom minħabba t-traffiku qawwi li jgħaddi minn hemm? Jekk saru testijiet ta' din ix-xorta, jista' jgħid x'kienu r-riżultati u x'passi qed jittieħdu biex jitnaqqsu d-dħaħen?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-programm ta moniteraġġ passiv li tmexxi l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ikopri wkoll dawk l-inħawi, fil-fatt hemm żewġ punti ta` moniteraġġ fit-truf rispettivi ta’ Triq Ħal Qormi, li huma fi Triq Dun G.Micallef (Luqa) u Triq Manwel Dimech (Qormi). Dawn huma punti fissi bħala parti mid-diffusion tube monitoring programme li jkopri tliet toroq għal kull 44 lokalità f'Malta u f’Għawdex. Ninsab ukoll infurmat li l-livelli ta’ tniġġiż minn dawn il-lokalitajiet mhumiex ta’ livelli għoljin iżjed mis-soltu u ma jaqbżux il-limiti tad-direttivi tal-kwalità ta’ l-arja u dawk ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

National Diploma in Agribusiness

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jara għalfejn il-kwalifika ta' "National Diploma in Agribusiness", liema kors hu offrut mill-MCAST, mhux qed tiġi rikonoxxuta f'sejħiet għall-posts li joħorġu mill-istess dipartiment ta' l-agrikoltura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-National Diploma in Agribusiness tingħata rikonoxximent skond il-kriterji stabbiliti iżda f’każijiet bħal, per eżempju, reklutaġġ ta’ Agriculture Officer il-kwalifika minima stabbilita hi dik ta’ Diploma in Agriculture mogħtija mill-Istitut ta’ l-Agrikultura ta’ l-Università ta’ Malta, skond kif inhu stabbilit fil-Ftehim ta’ Assimilazzjoni mal-unions.

Sajd illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' sajd illegali irrapportati lill-ministeru din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li filwaqt li saru seba' rapporti ta' sajd illegali matul is-sena 2006, fil-maġġoranza tagħhom l-informazzjoni neċessarja, bħal x'bandiera qed itajjar il-bastiment, l-isem jew in-numru tiegħu, u l-kulur tal-bastiment tas-sajd, ma ingħatatx u allura kien impossibbli biex wieħed jieħu xi azzjoni. Żewġ każi li qed tittieħed azzjoni fuqhom jirrigwardaw sajd illegali ta' Malti fuq il-lampuki u sajd illegali minn bastimenti tas-sajd Franċiżi. Fuq dawn il-każijiet id-Diviżjoni ngħatat l-informazzjoni neċessarja.

Development Control Policy Guidelines

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu japprova l-emendi l-ġodda għad-development control policy guidelines ta' l-2005 wara li ntemm il-perijodu ta' konsultazzjoni pubblika minħabba li hemm numru ta' applikazzjonijiet fil-MEPA li jinsabu pendenti u qed jistennew li jiġu approvati dawn ir-regolamenti l-ġodda biex jitilgħu għad-deċiżjoni finali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika għalaq għad hemm diskussjoni għaddejja mal-Kamra tal-Periti. Huwa maħsub li ladarba din id-diskussjoni tingħalaq, fl-inqas żmien possibbli ssir l-evalwazzjoni ta' kull risposta li rċeviet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). L-emendi li jsiru sussegwentement jinħtieġu l-approvazzjoni tal-bord ta' l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u tal-Ministru ta' l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.

MEPA — Water Park/Caravan Site

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa mill-MEPA u l-awtoritajiet konċernati biex l-iżvilupp mitlub f'applikazzjoni PA06361/06 għal water park u caravan site ma jintlaqtux ħażin il-bdiewa u s-sajjieda ta' l-inħawi u l-iżvilupp isir skond kriterji moderni li t-turiżmu jrid ikun sostenibbli, ambjentalment u kulturalment, u kompatibbli ma' l-interessi tal-bdiewa u s-sajjieda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant josserva l-prassi maqbula f’din il-kamra dwar applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

MEPA — Skema ta' irranġar u tibdil ta' gallarijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskema ta' irranġar u tibdil tal-gallarijiet tal-MEPA, għadhiex miftuħa? Jekk fl-affermattiv, min jista' japplika? Kemm jistgħu jibbenefikaw? Minn liema lokalita' jistgħu japplikaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-irranġar u t-tibdil tal-gallarijiet ta' l-injam m'għadhiex miftuħa. Din l-iskema għalqet fl-aħħar ta' Settembru 2006. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skemi bħal dawn jinħarġu b’mod regolari mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-pubbliku jkun mgħarraf meta titħabbar l-iskema li jmiss.

