Legislature:
Category:
Reset
Active:

Palazzo de la Salle — Restawr

Question

Jista' l-Ministru, filwaqt li jikkonsidra r-risposta mogħtija għad-domandi parlamentari numri 961 u 3344 għar-rigward ta' restawr ta' Palazzo de la Salle fejn hemm il-Malta Society of Arts Manufacturers and Commerce, il-Belt, jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba ġiex ppreżentat rapport fuq l-istat ta' l-istess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li, fuq inizjattiva ts-Soċjeta' msemmija bl-appoġġ finanzjarju tal-Ministeru ta' l-Ambjent kien sar rapport dwar ir-restawr tal-pitturi (murals) li hemm fis-'Sala dei Cavalieri' fil-Palazz de La Salle. Il-Ministeru involut kien dak ta' l-Ambjent u għalhekk nissuġġerixxi li jekk l-Onor. Membru jixtieq aktar informazzjoni jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lil Ministru konċernat.

Xgħajra — Fortizza della Grazzja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba huwiex f'pożizzjoni li jwieġeb għad-domanda parlamentari numru 2352 u ċioe' jekk waslitx l-informazzjoni neċessarja mid-dipartiment konċernat rigward studju tal-ħsara li hemm fil-Fortizza Delle Grazzja, ix-Xgħajra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma sar ebda studju dwar il-ħsara li hemm fil-Fortizza Della Grazzia ġewwa x-Xgħajra. Li hemm bżonn hu li jinstabu fondi biżżejjed biex ikun jista' jsir: 1. Rapport xjentifiku tal-kundizzjoni tal-Fortizza 2. Pjan strateġiku ta' konservazzjoni 3. Pjan ta' implimentazzjoni Dan kollu, kif ukoll l-użu tal-fortizza bħala mużew militari ieħor, jiddependi għal kollox fuq prioritajiet finanzjarji.

Universita' — Segretarju

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li jiġi maħtur segretarju ta' l-Universita' ai termini ta' l-Att ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser nitratta l-kwestjoni ma' l-Universita'.
Leg 9 PQ #5044 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Manikata — Pitch tal-boċċi

