Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4981 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Furjana — Special Education Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ħafna drabi ħadd ma jwieġeb it-telephones li hemm fl-iSpecial Education Centre tal-Furjana u wkoll min qed imexxi dan iċ-Ċentru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċ-Ċentru Edukazzjoni Speċjali tal-Furjana għandu żewġ linji tat-telefon (231567 - 233698) u linja oħra għall-fax machine. Iż-żewġ linji tat-telefon huma imqabda ma' sistema tat-telefon imsejħa EPABX li tqassam dawn il-linji f'sitt extensions oħra. B'hekk jekk iż-żewġ persuni li jaħdmu f'dan l-uffiċju jkunu qegħed jirrispondu t-telefonati, ikun baqa' erba' linji vojta li naturalment ħadd ma jkun jista' jweġibhom. Mill-bqija tat-telefonati l-oħra kollha jiġu imwieġba kemm hu umanament possibli. Billi dan huwa Ċentru ta' Ħtiġijiet Speċjali u fuq kollox Dipartiment tal-Gvern huwa impossibli li tinjora sejħa għal għajnuna, direzzjoni jew ordni. Bħalissa dan iċ-Ċentru hu mmexxi minn Education Officer u skrivan.
Leg 9 PQ #4982 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — St. Andrew's Skola San Miguel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa b'kollox il-hydrotherapy pool li hemm fl-iskola San Miguel, f'St. Andrews u għaliex din il-pool għadha mhux qed tintuża mit-tfal b'diżabilita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-flus kollha għal Hydrotherapy Pool inġabru minn Kumitat imwaqqaf apposta msejjaħ Hydrotherapy Pool Committee li ħallsu wkoll il-kontijiet kollha għal dan il-proġett. Il-Gvern daħal biss biex iwettaq bini strutturali. Dan ix-xogħol sar mill-istudenti ta' l-iskola tal-Bini, Girolomo Cassar. Billi dan kien kumitat privat m'għandnix fil-pussess tagħna ċ-ċifri ta' kemm sewa dan il-proġett. Kien hemm sponsor li ħallas minn butu għat-taraġ li jrid jintuża f'din il-Pool. Ix-xogħol ma sarx kif mixtieq u jrid jinbidel. L-istess sponsor qiegħed f'kuntatt mal-kuntratturi biex dan ix-xogħol isir malajr kemm jista' jkun biex fl-inqas żmien possibli dan il-post jibda jintuża.
Leg 9 PQ #4983 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Case conference

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ġenituri ma jitħallewx jipparteċipaw waqt il-case conference ta' uliedhom li ssir fis-CDAU ta' l-Isptar San Luqa? U jekk le, għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li -Ċentru Edukazzjoni Speċjali tal-Furjana mhux f'pożizzjoni li jagħti tweġiba. Din il-mistoqsija għandha tiġi mogħdija liċ-Chairperson CDAU, Sptar San Luqa, G'Mangia.
Leg 9 PQ #5028 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Infiq ta'flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar il-flus li ntnefqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija numru 2652. Dwar it-tieni parti, sakemm ma ningħatax raġuni valida 'l-għala qed jintalab, ma nara l-ebda skop li jingħata r-'rendikont itemized' mitlub fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Leg 9 PQ #5113 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Istat - Canteens

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod jingħataw il-canteens ta' l-iskejjel ta' l-Istat? Dawn jingħataw b'direct allocation jew inkella b'sejħa pubblika għall-offerti? Kull meta jingħataw u liema skejjel bħalissa għandhom bżonn lil xi ħadd biex jimla' canteen li hu vakant?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hija 'policy' tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li t-tmexxija tat-'Tuck Shop' tingħata kemm jista' jkun f'idejn il-Kunsill Skolastiku. Fejn dan ma jkunx possibli kull Kap ta' Skola għandu għażla kif spjegata hawn: Fuq sistema li nbdiet sentejn ilu kull skola sekondarja, tas-snajja' u post-sekondarja tiġi mitluba tiddikjara kif se tmexxi t-'Tuck Shop' fl-iskola rispettiva. Kull skola tista' tagħżel li t-'Tuck Shop' jitmexxa: 1. mill-Kunsill Skolastiku; 2. b'kuntratt wara sejħa pubblika għall-offerti maħruġa mill- iskola flimkien mal-Kunsill Skolastiku; 3. b'kuntratt wara sejħa pubblika għall-offerti maħruġa mid- Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. L-offerti għall-'Canteens' jinħarġu darba kull sena skolastika. Dawn jinħarġu għall-ħabta ta' Lulju. Bħalissa m'hemm ebda skola li għandha bżonn lil xi ħadd biex jimla 'canteen' li hu vakant.
Leg 9 PQ #3583 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Fax machines