Greenhouse Gas Emissions

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-gvern u x'inhi l-politika tal-gvern biex jitnaqqsu l-greenhouse gases emissions ġo pajjiżna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li diġà qegħda tittieħed azzjoni biex kemm jista’ jkun jiġu kkontrollati emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Matul dawn l-aħħar snin ġew imnedijin numru ta’ inizzjattivi favur l-użu ta’ sorsi renovabbli ta’ l-enerġija permezz ta’ skemi għal għajnuna finanzjarja. Il-kontroll ta’ l-emissjonijiet huwa wieħed mill-kriterji li qegħdin jiġu kkunsidrati fl-investiment li l-Korporazzjoni Enemalta qegħda tagħmel f’makkinarju ġdid għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku. Ma rridux ninsew ukoll li numru ta’ liġijiet u miżuri ppreżentati mill-Unjoni Ewropea huma maħsubin biex jikkontrollaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kemm direttament kif ukoll indirettament. Per eżempju, taħt l-Iskema Kummerċjali dwar l-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra ( EU Emissions Trading Scheme ), il-pajjiżi membri, inkluża Malta, iridu jimponu limiti dwar l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju ( carbon dioxide ) minn industriji kbar, fil-każ ta’ Malta, l-impjanti għall-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku. Dan isir permezz tal-Pjan Nazzjonali għall-Allokazzjoni ta’ Emissjonijiet, liema pjan ġie diġà sottomess minn pajjiżna u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea.

MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kordinazzjoni ssir bejn il-MEPA u l-awtoritajiet sanitarji taħt il-Ministeru tas-Saħħa peress li hemm każi fejn uffiċjali tas-sanita' ma jsibu ebda problema fi stabiliment iżda mbagħad is-sanitary engineering officer isib problemi, aktar dettalji dwar każ partikolari qed jintbagħtu separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha prassi li tikkonsulta mad-Dipartiment tas-Saħħa fuq applikazzjoniet għall-iżvilupp li jinkludu ikel u xorb. Fost kundizzjonijiet oħrajn li dan id-Dipartiment jinkludi fir-risposta tiegħu lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hemm li l-iżvilupp mitlub josserva l-liġijiet u r-regolamenti dwar il-Bini u Sanità. Fil-fatt dan ikun mistħarreġ mis-sanitary engineering officer fi ħdan l-Awtorità. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tagħmel arranġamenti biex tiltaqa’ mal- General Services Board biex jiġu diskussi sitwazzjonijiet fejn l-Awtorità tixtieq li tintlaħaq pożizzjoni komuni bejnha u bejn il- General Services Board dwar interpretazzjoni tal-liġi tas-sanità. L-intenzjoni ta' dawn il-laqgħat hija ukoll biex tissuġġerixxi emendi li jindirizzaw problemi komuni li jeżistu f'ħafna bini ta ċertu żmien li hu impossibbli li jiġi regolarizzat jew irranġat mingħajr twaqqigħ, jekk ma tinstabx alternattiva adekwata billi jiġi aċċettat l-użu ta' forced ventilation . Għat-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant josserva l-prassi maqbula f’din il-kamra dwar applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Żbir ta' Siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żabra tas-siġar fid-diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex hijiex responsabbilta' ta' xi dipartiment fil-ministeru tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Malta l-Malta Embellishment and Landscaping Project (MELP) hi responsabbli għaż-żabra tas-siġar fil-lokalitajiet li jaqgħu taħt il-Gvern Ċentrali u f’lokalitajiet fejn il-kuntratur tagħha qiegħed taħt kuntratt. F’Għawdex, ir-responsabbiltà hija f’idejn il-Ministeru għal Għawdex.

Ta' Qali — Runway

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li r-runway ta' Ta' Qali se tinqala' u ssir ġnien minflok? Jekk fl-affermattiv, meta hu ppjanat li se jinbeda dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni PA 2938/06 tirrerferi għal proġett ta' ġnien formali li jkompli bħala estensjoni mal-ġnien eżistenti fix-xlokk tal-periferija tar-runway ta' Ta' Qali. Il-proġett huwa propost f’parti mir-runway u parti fil-buffer zone fuq il-grigal tar-runway, kif stipulat fit-Ta' Qali Action Plan, li jagħti din iż-żona għal Informal Recreation. L-applikazzjoni għadha pendenti. Ix-xogħol beħsiebu jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Xagħra l-Ħamra — Golf course

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jxandar ir-rapporti li saru lill-gvern dwar għandhiex issir korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Direct Orders

