Jista’ l-Ministru konċernat jara li l-każ speċjali tal-minuri li ismu qiegħed jintbagħat separatament, li jbagħti minn spina bifida li joqgħod mal-ġenituri tiegħu ġo familja numeruża, jibda jingħata t-terapija (physioteraphy) fid-dar tiegħu u dan peress li sakemm jnizzluh mill-Mellieħa sa l-isptar San Luqa, jilħaq jgħejja u ma jkunx kapaċi għat-terapija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi d-distanza projbita li persuna tista' tersaq viċin antenna tal-mobile phone? X'inhu l-għoli mill-art ta' kemm suppost dawn l-antenni jitwaħħlu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li s-siti ta' l-Antenni huma bbażati fuq rakkomandazzjonijiet skond ir-'Report on Recomendations for limiting human exposure to time varying electrical, magnetic and electromagnetic fields in the frequency range from 0 Hz to 300 GHz' li ġie ppreżentat f'Awwissu tas-sena 2000. Barraminhekk, il-liċenzjar ta' l-Antenni jsiru mid-Dipartiment tal-Wireless Telegraphy. Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirreferi tali Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat għal aktar tagħrif tekniku.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-apparat imsejjaħ laparascope fl-isptar San Luqa mhux armat għall-laparascopic surgery għall-endometriosis? Tista' tiġi rimedjata s-sitwazzjoni preżenti fejn pazjenti li għandhom bżonn laparascopic surgery għall-endometriosis iridu jieħdu l-kura fl-isptar St. Philip's fejn jinsab l-uniku apparat armat li hawn, bi spiża ta' mijiet ta' liri propju għaliex l-intervent ma jistax isir fl-isptar San Luqa ħlief biex isir laparatomy?
Jaf il-Ministru li saret applikazzjoni biex jinbena mill-privat fuq iċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi? Min kien li ta l-permess biex isir dan? Fuq min hija l-applikazzjoni biex isir dan l-iżvilupp? Saret xi forma ta' tendering?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li saret outline development application lill-Planning Authority minn l-Onor. G. Hyzler bħala promotur tal-Fondazzjoni Ħal-Qormi li qed titwaqqaf bl-għan li tniedi proġetti f'Ħal-Qormi għall-benefiċċju tal-komunita` flimkien mal-Health Care Services. It-talba saret fuq inizjattiva privata u m'humiex bħala parti minn xi proċess b'inizzjattiva governattiva. Il-metodu li bih jista` jinbena ċentru bħal dan taħt xi forma ta` Public Private Partnership kif qed jiġi suġġerit mill-applikant għad irid jiġi determinat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni kkwalifikati bħala CSA's li huma rreġistrati mad-dipartiment tal-anzjani? Kemm minn dawn huma attwalment imqabbdin mill-gvern u kemm hemm fuq il-waiting list biex jingħataw ix-xogħol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-capsules għall-artrite Art 50 Diacerheine kienu out of stock dan l-aħħar? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni għal dan il-prodott partikolari li jqum madwar Lm18 u li xi pazjenti pensjonanti kellhom b'hekk jixtruh minn buthom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pilloli Art 50 Diacerheine ma humiex inklużi fil-lista ta' prodotti mediċinali mixtrija mis-Servizzi Farmaċewtiċi, kemm ghal pazjenti rikoverati fl-isptarijiet kif ukoll għall-out patients. Sa llum ma kien hemm l-ebda talba biex jinxtara dan il-prodott.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal minn ommijiet taħt is-16-il sena fis-sena 2002? Kemm kellhom eta` l-ommijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fuq is-Saħħa għandu informazzjoni nazzjonali fuq it-twelid ta' trabi minn ommijiet (Maltin u mhux Maltin) li twieldu bejn Jannar u Marzu għas-sena 2002. Din l-istatistika nġabret b'mod volontarju għall-National Obstretric Information System (NOIS-WHO-OBSQID Project).
Kien hemm sitt twelid ta' trabi (singleton) minn ommijiet taħt is-16-il sena fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena. Minn dawn it-twelid, tlieta kienu minn ommijiet li kellhom erbatax-il sena u t-tlieta l-oħra minn ommijiet li kellhom ħmistax-il sena.
Jaħseb il-Ministru li għandu jinstab post aktar adattat għad-detox centre peress li qiegħed f'post abitat ħafna? Jaf il-Ministru li minbarra l-isptar viċin ħafna tad-detox centre hemm saħansitra skola primarja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibilta' hemm li pilloli tat-tip Lustral li għandhom valur ta' Lm19.69 għal kull pakkett li jservi 28 ġurnata, jibdew jingħataw b'xejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta` l-Onor Interpellant ser jingħata kunsiderazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment konċernat jinvestiga l-ilmenti ta' ħafna Mostin, cioe li l-latrina tal-pjazza tal-Mosta tinsab bla ilma, tant li hija mifnijha minn intejjen kbar u insapportabbli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Minsitru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li ssir tindifa ġenerali ġewwa ċ-ċimiterju ta' Marija Addolorata u jara li jissewwew il-viti ta' l-ilma li ma jaħdmux?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li t-tindif ġewwa ċ-Ċimiterju ta` l-Addolorata jsir fuq bażi regolari minn tmien ħaddiema tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika (Taqsima ta` l-Addolorata). Biex ikun faċilitat aktar ix-xogħol u jintlaħaq aktar malajr, peress li s-sit ta` l-Addolorata hija kbira, d-Dipartiment investa f'żewġ vannijiet żgħar, kif ukoll dumper.
