Il-Ministru jaqbel mal-proposta ta' kandidata Nazzjonalista għall-Kunsill Lokali tal-Qrendi li l-iskola speċjali tal-Qrendi tinbidel f'Ċentru Ċiviku? X'se jsir mill-istudenti li jmorru f'din l-iskola speċjali? X'se jsir mill-investiment li sar apposta għal din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministeru s'issa qatt ma ġie mitlub jikkonsidra tali proposta.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-karozzi li jiġbru lill-istudenti bniet li mill-Mellieħa jmorru fl-iskola Sir Adrian Dingli, Junior Lyceum ma jibqgħux imorru għalihom fis-6.30 a.m. peress li dan hu kmieni wisq u qed jispiċċaw jistennew siegħa u nofs fil-kesħa barra qabel tibda l-iskola?
Jaf il-Ministru li matul dan il-ħin ma jkunx hemm ħadd jieħu ħsieb dawn l-istudenti? Jistgħu l-istudenti jinġabru mill-Mellieħa fis-7.30 a.m.?
Tista' tiġi kkonsidrata talba min għadd ta' ġenituri li fl-iskola Sir Adrian Dingli ikollhom break iqsar u hekk l-iskola tispiċċa aktar kmieni milli qed tispiċċa bħalissa?
Response (GALEA, LOUIS)
Naf li l-Onor. Kollega japprezza li mhux faċli issib is-soluzzjoni mixtieqa. Infatti ġejt informat li wara l-ilmenti ta' xi ġenituri li t-trasport jitlaq mill-Mellieħa għal Sir Adrian Dingli Junior Lyceum tal-Bniet, (St Andrews) fis-6.30a.m., l-Uffiċjal inkarigat sab li t-trasport jibda fis-6.55a.m., minn ħdejn il-Belleview u wara jidħol ta' Pennellu Estate fis-7.00a.m. Kull vettura biex tlaħħaq man-numru kbir ta' tfal li jattendu diversi skejjel trid tagħmel tlett vjaġġi kull waħda. Ix-xufiera li jġorru t-tfal mill-Mellieħa joqgħodu l-Mellieħa u għalhekk jibdew minn hemm biex wara jagħmlu vjaġġi oħra iżjed l-sifel f'Malta.
Per eżempju, fil-każ ta' din il-vettura wara li twassal l-istudetni l-Iskola Sir Adrian Dingli, tgħabbi studenti minn Pembroke għal Junior Lyceum fil-Ħamrun u war titla' n-Naxxar biex twassal it-tfal tal-Primarja ta' l-sitess lokal.
L-istudenti ma jitħallewx barra fil-kesħa iżda għandhom permess jidħlu fil-klassijiet tagħhom. Fuq suġġeriment tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Kap ta' l-Iskola ppruvat issib għalliema biex jieħdu ħsieb dawn l-istudenti bejn is-7.30 a.m. u 8.15 a.m. Biss ħadd mill-għalliema ma offra dan is-servizz.
Nibqa' ninpenja ruħi li nfittex soluzzjonijiet aħjar minn dawk preżenti.
Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti konsistenti mill-ġenituri li ħadd ma jwieġeb it-telephones li hemm fl-iSpecial Education Centre tal-Furjana? Min qed imexxi dan iċ-ċentru u kemm hemm persuni jaħdmu fih u f'hiex jikkonsisti x-xogħol tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4981.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-vakanzi li nħolqu bejn l-20 ta' Novembru, 1998 u l-15 ta' Marzu, 1999 għall-assistenti kapijiet ta' skejjel sekondarji?
Kemm minnhom diġa' mtlew u f'liema skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Vakanzi li nħolqu bejn l-20 ta' Novembru 1998 u l-15 ta' Marzu 1999 għall-assistenti Kapijiet ta' skejjel sekondarji kienu tlieta, tnejn f'Malta u waħda f'Għawdex. Iż-żewġ vakanzi f'Malta nħolqu għax il-persuni kkonċernati ħarġu bil-"pre-retirement leave", u ntlew it-tnejn.
F'Għawdex irtirat persuna iżda l-post vakant għadu ma nteliex.
F'Malta ntlew il-post-vakant fl-iskola Sekondarja "Marija Assunta tal-Ħamrun u l-post - vakant fl-iskola Sekondarja tas-subien "Antonio Bosio" tal-Gżira.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat sussidju l-kumpannija PBS is-sena l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern jawtorizza lill-PBS iżżomm il-flus miġbura mill-ħlas tal-liċenzji wara li taqta' l-ispejjeż biex jinġabru dawn l-istess flus. Id-dħul mil-liċenzji kien jammonta għall-Lm2,314,000 fl-1998.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5612 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' jekk jogħġbok tpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra tar-rapport ippreparat mill-Works Division dwar restawr ta' bini storiku msemmi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 4834?
