Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4501 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex tifel ta' erba' snin li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament qed jitħalla mingħajr facilitator? X'ċans hemm li sa tmiem din is-sena skolastika jkollu facilitator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni bdiet il-proċess biex toħroġ sejħa oħra għal supply kindergarten assistants biex tissodisfa dan il-bżonn u bżonnijiet l-oħra.
Leg 9 PQ #4834 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bini Storiku — Restawr

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4508 dwar il-bini storiku ta' l-Imdina u r-Rabat, jista' l-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Works Division li rrefera għalih il-Ministru?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jidhirlix li f'dan l-istadju għandi impoġġi d-dokumenti msemmija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #5013 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużew tal-Gwerra

Question

Peress li kien hemm diversi rapporti ta' serq u ħsarat fil-War Museum, jista' l-Ministru jgħid x'insteraq, x'inhuma l-ħsarat strutturali li hemm, x'inhuma l-opinjonijiet tal-Gvern rigward il-futur ta' dan il-Museum, jekk ikunx hemm watchman bil-lejl u x'għajnuna finanzjarja jista' jagħti l-Gvern?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #5118 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Aħbarijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u t-28 ta' Frar, 1999 ixxandru fl-aħbarijiet tal-PBS: (i) items relatati mal-ministri tal-Gvern Nazzjonalista; u (ii)items relatati mal-Partit Laburista?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jidhirlix li hu xogħol tiegħi jew tal-Ministeru tiegħi inżomm 'monitoring' tal-PBS tat-tip li qed jitlob l-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #5188 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Istat - Sign language

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sign language tiġix mgħallma fl-iskejjel ta' l-istat? Jekk iva, kemm hawn għalliema u f'liema skejjel? Kemm hemm studenti fl-Universita' li qed jieħdu dan is-suġġett biex ikunu għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalkemm is-Sign Language tiġi użata mill-għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat fejn ikun hemm il-ħtieġa, is-Sign Language ma tiġix mgħallma. Rigward l-aħħar domanda, l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix.
Leg 9 PQ #5199 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministri/segretarji parlamentari — Ex għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il għalliem/a mill-iskejjel statali kollha bdew jaħdmu f'segretarjati jew uffiċċji ta' Ministri jew Segretarji Parlamentari minn Settembru, 1998? Jista' l-Ministru jagħti lista, persuna b'persuna, fejn qed jaħdmu llum u f'liema skola kienu jaħdmu qabel Settembru, 1998? Jista' l-Ministru jgħid min issostitwixxa lil kull persuna f'kull każ?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #5264 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ġużeppi Despott - Head master

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx head master fl-iskola Ġużeppi Despott Boy's Junior Lyceum? Min hu? Peress li kelli diversi rapporti mill-ġenituri tat-tfal li dan il-head ikun assenti ta' spiss, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-head huwiex ikun assenti għal xi raġuni? Jaf il-Ministru li ħafna mill-istudenti, speċjalment dawk tal-Form I's, qed ibatu għax donnu ma tantx hemm kontroll tat-tfal ta' l-iskola? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jaħtar head ieħor? (jirriplejsjah)

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l- Head Master fl-Iskola Ġużeppi Despott Boys' Junior Lyceum irriżenja fil-21 ta' Frar u diġa' bdew jittieħdu passi biex jiġi maħtur Kap f'din l-iskola. Sadanittant kif diġa' għidt fil-Kamra l-ġimgħa li għaddiet innominajt grupp ta' uffiċċjali biex jgħinu l-iskola toħroġ mid-diffikultajiet li tinsab fihom.
Leg 9 PQ #5282 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għawdex - G.P. Agius De Soldanis