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fax machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jidhirlix li t-tagħrif mitlub jista' jissodisfa xi interess pubbliku u għaldaqstant mhux ġustifikat li jintużaw l-uffiċċjali pubbliċi għal dan l-iskop. Hemm rimedji u istituzzjonijiet oħra għall-verifika tal-mistoqsijiet imqanqla mill-Onor. Membru.

Villa Rumana — Proġett

Question

In vista tad-domanda parlamentari numru 3538, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba sarx rapport fuq l-istat tal-kostruzzjoni preżenti ta' Villa Rumana, Rabat, u jekk ġewx imsewwija l-bjut li minnhom kemm-il darba l-możajċi daqu l-ilmijiet tax-xita u l-moffa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-możajċi tad-Dar Rumana r-Rabat kienu suġġett ta' sensiela ta' studji u interventi ta' konservazzjoni mis-snin tletin. L-aktar studju reċenti li sar kien dak imħejji minn Moez Chelli, li kien responsabbli għall-możajċi tal-Banji Antonini f'Carthage fit-Tuniżija. Kopja ta' dan ir-rapport ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Kif jidher mit-tieni paġna ta' dan ir-rapport, interventi ta' konservazzjoni li ma jkunux maħsuba sewwa jistgħu jagħmlu aktar ħsara milli ġid. Dan jidher mill-interventi tas-snin tletin. Għalhekk, fil-preżent ma hemm ebda intenzjoni li jintmissu l-możajċi nfushom, għax il-kundizzjoni tagħhom hija meqjusa stabbli. Rigward il-problema ta' l-ilma tax-xita, informat li wara li sar dan ir-rapport sar xogħol estensiv biex jiproteġi s-saqaf mill-ilma. Matul is-sajf li għadda reġa' sar xogħol ta' manutenzjoni esterna fuq l-istruttura ta' dan il-mużew. Inżid ngħid li f'dawn il-ġranet ser isir eżerċizzju approfondit, bejn kull min fil-Ministeru, Universita' u oħrajn inħoss li għandu responsabbilita', bl-iskop li l-ħarsien, il-konservazzjoni u tgawdija tal-wirt tal-poplu tagħna jitpoġġew fuq organizazzjoni u tmexxija li tixirqilhom.
Leg 9 PQ #4389 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-impjegati kollha ta' l-Universita' se jingħataw żieda li tikkorrispondi maż-żidiet li ngħataw l-impjegati tas-Servizz Pubbliku bil-ftehim ta' Diċembru 1998? Kemm se tilħaq is-somma totali? Minn fejn se jkollha l-fondi biex tħallas għal din iż-żieda l-Universita' li diġa' hi marsusa ħafna bil-limitazzjonijiet finanzjarji li għandha?

Response (GALEA, LOUIS)

Le, ma jirriżultalix dak li qed isaqsi l-Onor. Kollega fir-rigward ta' l-impjegati kollha. Hemm diskussjoni bejn Universita', Unjins u Gvern dwar il-kwestjoni kif din tolqot il-ħaddiema mhux akkademiċi li magħhom ma jirriżulta l-ebda ftehim kollettiv. Aktar tagħrif inkun nista' nagħtih hekk kif din il-kwestjoni tiġi ċċarata.
Leg 9 PQ #4390 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kumitat - Support staff