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus bejn Ottubru 1998 u Marzu 1999 f'dak li għandu x'jaqsam ma' ospitalita' fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali?
Għal min saret din in-nefqa u x'kienet l-okkażjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul il-perjodu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant intnefqu Lm706.67 f'dak li għandu x'jaqsam ma' ospitalita' fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali. Din in-nefqa kienet imqassma hekk:
Buffet Xmas Lunch - Lm318.92
Staff Lunch - Lm285.15
3 Lunches ma' konsulenti legali - Lm 41.60
Lunch mal-President ta' l-iSquash Association - Lm 19.30
Lunch ma' staff tal-M.E.U. - Lm 22.75
Lunch mad-Direttur taż-Żgħażagħ u Sport - Lm 18.95
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma mħallsa l-għalliema li jieħdu sehem fl-Iskolasport? Kull meta tħallsu? Jista' jgħid kemm hemm għalliema mqassma bejn l-isport differenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema ta' Skolasport jitħallsu bl-istess rata li ġiet stabbilita sena ilu jiġifieri dik ta' Lm5.10 kull sessjoni ta' sagħtejn u nofs. Dawn l-għalliema li jkollhom sessjoni ta' tlett siegħat bħal dawk tal-ġinnastika u l-għawm jitħallsu Lm6.12. Il-pagamenti jsiru f'Jannar, Marzu u Ġunju wara li tgħalaq Skolasport fl-aħħar ta' Mejju. Diġa' sar il-pagament ta' Jannar.
L-għalliema f'kull sport huma mqassma hekk:
Football - 18 Fitness - 5
Atletika - 18 Powertraining - 5
Basketball - 7 Hockey - 1
Volleyball - 2 Tennis - 6
Table Tennis - 2 Judo - 2
Weightlifting - 1 Ġinnastika - 8
BMX - 2 Snooker - 5
Netball - 3 Taekwondo - 2
Spirit Combat - 5 Baseball - 2
Għawm - 16 Special Class - 7
Badminton - 7 Waterpolo - 2
Bowling - 7 Handball - 2
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm li fil-każ tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, jitwettaq dak li approva l-Ministru stess bin-nota li kiteb u ffirma fit-30 ta' Settembru, 1998 fuq ittra miktuba lilu mill-istess professur bid-data ta' l-24 ta' Settembru, 1998?
X'passi se jittieħdu dwar din il-persuna biex jispiċċaw l-inċertezzi, l-ansjeta' u l-problemi finanzjarji li qed tbati?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqgħet lura l-pubblikazzjoni tar-rapporti ta' l-eżaminaturi tas-suġġetti differenti ta' l-eżamijiet għad-dħul fil-Junior Lyceum 1998?
Japprezza l-Ministru li dawn ir-rapporti huma għodda siewja ta' evalwazzjoni għall-Ministeru, id-diviżjoni, il-kapijiet u l-għalliema u n-nuqqas ta' pubblikazzjoni tagħhom turi insensittivita' inkwetanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-rapporti li kellhom isiru dwar l-eżamijiet għad-dħul fil-Junior Lyceum ta' Mejju 1998, kienu inkitbu u ġew ippubblikati fil-ħin.
Din is-sena saru żewġ rapporti:
L-ewwel wieħed huwa r-rapport mill-eżaminaturi u juri kif marru t-tfal fil-partijiet differenti tal-karti, fil-ħames suġġetti. Biex ikun aċċessibli għall-ġenituri wkoll, dan il-materjal inkiteb sew bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u f'Lingwa li tiftiehem għalkemm twassal l-aspett tekniku wkoll.
Dan ir-rapport twassal fl-iskejjel, libreriji pubbliċi, kunsilli lokali u għand nies oħra nteressati fl-ewwel ħmistax ta' Ottubru 1998, jiġifieri fl-ewwel ġimgħatejn tas-sena skolastika.
Fl-istess żmien kopji tiegħu tiqiegħdu għall-bejgħ bil-prezz ta' Lm1.50, mis-Salesian Bookshops tas-Sliema u l-Belt.
