Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta' l-Awdituri ta' l-aħħar ħames snin tal-Malta Racing Club?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja tar-rapport ta' l-Awdituri għas-snin 1994 sa 1997 ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-rapport ta' l-1998 ikun jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta jiġi finalizzat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-accounts ta' l-Universita' li juru l-ħruġ u d-dħul mill-għotjiet lil Foundation u mill-kirjiet li qed jidħlu ċioe' mill-Mid-Med Bank, BOV, mill-Canteen, mill-bookshop, mil-librerija etc kif ukoll mill-introjtu ta' aktar minn 400 student barrani?
Jista' l-Ministru jiddikjara illi l-kunċett ta' l-Universita' Tal-Qroqq hu bbażat fuq skop kummerċjali għal studji internazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
B'risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5755, ser inpoġġi kopja ta' audited accounts ta'l-Universita' għas-sena 1997. Informat li l-Universita' ma tirċievi ebda kera mill-Mid Med Bank, Bank of Valletta, mill-Canteen, mill-bookstop u mill-librerija. Hemm żewġ Foundations, waħda hija l-Mid Med Bank Computer and Commerce Sciences Foundation li mill-imgħax fuq il-kapital jitħallsu scholarships, research grants u sponsorship ta' Lectureship fil-Computer Science and Commerce related Science f'Malta u Bank of Valletta Banking and Finance Studies Foundation, li mill-imgħax fuq il-kapital tiffinanzja l-Bank of Valletta Chair of Banking and Finance.
L-introjtu mill-istudenti barranin, li parti minnhom huma eżentati mill-fees, huwa stmat li jlaħħaq mal-350,000 liri Maltin.
Hemm ukoll operations agreement bejn l-University Catering Services Ltd u Corinthia Palace Hotel Co Ltd fejn ta' l-aħħar iħallas annual concession fee ta' Lm25,000 lil University Catering Services Ltd li bħalissa tmur biex jitħallas il-kera ta' l-University Residence.
L-iskop ta' l-Universita' li jġib studenti barranin mhux ibbażat fuq wieħed kummerċjali imma biex f'kunċett modern ikun hemm taħlita ta' studenti minn diversi pajjiżi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Ta' Qali National Park Committee għadux jiffunzjona? Jekk fl-affermattiv, min kienu l-membri ta' l-istess kumitat għas-sena 1997 - 1998 u 1999?
Jekk fl-affermattivi, jista' jgħid hux se jittellgħu attivitajiet u taħt liema forma?
Response (GALEA, LOUIS)
Jidhirli li l-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ministerjali ttieħdu minn Settembru 1998 sa l-aħħar ta' Jannar 1999 biex tinxtered u tissaħħaħ il-kultura tal-qari fost il-Maltin u l-Għawdxin ta' kull eta?
Response (GALEA, LOUIS)
Appart li f'kull okkażjoni adatta li tippreżentali ruħha nassigura l-emfasi u t-tixrid tal-messaġġ dwar l-importanza tal-qari, ma sarux inizjattivi ta' darba u b'timbru ministerjali. Minflok, miexi fuq bażi regolari u ppjanat, programm biex l-iskejjel iħajjru t-tfal jaqraw u jipprovdulhom il-mezzi biex jagħmlu dan.
Proġetti tad-Dipartiment tal-Kurrikulu bħan-'Networking Project', 'Synergy Project' u 'Primary Science Project' kollha għandhom fost l-għanijiet tagħhom li jħajjru t-tfal jaqraw. Iżda l-akbar impenn qiegħed jittieħed mill-iskejjel bħala parti integrali mill-'School Development Plans' tagħhom, fejn dan il-għan qiegħed jigħata priorita' għolja u qiegħed ikun appoġġjat ħafna wkoll mill-Kunsilli Skolastiċi.