Question

B'riferenza għat-talba tiegħi f'isem ir-residenti tal-Manikata sabiex isir pitch tal-boċċi fl-inħawi, jista' l-Ministru jinformani bil-follow-up li għamel id-dipartiment konċernat dwar dan il-bżonn? Peress li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-Manikata m'għandhomx faċilitajiet aċċessibbli għalihom, jista' l-Ministru jara li t-talba tiġi kkonsidrata bħala waħda urġenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Vot Kapitali tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ilu kommess mill-aħħar tas-sena li għaddiet kif jidher mill-Business Plan ta' l-istess Dipartiment. Għaldaqstant m'hemmx fondi biex isir dan il-proġett. Ser isiru sforzi biex flimkien mal-Kunsill Lokali ikun individwat sit fejn, jekk ikun finanzjarjament vijabbli u prattiku, jinbena dan il-pitch tal-boċċi.
Leg 9 PQ #5210 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Prevenzjoni dwar id-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid, għall-kumplament ta' din is-sena skolastika, xi pjani hemm biex fost l-istudenti isir xogħol ta' prevenzjoni minn droga u alkaħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel ifasslu programmi ta' prevenzjoni minn droga u alkoħol skond il-ħtiġijiet ta'-istudenti tagħhom u jsiru matul is-sena kollha. Il-programmi jsiru fl-iskejjel b'kollaborazzjoni ma' l-amministrazzjoni ta' l-iskola. Dawn huma parti mix-xogħol tal-Guidance Teacher u l-Counsellor flimkien ma' għalliema oħra. L-istudenti ta' 15-il sena jattendu Seminar ta' tliet ijiem bl-isem "Irrid Nagħżel Tajjeb" li jsir f'Portziuncola House, Baħar iċ-Ċagħaq. F'dan is-Seminar isir emfasi fuq skills importanti bħall-Valuri, Kif tieħu deċiżjoni, Relazzjonijiet, eċċ., li jgħin fil-prevenzjoni minn droga u alkoħol. Il-laqgħat isiru fi gruppi żgħar u l-istudenti jingħataw il-faċilita' li jiddiskutu ma' għalliema professjonali. Fl-aħħar ġurnata tas-Seminar, l-istudenti jkunu jistgħu jitolbu l-għajnuna ta' tabib li jkun preżenti fis-seminar. Dan huwa suġġett li jingħata attenzjoni speċjali fis-suġġetti tal-Kurrikulu bħall ma huma l-Personal and Social Education, Home Exonomics, Studju Soċjali u l-Bijoloġija. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni taħdem id f'id ma' għaqdiet bħall ma huma l-Caritas, Oasi u s-Sedqa biex fost l-istudenti jsir xogħol ta' prevenzjoni minn droga u alkoħol. Nies professjonali minn dawn l-għaqdiet sejrin ikunu fl-iskejjel, anki fi skejjel primarji, għal kumplament ta' din is-sena skolastika. L-Oasi u s-Sedqa sejrin jorganizzaw korsijiet għal għalliema biex dawn jaħdmu aħjar fost l-istudenti fl-iskejjel Maltin.
Leg 9 PQ #4572 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet Sportivi — Art/bini tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li talbu li jsiru sidien ta' l-art u/jew bini tagħhom qabel il-5 ta' Settembru, 1998 u li x-xogħol kien diġa' beda biex it-talba tiġi milqugħa? Dawn tkomplew wara l-elezzjoni? Liema għaqdiet sportivi għamlu talba simili wara l-5 ta' Settembru 1998? Jista' f'kull każ jelenka l-ismijiet, il-post u l-kera li qed jintalab? Liema postijiet ma jistgħux jingħataw minħabba x'impediment?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Universita' — Dipartiment tal-Psychology - Studenti

Question

In vista tar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari numru 2005, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'se jiġri wara l-aħħar ta' Frar 1999 mill-istudenti li qed jattendu għal certificate course in Education (Classroom support trainee) organizzat mid-Dipartiment tal-Psychology fl-Universita' ta' Malta flimkien mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti li attendew għal Certificate Course in Education (Classroom Support Trainee) organizzat mid-Dipartiment tal-Psychology fl-Universita' ta' Malta, ġew ingaġġati bħala Supply Kindergarten Assistants ma' tfal bi bżonnijiet speċjali. Tajjeb wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-kwalifika mitluba għall-mili ta' vakanzi f'dan ir-rigward fuq bażi regolari skond il-ftehim kollettiv s'issa hi dik ta' Diploma.

Kunsill ta' l-Arti

Question

B'riferenza għad-domanda parlamentari numru 1994, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm xi żviluppi rigward kunsill ta' l-arti ffurmat minn artisti, mużiċisti u persuni tal-palk?

Response (GALEA, LOUIS)

Ir-risposta hija fin-negattiv.