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol minn kumitat maħtur apposta li kellu jitlesta sa l-aħħar ta' Diċembru 1998 dwar is-support staff fl-iskejjel? X'kienu r-rakmandazzjonijiet ta' dan il-kumitat? X'passi se jittieħdu issa biex jiġu mplimentati?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Working Group dwar "Support Staff Requirements in State Schools" ħejja r-rapport flimkien mal-Management Efficiency Unit. Fil-jiem li ġejjin ser issir il-preżentazzjoni ta'l-imsemmi rapport lill-Gvern u lill-MUT. L-analiżi, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Working Group se jkunu diskussi mal-Malta Union of Teachers. Filwaqt li ma jkolli l-ebda diffikulta' li ngħaddi kopja tar-rapport lill-Onor. Membru, nemmen li hu kmieni wisq biex wieħed jippubblikah meta għad trid issir evalwazzjoni u dikussjoni tal-kontenut tiegħu.
Leg 9 PQ #4391 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Verdala — Junior Lyceum - Kaċċaturi

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu investigati rapporti li fil-grounds tal-Junior Lyceum ta' Verdala qed jidħlu kaċċaturi u anke jisparaw għall-ħġieġ tat-twieqi tal-klassijiet tant li anke skrataċ użati qed jinstabu fuq il-post? F'każ li dawn ir-rapporti huma minnhom, x'passi ttieħdu anke mal-pulizija biex jinqatgħu dawn l-abbużi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li lill-Kap ta' l-Iskola ma jirriżultawlux rapporti tat-tip imsemmija.
Leg 9 PQ #4392 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Verdal — Junion Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi li hemm bżonn biex fil-Junior Lyceum ta' Verdala tinħoloq il-kliema li hemm bżonn għal tmexxija tajba ta' l-iskola peress li qed jasluli rapporti persistenti minn għalliema, ġenituri u studenti ta' telf ta' sens ta' direzzjoni u ta' serjeta' f'din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Minbarra l-passi li diġa' ttieħdu, ser jittieħdu miżuri oħra għall-iskop imsemmi.
Leg 9 PQ #4393 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Verdala — Junior Lyceum - Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema neqsin, f'liema suġġetti u f'liema klassijiet fil-Junior Lyceum ta' Verdala? F'liema suġġetti s'issa kien hemm assenteiżmu għoli mill-għalliema f'dan il-Junior Lyceum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-unika għalliema nieqsa fl-iskola Ġużeppi Despott Junior Lyceum ħarġet bil-Pregnancy Leave fit-2 ta' Frar. Qed isiru arranġamenti biex il-lezzjonijiet tagħha jittieħdu minn għalliema oħra. It-tagħrif dwar assenteiżmu ta' għalliema li kienu bis-Sick Leave qed jiġi verifikat.
Leg 9 PQ #4394 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħamrun — Skola Sekondarja Maria Nuzzo

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha nieqsa l-għalliema tal-Home Economics fl-iskola sekondarja Maria Nuzza tal-bniet - Form I - fil-Ħamrun? Dawn l-istudenti meta se jkollhom lezzjonijiet regolari fil-Home Economics?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa għad ma nstabitx għalliema ta' dan is-suġġett. Il-ħin tal-Home Economics qiegħed jiġi użat għal-tagħlim ieħor.
Leg 9 PQ #4815 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat fuq l-istipendji