It-tieni rapport huwa ġabra ta' statistika dwar l-eżami li, għall-ewwel darba wkoll, tinkludi fiha 'Item Analysis' tal-ħames karti. Dan it-tieni rapport hu bl-Ingliż; ħafna iżjed tekniku mill-ewwel wieħed u hu maħsub iżjed għall-użu ta' l-għalliema u riċerkaturi. Kopji ta' dan it-tieni rapport waslu fl-iskejjel u fil-libreriji pubbliċi fl-ewwel ġimgħatejn ta' Novembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mix-xogħol li kienet intalbet tagħmel id-Direttur tal-Kurrikulu biex tħejji rapport għall-ġenituri dwar kif imorru t-tfal fl-eżamijiet tal-Junior Lyceum? Għaliex dak ix-xogħol ma jiġix ippubblikat minkejja li issa ntilef żmien prezzjuż din is-sena skolastika? Japprezza l-Ministru li pubblikazzjoni bħal din hi meħtieġa ħafna u għandha siwi edukattiv kbir?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4920.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4153 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista', jekk jogħġbok, tgħid jekk impjegati tal-Malta University Services Ltd u li huma responsabbli mill-ġestjoni tal-proġett ta' l-isptar il-ġdid hemmx il-ħsieb li jsiru mpjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid taħt liema kondizzjonijiet se jkunu mpjegati u x'pakketti ta' remunerazzjoni se jiġu offruti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'hemm ebda pjan s'issa li l-impjegati tal-Malta University Services Ltd li huma responsabbli mill-ġestjoni tal-proġett ta' l-isptar il-ġdid isiru impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jdumu ma jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal Science Lab Technicians li ilhom li għalqu xahrejn? Meta se jsiru l-intervisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Nassumi li din id-domanda tirreferi għas-sejħa ta' l-applikazzjonijiet għal Laboratory Officers I/II (Biology) tal-5 ta' Novembru 1998. Informat li l-applikazzjonijiet diġa' ġew ipproċessati u l-intervisti ser isiru dalwaqt.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kien hemm studenti u għalliema jitgħallmu u jgħallmu l-Grieg klassiku fl-iskejjel sekondarji tal-gvern fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Grieg Klassiku ma jiġix mgħallem fl-Iskejjel Sekondarji tal-gvern.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kien hemm studenti u għalliema jitgħallmu u jgħallmu l-Ġappuniż fl-iskejjel sekondarji tal-gvern fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Ġappuniż ma jiġix mgħallem fl-Iskejjel Sekondarji tal-gvern.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-PBS se jwaqqaf fl-aħħar ta' Marzu 1999, diversi programmi popolari fosthom Xarabank, Pjazza 3, Basta mhux Weekend u Ħadd ieħor? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif il-PBS wasal għal din id-deċiżjoni meta kulħadd jaf kemm dawn il-programmi televiżivi huma segwiti mill-poplu Malti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-PBS approvat it-tkomplija fl-iskeda ta' TVM għal April, Mejju u Ġunju 1999 tal-programmi "Pjazza 3" u "Xarabank".
Fil-każ ta' "Xarabank", iżda, t-tim li jipproduċih għażel li bħas-sena l-oħra, jtemm l-impenji tiegħu fl-aħħar ta' Marzu.
Dwar "Basta Mhux Weekend" u "Ħaddieħor" il-PBS ma dehrilhiex li għandha żżommhom fl-iskeda billi ma kienux qed jiġġeneraw introjtu biżżejjed.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Public Broadcasting Services se jnaqqas salarji jew overtime lill-ħaddiema? Jekk fl-affermattiv, kif se jsir dan it-tnaqqis?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-PBS naqqset il-budget tagħha tas-sahra għal din is-sena bi tmintax fil-mija (Lm50,000).
Din il-miżura hija maħsuba biex tolqot b'mod ugwali d-dipartimenti kollha fil-kumpanija u b'hekk issaħħaħ il-ħidma preżenti tal-PBS biex tirrazzjonalizza l-impenn finanzjarju tagħha.
M'hemm kontemplat ebda tnaqqis fis-salarji.
B'riferenza għat-twaqqif tal-Kunsill Mediterranju għall-Kultura, jista' l-Ministru jgħid: a) minn fejn qed jiffunzjona dan il-kunsill; b) minn min huwa ffurmat il-Kumitat li qed imexxi dan il-kunsill; c) meta ġew mogħtija l-privileġġi msemmija fl-istqarrija tal-UNESCO u liema huma dawn il-privileġġi; d) jekk ingħatawx fondi mill-UNESCO jew taħt il-programm MEDA ta' l-Unjoni Ewropea għat-twaqqif u t-tmexxija ta' dan il-kunsill u jekk ingħataw, kemm kienu u kif intnefqu; u e) xi spejjeż ħareġ il-Gvern Malti lil dan il-kunsill?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed niġbor it-tagħrif mitlub u nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-kumitat tal-Malta Racing Club? Jekk iva, min inbidel u għaliex? Jista' jgħid ukoll min huma l-persuni l-ġodda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sur George Fenech li kien ġie maħtur membru fuq il-Kumitat tal-Malta Racing Club irriżenja dan l-aħħar għal raġunijiet personali. Minfloku ġie maħtur is-Sur Francis Catania.