Il-Ministeru u d-Diviżjoni jsostnu dawn l-inizjattivi fl-iskejjel bil-ħila kollha tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-kumitat li sa l-aħħar ta' Diċembru kellu jlesti r-rakkmandazzjonijiet għat-tqassim ta' support staff fl-iskejjel tal-gvern? Lesta x-xogħol tiegħu? X'kienu r-rakkmandazzjonijiet? X'passi se jittieħdu dwarhom? Meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Working Group appuntat biex jistudja s-sitwazzjoni ta' "Support Staff Requirements in State Schools" ippreżenta r-rapport dettaljat tiegħu. L-analiżi tas-sitwazzjoni, il-konklużjonijiet, ir-rakkommandazzjonijiet u l-implikazzjonijiet tagħhom qed jiġu studjati peress li għandhom implikazzjonijiet fit-tul. Se jsiru diskussjonijiet dwar ir-rapport mal-Malta Union of Teachers li magħha kien miftiehem li jkun appuntat il-Working Group. Fiċ-ċirkustanzi u f'dan l-istadju ma nħossx li jkun opportun li ngħid x'kienu r-rakkommandazzjonijiet tar-rapport u x'passi se jittieħdu dwarhom.
Mill-banda l-oħra, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tieħu l-passi biex safejn jiddependi mir-riżorsi li diġa' għandha ttejjeb is-sitwazzjoni kemm jista' jkun.
Federazzjoni Internazzjoni tat-Trasport — Skola Nawtika
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattiva se jieħu fid-dawl tad-dikjarazzjoni li reġa' għamel Jean Yves Legouas f'laqgħa mal-Ministru Ċensu Galea li l-Federazzjoni Internazzjonali tat-Trasport lesta tgħin biex tingħata ħajja ġdida lill-iskola Nawtika?
Bi ħsiebu l-Ministru jkompli fuq ix-xogħol mibdi fl-1997 u 1998 bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Awtorita' Marittima f'dan il-qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva, dak li qed jissuġġerixxi l-Onor. Kollega qed isir, issa fid-dawl tal-ħidma għat-twaqqif tal-Kulleġġ ta' l-Arti, Teknoloġija u Xjenzi Applikati.
Jista' l-Ministru jgħid xi sforzi edukattivi qed isiru mit-tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji biex ibiddlu d-drawwiet tagħhom u ma jibqgħux jaqbdu marżebb u żrinġijiet minn postijiet bħall-Buskett u ċ-Chadwick Lakes li skond diversi għaqdiet favur l-ambjent qed iwassal għall-qerda ta' l-unika anfibju li jeżisti fil-gżejjer tagħna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni torganizza ħarġiet (fieldtrips) għal Villa Psaigon, kemm għat-tfal fl-iskejjel primarji u sekondarji.
L-għanijiet ewlenija huma:
* tkabbir ta' l-għerf dwar l-ambjent naturali
* tgawdija ta' l-ambjent naturali
* trawwim u/jew tiġdid ta' kuxjenza favur l-ambjent
F'dan il-kuntest, l-għalliema koordinaturi ta' dawn il-fieldtrips flimkien ma' l-għalliema tal-klassijiet rispettivi, jorganizzaw ħarġiet f'inħawi oħra - biex b'hekk jitnaqqsu d-drawwiet negattivi - fosthom dik tal-qbid tal-marżebb u żrinġijiet.
Fl-iskejjel Sekondarji qed isiru sforzi kbar biex l-Edukazzjoni Ambjentali tidħol parti mis-suġġetti kollha. Għalkemm dan l-isforz għadu mhux qed jagħti l-frott mixtieq, żgur li l-istudenti qed jitrawmu f'Edukazzjoni Ambjentali f'suġġetti bħal: Home Economics, Studji Soċjali, Ġografija, Storja u b'mod speċjali fis-suġġetti xjentifiċi.