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-riżultat ta' l-eżamijiet ta' nofs is-sena fl-iskola G.P. Agius De Soldanis fir-Rabat, Għawdex għadu ma ħariġx? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċedura hijiex li r-riżultat ta' l-eżamijiet joħorġu qabel ma ssir il-parents day? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni li ma sarx hekk fl-iskola msemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-riżultat ta' l-eżamijiet ta' nofs is-sena fl-iskola G.P. Agius De Soldanis ser jiġi pubblikat f'dawn il-ġranet. Qaluli li dan mhux żmien twil esaġerat minn meta spiċċa l-eżami ta' nofs is-sena. Hija drawwa komuni, iżda mhux proċedura preskritta, li r-riżultat ta' l-eżamijiet joħroġ qabel ma ssir 'Parents Day'. Fl-iskola G.P. Agius De Soldanis il-'Parents Day' 1999 saret fl-aħħar ta' Jannar, qabel ma sar l-eżami, bi skop speċifiku li 'Parents Day' ma tirriduċix ruħha biss f'diskussjoni tar-riżultat ta' l-eżami iżda tkun tittratta mix-xogħol u l-progress kollu ta' l-istudenti.
Leg 9 PQ #5309 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola primarja - Luqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet biex tiġi rranġata u estiża l-iskola primarja ta' Ħal Luqa? Jifhem il-Ministru li x-xogħol huwa urġenti u hemm bżonn isir mill-aktar fis?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ssottomettiet applikazzjoni formali lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tiġi riabilitata u estiża l-iskola primarja ta' Ħal Luqa liema applikazzjoni għadha qiegħda tiġi evalwata mill-istess Awtorita'. Dan il-proġett ikun jista' jinbeda skond l-allokazzjoni finanzjarja li sejjer ikollha d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll abbażi tal-prijoritajiet ta' l-istess Diviżjoni.
Leg 9 PQ #2182 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet ta' l-iskejjel reġistrati biex jgħallmu l-Ingliż lil barranin kif ukoll l-ismijiet tad-Directors of Studies ta' dawn l-iskejjel u l-kwalifiki relevanti ta' dawn il-persuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista ta' dawk l-iskejjel reġistrati mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex jgħallmu l-Ingliż lill-Barranin u li tinkludi wkoll l-ismijiet tad-Directors of Studies ta' kull skola ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat li l-kwalifiki relattivi ta' dawn id-Directors of Studies jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Avviż Legali Nru 60/1996 u skond kif emendati iżjed 'il quddiem b'Avviż Legali Nru 133/1998.

Marsaxlokk — Sit arkeoloġiku

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema fażi wasal il-proġett oriġinarjament mibdi minn Gvern Nazzjonalista għall-preservazzjoni moderna tas-sit arkeoloġiku magħruf bħala tas-Silġ ġewwa Marsaxlokk?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Birgu — Restawr ta' l-Armerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' restawr tinsab l-Armerija fil-belt tal-Birgu u jekk hemmx il-ħsieb li l-post jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa m'hemm ebda tip ta' restawr għaddej fl-Armerija tal-Birgu u għad ma hemmx ħsieb fuq kif il-bini jista' jiġi żviluppat fil-futur. Ma jidher li hemm ebda informazzjoni eżistenti fuq l-istorja ta' dan il-bini ħlief li x'aktarx kienet isservi bħala Armerija ta' l-Ordni ta' San Ġwann qabel marru l-Belt Valletta.

Bibljoteka Nazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx ippjanat li fix-xhur li ġejjin jiġu impjegati aktar persuni biex jaħdmu fil-Bibljoteka Nazzjonali l-Belt, fi Pjazza Reġina, sabiex jirrestawraw aktar kotba u dokumenti billi hemm numru sew li għandhom bżonn dan u hija ħasra li l-wirt storiku tagħna jintilef?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji għadu kif lesta eżerċizzju fejn impjegati eżistenti fil-grad ta' librara jiġu promossi għal grad aktar għoli. Fil-fatt applikazzjonijiet għal dawn il-gradi ġa għalqu u qed jiġi pproċessati. Qed isir eżerċizzju biex fil-futur qrib impjegati fil-grad ta' Bookbinders jiġu mogħtija grad ta' Restorer of Documents. Ma' l-ewwel opportunita' d-Dipartiment joħroġ sejħa għal applikazzjonijiet biex jiżdiedu l-impjegati fil-gradi tal-librerija fosthom in-numru ta' gradi li jwasslu għal grad ta' restawraturi. Barra minn hekk qed inħejji eżerċizzju li jeżamina sew il-ħidma u l-istruttura ta' dan id-Dipartiment bil-ħsieb li jittieħdu miżuri ta' titjib.

