Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4808 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Burmarrad — Kappella ta' San Pawl Milqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Kappella ta' San Pawl Milqi ġo Burmarrad mhix tinfetaħ għall-pubbliku? X'passi qed jittieħdu biex din il-kappella tiġi mħarsa kif jixraq? X'jista' jsir biex din il-kappella tinfetaħ għall-pubbliku għax bħalissa l-uniku mod kif taraha hu billi taqbeż iċ-ċint, kif spiss jiġri, u tidħol bil-liberta' kollha fil-post?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s'issa l-Kappella ta' San Pawl Milqi tinfetah għall-pubbliku kull meta jkun hemm rikjesta mill-parroċċa ta' Burmarrad. Hekk seħħ anki fl-10 ta' Frar li għadda, liema jum kien il-festa tal-miġja ta' San Pawl. Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija tlabt lid-Dipartiment tal-Mużewijiet jagħtini t-tagħrif u l-ispjegazzjonijiet meħtieġa.

Kappella ta' Santa Luċija — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 4051, jinforma lill-Kamra jekk tistax issir manutenzjoni tal-Kappella ta' Santa Luċija li qiegħda fit-triq minn ħdejn tal-Barrani għar-raħal tal-Gudja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kappella ta' Sana Luċija m'hijiex responsabilta' tad-Dipartiment tal-Mużewijiet iżda tal-Kapitlu tal-Katidral.

Pinto Whard — Restawr ta' Kappella

Question

Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 4050, jinforma lill-Kamra jekk id-dipartiment konċernat ħax ħsieb li ssir il-manutenzjoni neċessarja għall-bieb u l-intern tal-Kappella tal-Ħarba lejn l-Eġittu f'Pinto Wharf?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din hija materja tal-Valletta Rehabilitation Committee u għalkemm ma nsibx diffikulta' li ngħaddi l-Mistoqsija għall-attenzjoni tagħhom, ikun aħjar jekk l-Onor. Ħabib tiegħi jirrivolġi ruħu għall-Ministru konċernat.

Mdina — Palazz tal-Gran Mastri - Restawr

Question

Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 4025, jgħid u jinforma lill-Kamra dwar liema xogħol ta' restawr għandu jsir fuq il-Palazz tal-Gran Mastri fl-Imdina fejn hemm il-Mużew ta' l-iStorja Naturali tul din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mill-mistoqsija parlamentari numru 4025 'l hawn, diġa' beda xi xogħol ta' tindif fuq is-swar tan-naħa tal-lvant tal-Palazz Vilhena. Meta dan jitlesta għandu jingħata konkos biex titnaqqas il-possibilita' illi s-swar ta' dik in-naħa jiġrilhom aktar ħsara. Minn naħa l-oħra din is-sena għandu jibda wkoll ix-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata prinċipali ta' dan il-Palazz, speċjalment fuq il-lavur tal-kolonni, statwi, dekorazzjonijiet, u twieqi li ħafna mill-ġebel tagħhom tmermer u huma ta' periklu. Dan ix-xogħol huwa proġettat u ffinanzjat mis-sezzjoni tar-restawr fi ħdan il-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kostruzzjoni: Biss l-armar meħtieġ biex isir ix-xogħol se jiġi fornut mid-Dipartiment tal-Mużewijiet. Huwa maħsub ukoll illi din is-sena jitbajjdu l-kurituri prinċipali li jiċċirkondaw il-bitħa interna u wkoll jitbiddlu xi travi ta' l-injam fis-sala li kienet tintuża bħala kappella fiż-żmien meta l-Mużew kien sptar. Dan ix-xogħol se jiġi esegwit mill-ħaddiema ta' l-iskola tal-bini li qegħda fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-materjal se jkun fornit mid-Dipartiment tal-Mużewijiet.

Mtieħen — Żviluppi

Question

Jista' l-Ministru, in vista tad-domanda parlamentari numru 3773, jinforma lill-Kamra dwar jekk kemm-il darba hemmx il-ħsieb li jsiru żviluppi fuq ir-rapport ippreżentat mill-mibki Perit Joseph Huntingford rigward l-istat ta' l-imtieħen ġewwa Malta u Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li m'għandniex kopja ta' dan ir-rapport billi qatt ma ġie ppreżentat lid-Dipartiment tal-Mużewijiet. Ser inkompli nindaga dwar il-materja.
Leg 9 PQ #5050 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet Nazzjonali — Viżitaturi