Dwar il-viti ta` l-ilma li għalihom irrefera l-Onor. Interpellant, infurmat li fil-fatt il-viti kollha jaħdmu. Żewġ viti u pipe li kienu jqattru ġew imsewwija mit-taqsima tal-manutenzjoni ta` l-istess Dipartiment. Jekk l-Onor Interpellant qiegħed jirreferi għall-vit ta` wara l-bieb prinċipali taċ-Ċimiterju, infurmat li tali vit ġie magħluq intenzjonalment peress li l-użu tiegħu kien qiegħed jiġi abbużat.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa b'ko-ordinazzjoni ma' dawk edukattivi fid-dawl ta' l-istħarriġ li sar mill-għaqda dinjija tas-saħħa fejn irriżulta li hemm problemi ta' ħxuna fost it-tfal Maltin u Għawdxin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-problema ta` ħxuna fil-fatt hija problema ta` tliet kwarti mill-Maltin. Għaldaqstant, din il-problema tinsab fit-tfal kif ukoll fl-adoloxxenti. Qabel ma tiġi mfassla strateġija ta` azzjoni, trid issir verifikazzjoni xjentifika tas-sitwazzjoni nazzjonali f'dan ir-rigward. Id-Diviżjoni tas-Saħħa se tikkonsulta ma` esperti barranin li għandhom esperjenza f'dan il-qasam, bħalma qed isir f'pajjiżi Ewropej u l-Canada, biex taffronta din l-problema fuq livell nazzjonali.
Jista' l-Ministru jara x'investigazzjonijiet u xi spezzjonijiet saru fuq il-kwalita' ta' l-ilma ta' l-ispieri li jużaw il-bdiewa sabiex isaqqu l-prodott tagħhom fuq l-uċuħ tar-raba fl-inħawi tal-Qammieħ il-Mellieħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ġejt infurmat li wara lmenti li saru minn żewġ bdiewa dwar il-kwalita` ta` l-ilma mill-ispieri fl-inħawi ndikati, f'Jannar li għadda ttieħdu tliet kampjuni ta` dan l-ilma sabiex jiġu analizzati.
Peress li r-riżultati ndikaw xi kontaminazzjoni, saru rapporti formali lid-Dipartiment tad-Drenaġġ biex tiġi ċċekkjata s-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi Tal-Qammieħ u jittieħdu dawk il-miżuri neċessarji sabiex jiġu eliminati xi difetti jew nuqqasijiet fis-sitema tad-drenaġġ f'dan is-sit, u li setgħu kienu l-kawża ta` l-imsemmija kontaminazzjoni.
Nixtieq inżid li ż-żewġ bdiewa ġew infurmati bir-riżultat.
Peress li qed isir ħafna riklamar u promozzjoni għall-fat blockers, jenħtieġ permess mill-awtoritajiet tas-saħħa għal dan? X'inhuma r-rakkmandazzjonijiet ta' l-awtorita` tas-saħħa għal użu ta' sustanza bħal fat blockers? X'passi ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar l-użu ta' fat blockers?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Reklamar ta` fat blockers għandhom bżonn il-permess mill-Kunsill tas-Saħħa.
Id-dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa ma jagħtix il-parir li persuna tirrikorri għal prodotti bħal fat blockers sabiex tikkontrolla l-piż tagħha. Ir-rakkommandazzjoni tad-dipartiment hija skond dik ta` l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), jiġifieri li persuna b’piż żejjed għandha tbiddel id-drawwiet ta` l-ikel u l-eżerċizzju sabiex titlef il-piż. Id-dipartiment jagħti dan il-parir permezz ta` programmi fuq il-media, waqt taħditiet fil-kommunita` u permezz tal-helpline (tel. 21242862). Dan il-parir ukoll jingħata lill-pubbliku fil-weight reduction clinics li jitmexxew mid-dipartiment stess.