Universita' — Kunsill

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min huwa ffurmat u kompost il-Kunsill ta' l-Universita' għas-sena 1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kunsill ta' l-Universita' ser jiġi rikostitwit f'dawn il-ġranet.
Leg 9 PQ #5094 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti Tqal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bniet li ħarġu tqal fiż-żmien li kienu għadhom qed jattendu l-iskola s-sena li għaddiet? X'kienu l-etajiet tagħhom? Dawn it-tfal jingħataw xi counselling mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istatistika tindika n-numru ta' dawk it-tfajliet tqal li attendew l-iSchoolgirl Mother's Unit u għalhekk ma tistax tiġi eskluża l-possibilita' li seta' kien hemm tfajliet tqal li m'għamlux użu mill-programm. Statistika eżatta tista' tittieħed biss mir-Reġistru Pubbliku. Sena Taħti is-16-il Fuq is-16-il Total Skolastika sena sena 1997-1998 42 31 73 1998-99(to date) 14 25 39 Meta tfajla taħt is-sittax-il sena tinqabad tqila, tingħata l-ewwel għajnuna permezz ta' counselling, mill-guidance teacher u mill-iSchool Counsellor ta' l-iskola stess. Meta tiġi rriferuta u tibda tattendi l-iSchoolgirl Mother's Unit tibda tingħata Counselling regolari mill-iSchoolgirl Mother's Unit. It-tfajla tingħata wkoll tagħrif u tagħlim dwar is-sitwazzjoni ġdida tagħha minn żewġ guidance teachers li jmexxu l-programm fil-Unit. Il-counselling jibqa' jingħata lit-tfajla anki wara t-twelid tat-tarbija, sakemm it-tfajla tibqa' titolbu. Meta tfajla żagħżugħa tinqabad tqila barra ż-żwieġ, jistgħu jinqalgħu problemi mhux biss għat-tfajla iżda wkoll għall-familjari tagħha. Għalhekk, l-iSchoolgirl Mother's Unit joffri counselling mhux biss lit-tfajla iżda wkoll lill-familja tagħha, kull meta dan jiġi mitlub.
Leg 9 PQ #5095 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ksur ta' regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li ttellgħu l-qorti fl-1998 talli kisru l-ischool attendance laws?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' ġenituri, li matul is-sena 1998, ittellgħu l-Qorti talli naqsu milli jibgħatu l-uliedhom l-iskola kien ta' 3916. Il-Ministeru qed jieħu inizjattivi biex id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tkun f'pożizzjoni aħjar li tassigura l-attendenza regolari tat-tfal kollha fl-iskola.
Leg 9 PQ #5096 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta' tfal li jibqgħu unaccounted for, tfal li jkunu reġistrati ġo skola imma li l-iskola titlef kuntratt magħhom u mal-ġenituri tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-każijiet li fuqhom qed taħdem is-Sezzjoni Welfare huma kollha 'accounted for', għajr tlett itfal li fuqhom hemm kuntatt mal-pulizija.
Leg 9 PQ #5097 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studentii

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri jieħu d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni biex jiżgura li kull tifel u tifla jkunu reġistrati ġo skola biex ikun ċert li ma jkunx hemm tfal li jitħallew barra kompletament mis-sistema edukattiva tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja diġa' hi regolat dettaljatament mill-liġi. Meta s-Social Workers jiltaqgħu ma xi każ bħal dak imsemmi mill-Onor. Membru, jużaw metodi skond il-proċeduri tas-Social Work biex dawn it-tfal jattendu l-iskola.
Leg 9 PQ #5098 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Update report

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lill-Unjoni Ewropea fl-update report biex tikkummenta fin-negattiv dwar il-korsijiet tad-dentistrija, mediċina u l-kors tal-midwives? Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex niżguraw li l-Unjoni Ewropea taċċetta li dawn il-korsijiet huma fil-fatt konformi mas-sistema edukattiva Ewropea billi huma bażati fuq is-sistema Ingliża?

Response (GALEA, LOUIS)