Bħal parti mis-Sillabu ta' dawn is-suġġetti, b'mod speċjali tal-Bijoloġija, l-istudenti jmorru jagħmlu studju fuq il-post. Hemm l-għalliema kollha jagħmluha ċara li l-ħlejjaq dejjem nistudjawhom fl-ambjent naturali tagħhom. Jekk ikun hemm bżonn iċaqilquhom, dawn jaraw li ma jagħmlulhomx ħsara, u wara li jlestu minnhom, jerġgħu jpoġġuhom fl-ambjent li kuenu. L-istudenti jingħataw raġuni għal dan. L-għalliema jispjegaw sewwa l-importanza ta' kull maħluq fl-ambjent tiegħu, u l-effetti li jista' jkun hemm fl-ambjent jekk xi speċi ta' maħluq tiġi meqruda. Dan kollu jiġi emfasizzat, u ssir emfasi speċjali jekk il-ħlejqa li jkunu qed jistudjaw tkun rari bħal ma huma l-anfibji f'Malta.
Kif l-Onor. Membru jista' jimmaġina għaddejtlu t-tagħrif kollu mgħoddi lili mill-uffiċċjali konċernati. Jidher ċar li anke ħaġa bħal din tinħtieġ ħidma koordinata bejn dipartimenti differenti, għaqdiet ambjentali mhux governattivi u l-media. Jidhirli li jkun tajjeb li d-Dipartiment ta' l-Ambjent jikkoordina din il-ħidma u beħsiebni ngħaddi din il-Mistoqsija u Tweġiba għall-konsiderazzjoni tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Bord tal-Matsec ta' l-Accounts fil-livell avvanzat qabad u nforma lill-istudenti li se jiġu eżaminati fuq il-VAT bla ma ġew ippreparati għal dan fl-aħħar sentejn u bla ma ġie mlaqqa' u kkonsultat il-panel tas-sillabu ta' dan is-suġġett?
Jidhirlu l-Ministru li huwa ġust li disa' ġimgħat qabel l-eżami ssir bidla hekk drastika fis-sillabu ta' l-accounts?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sillabu ta' l-Accounting fil-Livell Avvanzat ippubblikat sentejn ilu jgħid li jkun hemm mistoqsijiet fuq: "Accounting for Value and Excise Tax" (p.2)
Kap ta' skola staqsa jekk din il-parti tirreferix għall-VAT/CET.
It-tweġiba li l-MATSEC Board ħa mingħand il-panel ta' l-Eżaminaturi, li kienu wkoll membri tal-panel tas-sillabu, kienet li jekk ikun hemm mistoqsijiet fuq din il-parti, jistgħu jitwieġbu billi l-istudenti jużaw jew CET accounting inkella VAT accounting.
Din it-tweġiba ngħatat ukoll lill-media biex kulħadd ikun mgħarraf.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma l-Kamra kemm hemm preżentement għalliema nisa fl-iskejjel primarji u sekondarji li għandhom l-eta' ta' ħamsa u erbgħin (45) sena iżda ma jaqbżux il-ħamsin sena (50) u kemm hemm li għandhom ħamsin sena (50) iżda li ma qabżux is-sitta u ħamsin sena (56)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema femminilil fi skejjel primarji bejn l-etajiet ta' ħamsa u erbgħin (45) sena u ħamsin (50) sena jammonta għal tlett mija disa' u tletin (339).
In-numru ta' għalliema femminili fi skejjel primarji bejn l-etajiet ta' ħamsin (50) sena u sitta u ħamsin (56) sena jammonta għal tlett mija tmienja u tmenin (388).
In-numru ta' għalliema femminili fi skejjel sekondarji bejn l-etajiet ta' ħamsa u erbgħin (45) sena u ħamsin (50) sena jammonta għal mija u tmenin (180).
In-numru ta' għalliema femminili fi skejjel sekondarji bejn l-etajiet ta' ħamsin (50) sena u sitta u ħamsin (56) sena jammonta għal mija ħamsa u għoxrin (125).
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Ingliża inxtraw tul dawn l-aħħar ħames snin għal-libreriji pubbliċi u kemm minn dawn intbagħtu lil-librerija pubblika ta' l-Auberge D'Anglettere ġewwa l-Birgu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul dawn l-aħħar ħames snin, il-libreriji pubbliċi xtraw tmienja u erbgħin elf, ħames mija u tlieta u sittin (48,563) ktieb bl-ilsien Ingliż u minnhom intbagħtu, elf, ħames mija u ħdax (1511) fil-lbirerija pubblika ta'l-Auberge D'Angleterre ġewwa l-Birgu.