Wieħed għandu jiftakar ukoll li dawn il-pilloli għat-telf ta` piż, bħal fat blockers, mhumiex reġistrati bħala mediċini. Dan ifisser li ma jsirux clinical trials (fin-nies) stretti fuqhom, bħal mediċini proprja, sabiex insiru nafu aktar dwar kemm huma effettivi u kemm jistgħu jagħmlu ħsara fil-bniedem. B’hekk, ħafna mill-claims ta` dawn il-prodotti mhumiex ibbażati fuq ix-xjenza u fuq l-evidenza.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tenħtieġx xi awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa għax-xogħol li qed jagħmel l-ipnotista biex iwaqqaf persuni li jmorru għandu bil-ħlas biex jaqtgħu l-vizzju tat-tipjip? Saret xi talba għall-permess minn ipnotisti għal xogħol bħal dan? X'inhuma r-rakkmandazzjonijiet ta' l-awtoritajiet tas-saħħa dwar xogħol ta' ipnotisti bħal dawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma rċieva l-ebda talba għal permess minn ipnotisti. Ix-xogħol ta` ipnotista mhux regolat bil-liġi u għaldaqstant ma hemm l-ebda ħtieġa għal permess minn dan id-Dipartiment għal tali xogħol.
F'rigward l-użu ta` ipnoterapija għal persuni li jixtiequ jieqfu mit-tipjip, dan huwa meqjus bħala mezz alternattiv bħalma hi l-akupantura. Dawn il-metodi nstabu li jistgħu jkunu ta` għajnuna għal xi wħud.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi, vannijiet u nġenji oħra li l-Ministeru u d-Dipartimenti, Entitajiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru, kellu mikrija jew le, matul is-sena li għaddiet? X'kienet is-sitwazzjoni għas-snin 2000, 1999, 1998 u 1997 separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jien m'inix sodisfatt li l-utilita` ta` l-informazzjoni dettaljata fuq firxa ta` ħames snin mitluba fil-Mistoqsija Nru. 31812 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar.
Għalhekk, sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pazjent/a barrani/ija għamlu użu minn servizz fl-Isptar San Luqa (i) bħala inpatient (ii) bħala out patient
a) xahar b'xahar minn Jannar sa April din is-sena?
b) servizz b'servizz
c) nazzjonalita' b' nazzjonalita'
Kemm ħarġu kontijiet? Kemm kienu jammontaw fi flus? Kemm tħallsu s'issa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'nuqqasijiet irriżultaw, u li hemm riferenza għalihom fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 33300? X'passi ttieħdu biex jiġu rimedjati tali nuqqasijiet? Meta ġew verifikati li ttieħdu l-passi indikati? Xi spezzjonijiet oħra saru fl-iskola mit-3 ta' Mejju 2002 'l hawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-nuqqasijiet li għalihom hemm referenza fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 33300 kienu: nuqqas ta` iġiene fil-kurituri, kif ukoll fil-klassijiet, waqt li fil-faċilitajiet sanitarji (toilets) jinħtieġu manutenzjoni u tindif regolari. Il-Kap ta` l-iskola, kif ukoll l-Assistent Direttur ġew mitluba jieħdu passi neċessarji sabiex jiġu rimedjati tali nuqqasijiet fl-iqsar żmien possibbli. Spezzjoni oħra saret fl-iskola indikata minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fis-17 ta` Mejju 2002 fejn instab li kienu għadhom jeżistu ċerti nuqqasijiet.
Il-Kap ta` l-iskola, l-Assistent Direttur, kif ukoll id-Direttur fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ġew mitluba mill-ġdid sabiex jittieħdu l-passi neċessarji sabiex l-iskola tinżamm fi stat aħjar ta` ndafa.
Spezzjonijiet oħra ser isiru fl-istess skola kull ġimgħa sakemm tali sitwazzjoni tiġi rimedjata.
Jista' l-Ministru jgħid liema bajjiet huma tajbin biex in-nies ikunu jistgħu jgħumu fihom? Liema bajjiet ma jilħqux dan il-livell? X'qed isir biex is-sitwazzjoni titjieb?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif tħabbar fuq il-mezzi tax-xandir kollha l-programm ta` monitoraġġ imniedi mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika beda nhar it-Tnejn 20 ta` Mejju u għalhekk riżultati finali għadhom mhux possibbli.
Infurmat ukoll li kampjuni preliminari li ttieħdu bejn il-11 u t-13 ta` Marzu, kif ukoll bejn is-6 u t-8 ta` Mejju minn 87 sit fl-erba` żoni kostali madwar Malta kollha rriżultaw tajbin u mingħajr l-ebda indikazzjoni ta` kontaminazzjoni minn drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm spiżjara fis-servizz tas-saħħa li qegħdin; fuq maternity leave; fuq paternity leave; fuq l-option ta' leave għal erba snin; fuq leave with pay għal skop ta' studju u f'kull każ kemm ilhom bil-leave with pay; fuq leave without pay għal skop ta' studju - f'kull każ kemm ilhom bil-leave without pay; fuq leave with jew without pay biex jagħmlu xogħol missjunarju u f'kull każ kemm ilhom bil-leave; fuq scholarship barra minn Malta u f'kull każ kemm hu twil il-perijodu ta' l-ischolarship u għal liema studju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.