Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — Fanal

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir fanal fit-trejqa li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u dan minħabba li din it-trejqa qed isir fiha abbuż u ħmieġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret, irriżulta li kien hemm diġa fanal fit-trejqa msemmija pero’ dan ma kienx qed jixgħel. Din il-bozza ġiet mibdula min-naħa tal-Korporazzjoni Enemalta.

Manoel Island — servizz ta' ilma, drenaġġ u elettriku

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24089 u jgħid xi studji saru biex jiġi evalwat jekk is-servizzi ta' l-ilma, drenaġġ u ta' l-enerġija elettrika humiex biżżejjed għaż-żieda qawwija f'appartamenti ġodda li telgħin jew se jitilgħu fl-inħawi ta' Manoel Island, il-ponta ta' Tigne', Pender Place u Fort Cambridge Square?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 24190.

Qasam Industrijali tar-Ricasoli — Fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24099 u jagħti lista ta' dawk il-fabbriki li kienu fil-qasam industrijali ta' Ricasoli u ġew allokati fabbrika oħra? Fejn ingħataw? X'kien id-daqs li kellhom f'metri kwadri u x'daqs għandhom illum? Jista' jgħid kemm ġiet tiswa l-ispiża, għal kull każ, sabiex mir-Ricasoli marru għall-fabbrika l-ġdida? Liema huma dawk li għadhom jistennew li jingħataw post alternattiv?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward il-lista tal-fabbriki u fejn ingħataw, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru. 23550. Ninsab infurmat li l-allokazzjonijiet l-ġodda jirriflettu d-daqs tal fabbrika li kellhom iżda wkoll sitwazzjonijiet varji bħal allokazzjonijiet addizzjonali pendenti, il-mod ta' użu li kien isir f'Ricasoli, kif ukoll id-daqs tal-fabbrika li kienet għad-dispożizzjoni biex tkun allokata. Rigward kemm ġiet tiswa din ir-riallokazzjoni jiena nfurmat li l-ispiża mistennija tlaħħaq madwar Lm3 miljun lira u tinkludi fiha spiża ta' Lm2.3 miljun biex isir upgrading tal-fabbriki. Din l-ispiża xorta riedet issir kieku l-fabbriki baqgħu r-Ricasoli peress li kellhom bżonn manutenzjoni sostanzjali. Meta tikkonsidra dan kollu, ir-riallokazzjoni ta' dawn il-fabbriki swiet madwar Lm700,000 lira. Rigward kemm hemm fabbriki jistennew, din ir-risposta diġa ingħatat fil-mistoqsija Nru. 22280.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 22863 u jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Imprendituri Għawdxin — Skemi offruti mill-Malta Enterprise

Question

Jista' l-Ministru jelenka skemi/inċentivi/sussidji offruti mill-Malta Enterprise lill-imprendituri Għawdxin; jgħid kemm ilhom viġġenti dawn l-iskemi/inċenvitivi/sussidji u kemm ibbenefikaw f'dawn l-aħħar ħames snin minn kull skema/inċentiv/sussidju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

WSC — Problema ta' seeping water

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23983, fejn intqal li ma jirriżultax li saru xi rapporti lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma dwar ħruġ ta' ilma fl-indirizz indikat separatament, jista' l-Ministru jivverifika peress li jien stess għamilt rapport fuq il-każ fit-18 ta' Settembru, 2006 bl-email lil customer care@ wsc.com.mt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bi żvista ma ttieħditx azzjoni mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma wara li rċeviet l-e-mail ta' l-Onor. Interpellant u għaldaqstant il-KSI tħoss li għandha tapoloġizza miegħu. Fit-12 ta' Marzu intbagħat uffiċjal tal-KSI biex jinvestiga l-każ, iżda għalkemm kien hemm sinjali ta' umdita' ma kienx possibli li jinġabar sample ta' l-ilma li qed jiskula. Madankollu l-KSI ser tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji permezz ta' eżerċizju ta' leak detection fl-inħawi ta' l-indirizz indikat.