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti tal-kumitat imwaqqaf apposta fuq l-istipendji? Meta hemm il-ħsieb li tiġi onorata l-wegħda elettorali li jingħataw stipendji sħaħ? Kemm saru laqgħat bejn il-Ministru jew uffiċjali oħrajn tal-Ministeru jew tad-Dipartiment mal-KSU u meta saru? Saru laqgħat bejn il-kumitat li twaqqaf dwar l-istipendji u l-KSU? Jekk iva, meta saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kummissjoni "Students Stipend Scheme Commission" waslet fil-parti finali tad-deliberazzjonijiet fuq l-istħarriġ li għamlet, skond it-termini li kienet ġiet mogħtija u li ġew ippubblikati. Laqgħat ma' l-istudenti saru kemm kien hemm bżonn u kull meta talbu.
Leg 9 PQ #4816 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-tħejjija fuq il-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ? Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ir-rapport li l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, flimkien ma' oħrajn, kellu jagħmel? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jagħti dettalji dwar strutturi ġodda sabiex jikkordinaw din il-politika, frott tad-diskussjonijiet li saru ma' l-istess persuna msemmija aktar 'il fuq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li diġa' saru 3 sessjonijiet bejn is-Segretarju Parlamentari, rappreżentanti tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, u d-Direttur tal-Youth Programme ta' l-Universita' ta' Malta, is-Sur Anthony Azzopardi. Il-persuna indikata mill-Onor. Interpellant ma ssottomettiex rapport iżda rakkomandazzjonijiet u emendi/emenda għall-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ wara diskussjonijiet li kellu ma' membri oħra tad-Dipartiment tiegħu. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet qed jiġu diskussi waqt il-laqgħat li qegħdin isiru biex tiġi finalizzata t-tħejjija tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Għadu kmieni biex jingħataw dettalji dwar strutturi ġodda sabiex jikkordinaw din il-politika.
Leg 9 PQ #4873 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Museum Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' verifika ta' l-eżami għal museum officers li beda fil-15 ta' Ottubru 1996, spiċċa fit-22 ta' Diċembru 1997 bit-tħabbir uffiċjali tar-riżultat u li fid-19 ta' Awissu 1998 ġie annullat ir-riżultat tal-bord ta' l-għażla tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku annullat dan ir-riżultat? X'se jiġri mir-riżultat li ħareġ fit-22 ta' Diċembru 1997 u ppubblikat mill-PSC? X'se jiġri mit-28 kandidat għal dan l-eżami u li għaddew?

Response (GALEA, LOUIS)

Għalkemm din il-materja ma taqax fid-dikasteru tiegħi, informat li l-materja ġiet konsidrata fl-ogħla livelli u l-kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fl-awtonomija sħiħa tagħha iddeċidiet li tordna li l-eżami jsir mill-ġdid. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet qed jieħu l-passi biex bla aktar telf ta' żmien jottempora ruħu mad-deċiżjoni tal-kummissjoni.
Leg 9 PQ #4874 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — G Despott Junior Lyceum

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4434 dwar G Despott Junior Lyceum, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li sar mill-Management Efficiency Unit ta' l-OPM dwar dik l-iskola? In vista tal-fatt ta' rapporti li dehru f'sezzjoni ta' l-istampa dwar dik l-iskola bl-iskop li joskuraw l-amministrazzjoni preżenti, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu dwar dan l-istat ta' fatt?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju ma nħossx li għandi nżid mat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari Nru 4434.
Leg 9 PQ #4875 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Hypogeum - Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi żgurat li l-muturi ta' l-arja kondizzjonata li hemm fil-Hypogeum ta' Raħal Ġdid ma jibqgħux jagħtu fastidju u ma jibqgħux ta' inkonvenjent għar-residenti li joqogħdu biswit jew appġġ ma' dan il-post, speċjalment dawk ta' Luqa Road, Ħal Saflieni Street u Burial Street? Ma jaħsibx il-Ministru li tali muturi imħaddmin lejl u nhar mhux qed iħallu lir-residenti jorqdu bil-lejl u jikkawża stress psikoloġiku persistenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Leg 9 PQ #4931 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kanzunetta għall-Ewropa — Kantanti barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġiebu kantanti barranin għall-konkors Kanzunetta għall-Ewropa li saret fl-aħħar jiem? Min kienu? Kemm kienet in-nefqa totali f'kull każ? Saru kwotazzjonijiet qabel intgħażlu dawn il-kantanti barranin? Apparti l-kantanti, kien hemm min kien qed jakkumpanjahom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li, l-kantanti kienu Gwen Dickey u Paola Turci. In-nefqa totali kienet ta' Lm1500 għal Gwen Dickey u Lm3000 għal Paola Turci u dawn l-ammonti jinkludu l-ispejjeż tal-vjaġġi bl-ajru, l-akkomodazzjoni kif ukoll trasport. Informat ukoll li l-Kumitat Organizattiv kellu diversi kwotazzjonijiet qabel ma ntgħażlu dawn il-kantanti.
Leg 9 PQ #4954 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mosta - Skola Salvatore Dimech

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex l-iskola Salvatore Dimech ta' Tarġa Gap, fil-Mosta għadha bla teacher tal-computer graphics għall-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.