Sena Kotba mixtrija Kotba mibgħuta
bl-ilsien Ingliż l-Librerija tal-Birgu
1994 10,995 299
1995 11,087 340
1996 9,869 355
1997 9,734 253
1998 6,878 264
Totali 48,563 1,511
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma l-Kamra kemm hemm preżentement għalliema rġiel fl-iskejjel primarji u sekondarji li għandhom l-eta' ta' ħamsa u erbgħin (45) sena iżda ma jaqbżux l-ħamsin sena (50) u kemm hemm li għandhom ħamsin sena (50) u kemm hemm li għandhom ħamsin sena (50) iżda li ma qabżux is-sitta u ħamsin sena (56)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema maskili fi skejjel primarji bejn l-etajiet ta' ħamsa u erbgħin (45) sena u ħamsin (50) sena jammonta għal sitta u għoxrin (26).
In-numru ta' għalliema maskili fi skejjel primarji bejn l-etajiet ta' ħamsin (50) sena u sitta u ħamsin (56) sena jammona għal mija u sittax (116).
In-numru ta' għalliema maskili fi skejjel sekondarji bejn l-etajiet ta' ħamsa u erbgħin (45) sena u ħamsin (50) sena jammonta għal mija wieħed u sittin (161).
In-numru ta' għalliema maskili fi skejjel sekondarji bejn l-etajiet ta' ħamsin (50) sena u sitta u ħamsin (56) sena jammonta għal mitejn disa' u erbgħin (249).
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir programm ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq il-bjut, il-bini, il-komun, eċċ. tal-mużewijiet tar-Rabat, Malta? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fi snin reċenti sar xogħol estensiv biex jipproteġi s-saqaf tal-Villa Rumana mill-ilma. Matul is-sajf li għadda reġa' sar xogħol ta' manutenzjoni esterna fuq l-istruttura ta' dan il-mużew. Twettaq ukoll xogħol ta' manutenzjoni fuq il-kmamar li jiproteġu l-intrati tal-katakombi ta' San Pawl.
Rigward l-ispazji miftuħa li hemm madwar dawn is-siti kif ukoll fis-Saqqajja, dawn qegħdin jitnaddfu regolarment waqt li jinbexxu b'erbiċidi li ma jagħmlux ħsara lill-fdalijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu fir-responsabbilta' tiegħu li jgawdu minn allowance għad-degree jew diploma li għandhom? X'inhuma s-suġġetti li huma ċċertifikati fihom? X'inhuwa x-xogħol li qegħdin jagħmlu bħalissa?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Allowances li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant huma kollha regolati mid-diversi ftehim kollettiv għall-kategoriji deversi minn impjegati u dawn taħt is-superviżjoni tal-Management and Personnel Office.
Jista' l-Ministru jistabilixxi l-ammont ta' homework ideali għal kull eta' fl-iskejjel ta' l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-parir informat hu li ma jkunx għaqli li wieħed jistabbilixxi xi kwota ta' homework ideali għal ebda eta' ta' tfal, f'ebda kategorija ta' skejjel. Għal għoti ta' homework jeżistu linji ta' gwida għall-għalliema, sew fuq bażi ġenerali, kif ukoll skond is-suġġett speċifiku. Imbagħad kull skola tibni hi l-politika tagħha dwar il-homework. Din il-politika tkun ibbażata primarjament fuq il-bżonnijiet ta' l-istudenti ta' dik l-iskola u fuq in-natura ta' l-iskola nnifisha, bid-direzzjoni wkoll tal-linji ġwida.
Din il-politika titfassal mill-għalliema u mill-kap ta' l-iskola, b'konsultazzjoni wkoll mal-ġenituri, u ħafna skejjel ta' l-istat daħħlu din il-politika tagħhom dwar il-homework bħala parti mill-'School Development Planning' li qegħdin jagħmlu.