Question

Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4668 li saret fis-Seduta Nru. 68?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li visitaturi/turisti li huma rapportati li daħlu jżuru l-mużewijiet nazzjonali li għandna fil-gżejjer tagħna matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena flimkien ma' dħul finanzjarju għal kull sena hi kif se nsemmi: Sena Visitaturi/Turisti Dħul finanzjarju 1994 1,174,020 Lm659,555.80 1995 1,018,042 Lm609,704.70 1996 974,486 Lm633,975.02 1997 1,045,849 Lm666,875.54 1998 1,246,995 Lm918,260.00
Leg 9 PQ #5387 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Swatar — St Martins' College

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni mad-diriġenti ta' St Martins' College fis-Swatar billi minkejja rappreżentazzjonijiet li saru mir-residenti għad hemm inkonvenjent kbir għal dawn ta' l-aħħar minħabba l-ispotlights qawwija li jkun hemm jixgħelu fil-għaxija fid-direzzjoni tad-djar residenzjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li l-materja strettament ma tirrigwardjax lill-Ministeru tiegħi, tlabt lid-Direttur konċernat isaqsi lid-diriġenti ta' l-iskola imsemmija għar-rejazzjoni tagħhom.
Leg 9 PQ #5437 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skrivani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żmien ta' l-għeluq tas-sejħa għal skrivani part-time għall-erba' skejjel li saret dan l-aħħar, ġiex imġedded? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' part-time Clerks kienet tagħlaq fl-24 ta' Frar 1999. Din id-data ġiet estiża sat-Tnejn l-1 ta' Marzu 1999, wara li ġie avżat fil-Gazzetta tal-Gvern, li l-iskola ta' l-Imtarfa oriġinarjament reklamata bħala dik tal-Primarja, kellha filfatt tkun dik tas-Sekondarja tas-subien, Sir Temi Żammit.
Leg 9 PQ #5483 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birgu — Bieb is-Sultan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għal Bieb is-Sultan fil-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta' restawr u manutenzjoni fuq is-swar tal-Kottonera m'huwiex ir-responsabbilta' tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Dan ix-xogħol, inkluż dak fuq Bieb is-Sultan, il-Birgu, huwa responsabbilta' tal-Kottonera Rehabilitation Project.
Leg 9 PQ #5485 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bormla - G. Despott

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex se ssir sejħa sabiex jimtela l-post li hemm vakant ta' librar fl-iskola G. Despott, f'Bormla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ser tiġi segwita l-proċedura tas-soltu u dalwaqt ser toħroġ 'call for applications' għal-librara. Din hi proċedura annwali u, l-ħatriet isiru fis-sena skolastika ta' wara.
Leg 9 PQ #5521 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għawdex - Lezzjonijiet tal-matematika

Question

Jista' l-Ministru jgħid: 1) jekk huwiex veru li fil-form VI ta' Għawdex il-lezzjonijiet tal-matematika tnaqqsu minn erbgħa għal tnejn fil-ġimgħa; 2) għal liema raġunijiet ġara dan; 3) minn meta tnaqqsu dawn il-lezzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li lill-ebda klassi ma tnaqqsulha lezzjonijiet tal-Matematika fis-VI Form ta' Għawdex.
Leg 9 PQ #5536 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Sparar bl-air guns

Question

Billi dan l-aħħar ġie mħabbar f'gazzetta lokali illi xi tiraturi Maltin se jieħdu sehem f'kompetizzjoni ta' sparar tal-air guns barra minn Malta, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġew magħżula, fejn sar it-training tagħhom, meta, jekk ħareġ, ħareġ il-permess biex jibda jsir sparar ġewwa ranges għal air gun shooting? Meta ħareġ il-permess biex isir sparar f'indoor range tal-Bidnija?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-ewwel parti tad-domanda ma jirriżultalix li hu kompitu tiegħi li nara fuq liema kriterji jiġu magħżula kompetituri biex jieħdu sehem f'kompetizzjonijiet barra minn Malta u fejn sar it-training tagħhom. Dwar it-tieni parti informat li l-ħruġ tal-permessi ma hux responsabbilta' tal-Ministeru tiegħi u għalhekk l-Onor. Kollega hu mistieden jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #5607 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Dingli - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 4472?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ilment ta' l-Onor. Interpellant ġie investigat minn nies tal-manutenzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. L-"on the spot inspection" tat dan ir-riżultat: (i) Il-ħsara msemmija ma tappartenix lill-iskola u hija responsabilita' ta' entita' oħra li tissewwa; (ii) Il-katusi li jridu jissewwew m'humiex tad-dranaġġ, iżda ta' l-ilma tax-xita.
Leg 9 PQ #5668 Sitting 75 1999-03-15 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Membri tal-ġudikatura