Bibljoteka Nazzjonali — Manuskritti/Dokumenti - Restawr

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba, dokumenti u manuskritti għandhom bżonn tiswija u restawr fil-Bibljoteka Nazzjonali l-Belt, fi Pjazza Reġina, u jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ilhom jistennew din it-tiswija sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kotba tal-Bilioteka Nazzjonali kollha għandhom bżonn xi forma ta' tiswija jew restawr għax ma jeżistix ktieb li tista' ssejjaħlu pristine ħlief xi eċċezzjoni ta' xi ktieb rari li jinsab maqful f'cabinet jew showcase u naturalment dawk il-kotba li diġa' ġew irrestawrati. Id-dokumenti u l-manuskritti li qegħdin jistennew ir-restawr uħud minnhom ilhom is-snin. Dan ma jfissirx li huma out of circulation minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Il-policy ta' l-uffiċjal inkarigat mil-Laboratorju tar-Restawr hija li jiġu rrestawrati kotba li għandhom użu qawwi, kotba rari u importanti, kotba li r-riċerkaturi qegħdin jużawhom u kotba li r-riċerkaturi jixtiequ jużawhom iżda minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħux għax tiġrilhom iżjed ħsara.

Imdina — Santu Spirtu - Restawr ta' kotba

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba u manuskritti ġew imsewwija u restawrati f'Santu Spirtu, fl-Imdina tul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mill-Arkivji Nazzjonali, f'Santo Spirito ma ġie restawrat ebda ktieb fis-snin imsemmija ħlief wieħed fis-sena 1998. Dan ġie rrestawrat fil-Laboratorju tar-Restawr u meta kien żarmat, ġie fotokpjat peress li teżisti kopja waħda biss.
Leg 9 PQ #4984 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġenituri ta' tfal b'diżabilita' għandhomx dritt li jagħżlu huma f'liema skola jibgħatu lil uliedhom (tal-gvern jew privat)? Jekk le, għalfejn ma jistgħux?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ġenituri wara li jingħataw pariri siewja, għad għandhom id-dritt li jagħżlu jekk it-tfal tagħhom jattendux skola normali (maninstream) jew dik speċjali. Dan wara li l-każ jiġi eżaminat minn Statementing Board. Dan jgħodd għall-iskejjel statali. Fl-iskejjel tal-Knisja, u indipendenti, huwa l-Kap ta' l-iskola li għandu responsabbilta' ta' l-għażla ta' l-'intake' ta' tfal fl-iskola tiegħu/tagħha.
Leg 9 PQ #5008 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Żgħażagħ — Politika nazzjonali taż-żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ f'pajjiżna biex isir qbil finali dwar il-politika nazzjonali taż-żgħażagħ? Jista' l-Ministru jagħti target date ta' meta se jkunu finalizzati?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4816.
Leg 9 PQ #4398 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tal-Knisja - Uffiċjali edukattivi

Question

Waqt li tiġi rrispettata l-awtonomija ta' l-iskejjel tal-Knisja, jista' jsir sforz mill-uffiċjali edukattivi kompetenti ma' ċerti skejjel tal-Knisja - l-isem ta' l-iskola qed jintbagħat separatament - peress li huwa kontroproduċenti li fil-ħames klassi tal-primarja, f'eta' daqshekk żgħira, l-istudenti huma mistennija jagħmlu 18-il eżami fil-perijodu ta' bejn is-27 ta' Jannar - 11 ta' Frar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment, Ppjanar u Żvilupp (li fih jinkorpora t-Taqsima ta' skejjel mhux statali) għamel l-indaġini dwar il-fatti li semma' l-Onor. Interpellant. Mill-indaġini ġie konstatat li l-iskola tagħmel 'tests', u mhux eżami, waqt il-ħin tal-lezzjonijiet tas-suġġett konċernat. Informat ukoll li n-numru ta' tests jitla' daqshekk għax isiru f'aspetti differenti ta' l-istess suġġett, per eżempju: 1. Religion 2. Matematics - (a) Mechanical; (b) Problems; 3. Maltese - (a) Reading; (b) Dictation; (c) Gramar; (d) Comprehension; (e) Composition 4. English - (a) Dictation, seen and unseen; (b) Spelling; (c) Grammar; (d) Comprehension (e) Reading; (f) Composition 5. Science 6. History 7. Geography Jien informat li kull test jieħu lezzjoni (jiġifieri 45 minuta) u, wara, jkompli x-xogħol normali tal-klassi.
Leg 9 PQ #4399 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studji soċjali