Malta Industrial Parks — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija bħalissa mill-Malta Industrial Parks? X'tip ta' karozzi huma u kemm hi l-ispiża f'kull każ u x'użu qed isir minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Malta Industrial Parks Limited qeda tikri dawn is-seba karrozzi : Ford Focus – bir-rata ta’ Lm5.96 inkluz il-V.A.T. kull jum. Zewg Peugeots 206 – bir-rata ta’ Lm5.96 inkluz il-V.A.T. kull karozza, kull jum. Peugeot 307 - bir-rata ta’ Lm6.55 inkluz il-V.A.T., kull jum. Fiat Punto - bir-rata ta’ Lm5.18 inkluz il-V.A.T., kull jum. Fiat Punto – bir-rata ta’ Lm5.18 inkluz il-V.A.T. , kull jum. Fiat Punto – bir-rata ta’ Lm5.18 inkluz il-V.A.T. , kull jum . Rigward l-użu ta' dawn il-vetturi, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 24109.

Proġetti u investiment

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22746 dwar proġetti u investiment, jista' l-Ministru jgħidli f'liema settur/i huma l-proġetti approvati? Kemm se jkun l-investiment f'kull settur u kemm impjiegi se jinħolqu f'kull settur? Kif inhu pproġettat li jsir l-investiment u li jinħolqu l-impjiegi kull sena matul l-ewwel tliet snin ta' l-operat tagħhom? Meta kien proġettat li jibda jsir l-investiment u jibdew jinħolqu l-impjiegi? Jista' jgħidli mill-proġetti approvati kemm sar investiment u kemm impjiegi nħolqu s'issa f'Malta u Għawdex separatament minn dak li kien proġettat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Korporazzjonijiet/entitajiet — Privatisation

Question

Hemm xi taħdidiet dwar privatisation prospettivi għaddejjin ma' investituri privati in konnessjoni ma' xi aġenzji jew korporazzjonijiet u/jew enti li fihom għandu ishma l-Gvern Malti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħal issa il-Privatisation Unit għaddeja bil proċess ta kummerċjalizzazzjoni tad-Divizjoni tal GAS (LPG) ta l-Enemalta u l-bejgħ ta l-istmha li l-Gvern għandu fit-Tug Malta Limited.

Gzira — Triq Luqa Briffa - Ilma

Question

X'inhuma r-raġunijiet li għalihom ċerti nħawi fil-Gżira, fosthom partijiet fi Triq Luqa Briffa, il-familji għandhom kwalita' ħażina ta' ilma mill-vit? X'passi oħra se jittieħdu biex titjieb il-kwalita' ta' l-ilma ta' dawn il-familji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-problema nqalgħet ftit taż-żmien ilu minħabba xi mejnijiet qodma fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma tal-akkwata, li kienu l-kawża ta’ ilma bis-sadid. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma bidlet il-kanen fl-istess sistema u l-problema ssolviet ftit tax-xhur ilu. Dan hu kkonfermat mir-riżultalti ta’ analiżi ta’ l-ilma li sar mill-Laboratorju tal-KSI wara li sar ix-xogħol.

Servizz tad-dawl, ilma u drenaġġ

Question

X'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi tad-dawl, ilma u drenaġġ ikunu adekwati biex ikunu jifilħu għall-bini qawwi li tiela' fl-inħawi tal-Gzira, Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ilha tistudja kif se tiġi effetwata l-provista tal-ilma, minħabba l-proġetti msemmija mill-Onorevoli Interpellant. Fil-fatt, is-sistema tal-ilma fil-lokalitajiet ikkonċernati hija robusta biżżejjed biex tista' tforni mingħajr problemi il-konsum addizzjonali li jiġġeneraw dawn il-proġetti. Rigward id-drenaġġ il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddeja b'xogħol ta' tkabbir fis-sistema tad-drenaġġ fil-pumping station tal-Gżira u r-'rising main' li se jkun jista' jlaħħaq maż-żieda fid-drenaġġ f'dawn l-inħawi. L-Enemalta qed tieħu ħsieb biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku f'dawn l-inħawi. Dan it-tisħiħ isir a bażi ta' studji regolari li jsiru biex tkun eżaminata n-network tad-distribuzzjoni f'Malta u Għawdex. L-Enemalta dalwaqt sejra tagħmel pubbliku il-Pjan tad-Distribuzzjoni 2007-2015. Dan id-dokument jagħti dettalji tad-distribuzzjoni kif ukoll ix-xogħolijiet ta' tisħiħ li jridu jsiru fis-snin li ġejjin. Dan il-Pjan tad-Distribuzzjoni ser jikkumplimenta l-Pjan tal-Ġenerazzjoni li ħareġ is-sena l-oħra. A bażi tal-konsum irreġistrat matul is-sajf 2006 u ż-żieda mistennija għas-sajf 2007 fl-inħawi ta' Sliema, Gżira u San Ġiljan, l-'spare capacity' għal dawn il-lokalitajiet għas-sajf 2007 ser tkun ta 20 MVA (bejn wieħed u ieħor 15%). Din l-ispare capacity ppjanata li tibqa' u anke tiżdied minkejja l-iżvilupp.