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-ġudikatura li għandhom xi kariga l-Universita'? Jista' jgħid x'inhi din il-kariga u kemm ilhom jokkupaw din il-kariga?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-membri tal-ġudikatura li għandhom kariga l-Universita' huma tnejn: 1. L-imħallef Vincent De Gaetano Lettur Anzjan (Part-time) (T6) b'effett mill-20 ta' Jannar 1994 (ma jitħallasx tas-servizz li jagħti) 2. L-imħallef Ġanninu Caruana Demajo Lettur (Part-time) (T6) b'effett mill-1 ta' Diċembru 1998.
Leg 9 PQ #3609 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Linji diretti tat-telephones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fil-minsiteru kif ukoll fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, dipartiment b'dipartiment, linji diretti tat-telephones b'aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li linji diretti tat-telephones b'aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta hemm kif se nsemmi: LINJI SEGRETARJAT (MINISTERU) 11 (4 minnhom fax) SEGRETARJAT PARLAMENTARI 8 DIPARTIMENT ŻGĦAŻAGĦ U SPORT 2 DIVIŻJONI TA' L-EDUKAZZJONI 26 DIPARTIMENT TA' L-EŻAMIJIET 2 DIPARTIMENT TAL-LIBRERIJI U ARKIVJI 6 DIPARTIMENT TAL-KULTURA 4 (2 minnhom fax) DIPARTIMENT TAL-MUŻEWIJIET (it-tagħtif mitlub għadu ma wasallix)
Leg 9 PQ #4751 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Uniformijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex kull meta kap ta' skola jiddeċiedi/tiddeċiedi li tiddaħħal uniformi ġdida, jogging suit, eċċ tikkonsulta l-ewwel lill-kunsill skolastiku li min-naħa tiegħu jikkonsulta lill-ġenituri qabel jittieħdu deċiżjonijiet arbitrarji li jnefqu lill-ġenituri spiża li mhux dejjem jistgħu jifilħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li huwa dmir tal-Kunsill ta' l-Iskola li jikkonsulta l-ġenituri dwar dawk l-oqsma li jaqgħu taħt l-istess Kunsill fosthom xi tibdil fl-uniformijiet, jogging suits etc. Id-Diviżjoni se tiġbed l-attenzjoni tal-Kapijiet ta' l-iskejjel dwar dan.
Leg 9 PQ #4752 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fgura - Żiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu li tqiegħed żiemel f'parti mill-iskola primarja tal-Fgura? Fejn waslu l-passi li bdew jittieħdu biex dan iż-żiemel ma jibqax jokkupa spazju f'din l-iskola b'detriment għad-dinjita' ta' l-iskola u s-saħħa ta' l-istudenti u kull min jaħdem f'dik l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Leg 9 PQ #4753 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mellieħa - Studenta

Question

Tista' l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tintbagħat lura l-iskola primarja tal-Mellieħa wara li ntbagħtet Mosta Primary B, kif talbet b'ittra ta' l-4 ta' Frar, 1999 lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent din il-persuna qed taqdi d-dmirijiet tagħha l-Mosta 'B'. Ir-raġuni li hi ma ntbagħtitx il-Mellieħa hija li f'din l-iskola intbagħtu nies li huma senior tagħha. Din l-informazzjoni ġiet spjegata bil-miktub lil din il-persuna.
Leg 9 PQ #4843 Sitting 74 1999-03-10 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Kawża

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4171, jista' l-Ministru jgħid min huwa l-avukat tal-gvern, meta nstemgħet il-kawża u meta se terġa' tinstema'?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

Għawdex — Wirja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li fil-futur qarib hemmx il-ħsieb li l-wirja tant tajba li kienet ittellgħet f'Għawdex u wara f'Firenze ta' dak li kien instab fil-Brockdorff Circle se tiġi esposta b'mod permanenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li parti l-kbira mill-esibizzjoni li kienet saret f'Għawdex u Firenze jifforma parti mill-esibizzjoni permanenti tal-Mużew ta' l-Arkeoloġija minn fejn kienu oriġinaw il-maġġor parti ta' l-esibiti.