Question

Peress li wasluli ħafna lmenti dwar l-informazzjoni esaġerata li l-istudenti tal-primarja qed jintalbu li jkunu jafu bl-amment fl-Istudji Soċjali (5 u 6 klassi), jista' jerġa' jsir sforz ma' l-għalliema (tal-gvern u tal-knisja) biex ma jibqgħu joqtlu dan is-suġġett u jgħabbu lill-istudenti bit-tensjoni li jitgħallmu minn testi f'dan is-suġġett li m'humiex tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-isfond tar-reviżjoni tas-sillabu tal-primarja li sar fl-1997, l-għalliema kellhom jikkonċentraw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet, tal-fehma u ta' attitudnijiet u valuri u mhux fuq ħafna tagħrif. L-eżamijiet li saru wara jirriflettu dawn it-tibdiliet. Għalhekk l-użu ta' testi oħra li m'humiex tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huma żejda. Minn Settembru 1999, l-għalliema tas-Sitt Sena sejrin jibdew jirċievu noti-gwidi uffiċjali dwar il-kontenut tas-Sillabu ta' l-Istudji Soċjali, kif kien rivedut fis-sena skolastika l-oħra. Matul is-sena skolastika 1999-2000, dawn in-noti gwida sejrin ikopru s-sillabu kollu tas-Sitt Sena Primarja. Il-ħsieb ta' dawn in-noti jkun li jħaffef ix-xogħol, kemm għall-għalliema u aktar u aktar għat-tfal fil-klassi. Aktar 'l quddiem isiru noti simili għall-Ħames Sena. Minn Settembru ukoll se jaslu fl-iskejjel tliet programmi fuq CD-ROMS rigward il-Ġeografija fir-Raba', il-Ħames u s-Sitt Sena. Il-materjal f'dawn is-CD-ROMS se jkun verament fil-livell u għall-gost tat-tfal tagħna f'dawk is-snin. Dawn se jkunu prodotti mid-Diviżjoni u bl-ebda mod mhu se jkunu kummerċjali.
Leg 9 PQ #4650 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-bordijiet li nħatru s'issa fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'l hawn huma: * Il-Kumitat Festival tal-Kanzunetta Maltija/Kanzunetta għall- Ewropa * Il-Bord tal-Commonwealth Scholarships u Fellowhips * Il-Kumitat ta' Tmexxija tal-Malta Racing Club Kif weġibt fil-Mistoqsija Parlamentari Nru 791, bid-differenza li s-Segretarju tal-Bord tal-Commonwealth Scholarships u Fellowhips inbidel u ġie maħtur is-Sur Anthony Żammit. Flimkien ma dawn ġew maħtura wkoll: * Il-Bord ta' l-Eżamijiet Pubbliċi Lokali Kompożizzjoni tal-Bord ta' qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali: Chairman Dr Victor Borg Grech LL.D. Membri Is-Sur Joseph R. Grima Is-Sinjorina Mary A. Muscat Is-Sur Joe Buhagiar Is-Sur Paul Sultana Segretarju Is-Sur Joe Scerri Bord kif maħtur fis-17 ta' Frar 1999 Chairman Is-Sur Sebastian Debono Membri Is-Sinjorina Doris Borg Is-Sur John Gatt Is-Sinjorina Frances Sammut Is-Sur Victor Sammut Segretarju Is-Sur Joseph Scerri Bord tad-Diretturi Public Broadcasting Services Limited Chairman Is-Sur Maurice Zarb Adami Viċi Chairman Is-Sur Tony Mallia Membri Is-Sur Richard J. Aquilina Is-Sur Michael Fenech Is-Sinjorina Louise Vassallo.