Jista' l-Ministru jgħid: 1) jekk qattx sar xi tip ta' survey fuq l-għoti ta' homework fl-iskejjel ta' l-Istat; 2) jekk fl-affermattiv, x'kienu r-riżultati ta' dan is-survey u jekk ħarġux xi konklużjonijiet dwar l-ammont, il-kwalita' u l-effiċjenza; 3) jekk fin-negattiv, il-Ministru beħsiebu jwettaq survey simili peress li minn stħarriġ li sar ħareġ ċar li s-suċċess fl-eżamijiet kien relatat direttament ma l-ammont ta' homework mogħti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dawn l-aħħar tlett snin ma sar ebda survey ta' dan it-tip fuq skala nazzjonali. Il-fatti li għandha d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni juru li s-suċċess fl-eżamijiet huwa relatat ma' firxa sħiħa ta' ċirkostanzi, prinċipalment tagħlim effettiv.
Billi f'mistoqsija parlamentari numru 12824, l-Onor. Evarist Bartolo dak iż-żmien Ministru ta' l-Edukazzjoni u Kultura Nazzjonali qallu li "qed tiġi kkonsidrata talba biex jiġi rranġat il-wiċċ tal-ground ta' l-Istitut San Ġużepp f'Santa Venera liema talba issa ilha s-snin pendenti quddiem il-gvern, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet din il-konsiderazzjoni u jikkonsidra li għandu jirranġa dan il-ground peress li issa aktar minn qabel jinsab ta' periklu għal mijiet ta' tfal u żgħażagħ li kuljum jagħmlu użu minnu għat-taħriġ u logħob?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Club ġie mitlub jagħti aktar dettalji qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar ix-xogħlijiet li hemm bżonn isiru.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward każi rrapportati ta' abbuż sesswali fl-iskejjel statali matul din is-sena skolastika?
Jaf il-Ministru b'każi repetuti ta' bullying ġewwa l-iSkola Ġuże' Damato f'Raħal Ġdid?
X'qed isir fuq din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma ġewx irrappurtati każi ta' abbuż sesswali fl-iskejjel statali matul din is-sena skolastika;
Fl-iskola Sekondarja tas-Subien Ġuże' D'Amato, f'Raħal Ġdid, ġew irrappurtati għaxar każi ta' bullying lill-Counsellor u lill-Guidance Teachers;
Il-Counsellor ta' l-Iskola u l-Guidance Teachers jagħtu counselling u sapport lis-'survivors/victims' dawk li jkunu ġew bullied. Lil dawk li jagħmlu l-bullying il-'perpetrators' hemm min ikollu bżonn counselling, u hemm min ikun iddixxiplinat skond il-kodiċi ta' dixxipplina ta' l-iskola. Ix-xogħol ma' l-istudenti dwar il-bullying għadu sejjer.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu photocopy machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Kollega għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet preċedenti ta' l-istess natura.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-proposti li kienu ġew allokati anke fondi mir-Raba' Protokol Finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea dwar Kulleġġ Vokazzjonali bħala parti mir-ristrutturar ta' l-industrija li għandu bżonn pajjiżna biex jiffaċċja l-futur? L-istess fondi se jintużaw għal dan il-Kulleġġ? X'se jilħaq isir f'dan il-qasam biex ma nitilfux il-fondi msemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Waqt li naqbel li fl-iskejjel tagħna jkun hemm mumenti li l-għalliema u l-istudenti jiddiskutu flimkien kwestjonijiet kurrenti bħall-VAT, l-Unjoni Ewropea, eċċ..., jista' l-Ministru jara li jsir appell lill-għalliema biex jippruvaw ma jitrattawx dawn is-suġġetti b'mod partiġjan u ta' propaganda għax waqt li hemm għalliema li kapaċi jiddiskutu b'moħħ miftuħ u jgħinu lill-istudenti jkollhom moħħ miftuħ, hemm għalliema li sfortunatament jintilfu fil-passjoni partiġjana u jkomplu jxerrdu kultura politika fqira f'pajjiżna?
Response (GALEA, LOUIS)
Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Kollega għall-konsiderazzjoni tad-Dipartiment konċernat fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.