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ħaż-Żabbar — Razzett tal-baqar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-full time farmer li għandu r-razzett tal-baqar fi Triq San Leonardu, Żabbar intalab jiċċaqlaq minn hemm? Jista' jgħid jekk hux se jingħata post alternattiv u jekk fl-affermattiv, fejn u meta? Illum li għadu ma ngħatax post, x'inhi r-raġuni li personnel mill-MEPA qed jitolbuh joħroġ immedjatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħanut fl-Imsida

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-bini li qiegħed jintuża bħala ħanut fl-Imsida u li hu milqut b'enforcement notice ECF 0475/06 għax mhux kopert bl-ebda permess tħalla jopera meta f'każi oħra tali ħwienet ġew issiġillati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sezzjoni ta’ l-infurzar ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) investigat il-każ, ECF 475/06, u dan ġie riferut lis-sezzjoni ta’ l-azzjoni diretta sabiex jittieħdu dawk il-passi neċessarji.

ECF0526/02-PA03869/02

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'jista' isir dwar il-każ ECF0526/02 u PA03869/02 fejn minħabba żball amministrattiv, id-drittijiet tas-sid ma jistgħux jiġu indirizzati biex lil dan issirlu ġustizzja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Avviż tat-Twettiq Ecf 526/02 kien inħareġ kontra s -sid għax dan kellu veranda fil-bitħa interna u kamra fuq il-bejt mibnijin kollha mingħajr il-permessi meħtieġa. Waqt li l-veranda ġiet imneħħija mis-sid stess, il-kamra ġiet regularizzata bil-ħruġ tal-permess PA 3869/02. Għaldaqstant, il-każ min-naħa ta' l-infurzar ġie magħluq.

Ċentri għal riċiklaġġ ta' skart goff

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22223 u cioe': B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21460, jista' jekk jogħġbu jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-istudji mitluba fuq l-impatt dwar l-aspetti differenti ta' l-ambjent imsemmija, bħal tniġġis ta' l-arja, żieda fit-traffiku u vetturi ta' natura industrijali, ħsejjes, eċċ.?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra studju dwar l-impatt tat-traffiku. Dwar l-aspetti l-oħrajn imsemmija, dawn jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjoni.

MEPA — Commuted parking payment scheme

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inġabru flus mill-MEPA mill-commuted parking payment scheme mit-twaqqif tagħha sal-lum? Liema huma l-proġetti li saru minn dan il-fond?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ministeru, dipartimenti u enti oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2005-2006? Jista' jgħid f'liema grad hu kull impjegat ġdid?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2005 ġew impjegati seba’ ħaddiema ġodda mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent kif jidher hawn taħt: 2 Junior Veterinary Officers 1 Principal 1 Fisheries Protection Officer (bil-kuntratt) 1 Aquaculture Officer (bil-kuntratt) 2 Policy Officers (bil-kuntratt) Matul is-sena 2006 ġew impjegati erbatax-il ħaddiem ġdid mal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent. Dawn kienu kif ġej: 1 Junior Veterinary Officer 1 Inspector (Health and Safety) 2 Junior Legal Officers 1 Principal Pharmacist 1 Manager (EU Funds Management Unit) (bil-kuntratt) 1 Policy Officer (bil-kuntratt) 1 Resource Manager (Capture Fisheries) (bil-kuntratt) 5 Expatriate Veterinarians (bil-kuntratt) 1 Executive Co-ordinator (NCSD) (bil-kuntratt) Matul is-snin 2005-2006 mal-WasteServ Malta Ltd ġew ingaggati b’kollox 48 impjegat kif ġej: 6 clerks 3 technical officers 1 assistant contracting officer 1 contracting officer 1 senior technical officer 2 technical supervisors 1 senior technical officer – gas technician 1 procurement officer 3 eco-councillors 29 ESF sales representatives (part-timers ) Matul is-sena 2005, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) daħħlet: 1 Senior Research Officer 4 Environment Protection Officers 4 Secretarial Assistants Matul is-sena 2006, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) daħħlet: 6 Environment Protection Officers 5 Assistant Planning Officers 2 Enforcement Officers 1 Environment Technician 4 Secretarial Assistants

Tajr Mejjet/Ferut misjub Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' tajr mejjet jew ferut li waqgħu f'idejn id-dipartiment din is-sena? X'tip kienu, kemm fiequ mill-feriti li ġarrbu u ntelqu? Kemm kellhom jinqatlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif kelli l-opportunità li ninforma lill-Onorevoli Membru drabi oħra, id-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma jżommx fil-pussess tiegħu ebda għasfur, ħaj jew mejjet, kemm protett kif ukoll li mhuwiex.