Gzira — Provvista inkonsistenti tad-dawl

Question

X'inhuma r-raġunijiet li għalihom ċerti toroq fil-gżira fosthom partijiet ta' Triq Luqa Briffa u Triq Giacint Tua għadhom jilmentaw minn provvista inkonsistenti tad-dawl u jkollhom waqfa u żidiet qawwija ta' dawl li jagħmel ħsara fl-apparat li jintuża fid-djar? X'passi se jittieħdu biex jiġu rrimedjati dawn in-nuqqasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara li saret investigazzjoni fuq is-sistema tad-distribuzzjoni fl-inħawi, nstab li l-provvista ta’ l-elettriku kienet qed tkun inkonsistenti minħabba tower crane li kien imqabbad ma’ l-istess circuit. Dan it-tower crane issa ġie mqabbad ma’ circuit ieħor u s-sistema issa ġiet lura għan-normal.

WSC — Dħul ta' ilma f'residenza privata

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa każ ta' anzjana ta' 88 sena li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għal dawn l-aħħar xahrejn qed jidħlilha l-ilma fid-dar tagħha? Jista' jara li jintbagħtu nies mid-drainage section biex din il-problema tiġi finalizzata minħabba periklu li din tista' tiżloq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjoni li għamlu l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma instab li dan kien ilma tad-drenaġġ iżda ma nstab l-ebda leak mill-mejn fit-triq indikata mill-Onor Interpellant. F’każi bħal dawn, il-Korporazzjoni tgħaddi l-ilment lid-Dipartiment tas-Saħħa biex l-ispettur sanitarju jkun jista’ jagħmel l-investigazzjonijiet necessarji fuq konnessjonijiet privati ta’ din id-dar kif ukoll tal-ġirien.

Drenaġġ

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24189, jista' l-Ministru jgħid min rebaħ din it-tender u x'inhu l-valur tax-xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur li rebaħ it-tender tal-Malta South Sewage Transmission Infrustructure huwa 'Rockcut Limited'. Il-valur tax-xogħolijiet huwa ta' Lm3,173,327.75c.

Enemalta — MIDI/Holiday Inn

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24204 u jgħid jekk l-Enemalta għandhiex l-kapaċita' biżżejjed sabiex tforni b'mod suffiċjenti l-proġett tal-MIDI (Tigne Point) kif ukoll li l-iżvilupp tas-sit tal-Holiday Inn meta dawn iż-żewġ proġetti jitlestew? Jekk fin-negattiv, x'beħsiebha tagħmel l-Enemalta f'din is-sitwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 24190.

Airport Services Company Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma jekk l-Airport Services Company Limited hijiex kumpanija parastatali? Jista' jgħid ukoll kif inhu mqassam s-shareholding tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Airport Services Co. Ltd. hija Kumpanija Sussidjarja tal-Air Malta plc. L-Air Malta għandha 249,999 Ordinary Shares ta' Lm1 l-waħda minn share Kapitali tal-Airport Services ta' Lm250,000. Share wieħed ta' Lm1 hu miżmum mill-Holiday Malta Co. Ltd (li hi kompletament sussidjarja ta' l-Air Malta).

Servizz ta' l-Elettriku

Question

Tista' l-Enemalta tinvestiga l-ilment ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, dwar is-surges li spiss qed jkollha fis-servizz ta' l-elettriku b'konsegwenzi li kemm-il darba qed issirlha ħsara lill-electric appliances fir-residenza tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara li saret investigazzjoni fuq is-sistema tad-distribuzzjoni fl-inħawi, nstab li l-provvista ta’ l-elettriku kienet qed tkun inkonsistenti minħabba tower crane li kien imqabbad ma’ l-istess circuit. Dan it-tower crane issa ġie mqabbad ma’ circuit ieħor u s-sistema issa ġiet lura għan-normal.

Appartamenti ġodda f'Manoel Island — Servizz ta' ilma, drenaġġ u elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru biex jiġi evalwat jekk is-servizzi ta' l-ilma, drenaġġ u ta' l-enerġija elettrika humiex biżżejjed għaż-żieda qawwija f'appartamenti ġodda li telgħin jew se jitilgħu fl-inħawi ta' Manoel Island, il-ponta ta' Tigne', Pender Place u Fort Cambridge Square?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.