L-opinjoni hi fuq it-training tal-Family Practitioners (GPs) u mhux fuq il-Kors tal-Mediċina in ġenerali. Ħadd ma żar l-Iskola Medika jew l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa. Jiena fiduċjuż li meta jiġi l-waqt u jsiru l-visit uffiċjali, l-esperti kompetenti jkunu aktar sodisfatti bil-livelli kif inhuma l-Bordijiet kompetenti Ingliżi, Norveġiżi u oħrajn. Ma nafx x'inhi r-raġuni għaliex l-Unjoni Ewropea fl-update report tikkummenta fin-negattiv dwar il-kors tal-midwives. Il-Korsijiet ta' Diploma u Degree jikkonformaw ma' direttivi ta' taħriġ neċessarju għall-midwives fl-Unjoni Ewropea. Id-Direttivi emendati għat-taħriġ tal-midwives 89/504/EU huma inkorporati fil-'aims and learning outcomes' ta' kull komponent tal-kors.
Leg 9 PQ #5124 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u t-28 ta' Frar, 1999: (i) x'kienu l-kuntratti li ngħataw mill-ministeru tiegħu; (ii) min għamel l-ispecifications; (iii) min għamel l-award; (iv) intalbu quotations; (v) kemm kienet kull quotation; (vi) min rebaħ kull kuntratt; u (vii) ingħataw extensions?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Interpellant, minn meta fetaħ dan il-Parlament f'Ottubru li għadda b'risposta għall-diversi domandi fir-rigward ta' din il-mistoqsija, diġa' tajt informazzjoni dettaljata, li f'kull każ inħlew ħafna żmien u enerġija biex tinġabar. Għalhekk, sakemm ma ningħatax raġuni valida 'l għala l-informazzjoni mitluba għandha tingħata, ma nara l-ebda skop li dan isir.
Leg 9 PQ #5205 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Super Five — Għaqdiet volontarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu flus lill-għaqdiet volontarji u filantropiċi mid-dħul tas-Super Five fl-aħħar sentejn? Kemm ingħatat kull għaqda f'kull okkażjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #5207 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tuck Shops

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni dwar bejgħ ta' prodotti ta' ikel u xorb mit-tuck shops ta' l-iskejjel? Isiru spezzjonijiet biex jiġi żgurat li qed isir bejgħ ta' prodotti li jipproteġu s-saħħa tat-tfal? Kemm saru spezzjonijiet fl-ewwel term ta' l-iskola? Instabu xi rregolaritajiet?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #5248 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — Stipendji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, jekk l-istipendju li jingħataw lill-istudenti ta'l-Universita' jibqax jingħata jew trid tinbidel is-sistema? Jista' l-Ministru jgħid jekk iridx jingħata wkoll lill-istudenti barranin li jiġu mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropeja, ma tkunx mitluba tneħħi jew tbiddel is-sistema ta' stipendju li jingħata lill-istudenti ta' l-Universita'. Jekk inbidlux jew le is-sistema ta' l-istipendju hija deċiżjoni tagħna li neħduha aħna u mhux tgħidilna x'nagħmlu l-Unjoni Ewropeja. Le. L-istipendju ma jridx jingħata lill-istudenti barranin li jiġu mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja. Nirreferi lill-Onor. Membru għad-Direttiva tal-Kunsill tal-Ministri numru 90/366 EEC illi filwaqt li tagħti lil dawn l-istudenti d-dritt ta' residenza, tagħmilha ċara illi huma ma jkunux intitolati għal stipendju f'pajjiżna.
Leg 9 PQ #5310 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma r-rapport li deher fil-ġurnal "l-orizzont" (front page) bid-data 2/3/99 li hu maħsub li l-PBS jiġi żarmat fi żmien tliet snin? Għall-liema skop hu maħsub li jsir dan? X'se jiġri mill-ħaddiema tal-PBS li mhumiex impjegati taċ-ċivil? Kemm hemm ħaddiema fil-preżent mal-PBS?

Response (GALEA, LOUIS)

Le ma nikkonfermax. B'kollox, mal-PBS fil-preżent hemm 203 ħaddiema full-time u żewġ part-timers.
Leg 9 PQ #3596 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computers kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma nemminx li hu fl-interess tal-Kamra u tal-poplu nuża uffiċċjali pubbliċi biex jiġbru t-tagħrif mitlub stante li biex inxtraw l-eluf ta' kompjuters li hemm s'issa fid-Dipartimenti u taqsimiet li jaqgħu fil-Ministru tiegħi dejjem ġew segwiti l-proċeduri stabbiliti mill-liġijiet in materja.