Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex fil-Gate fejn ikun hemm il-ħaddiema tad-dwana tal-freeport jiġu installati immedjatament il-faċilitajiet sanitarji kif wara kollox tesiġi il-liġi tax-xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt fuq l-istess suġġett għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 22853.
Irrid inżid li xorta waħda d-Dwana għamlet arranġament mal-Freeport biex issir extension mal-Gaurd Room preżenti biex il-faċilitajiet sanitarji mitluba jsiru fiha.
Jista' l-Ministru jgħid peress li ninsab infurmat li d-dipartiment tad-dwana irċieva diversi proposti għall-tibdil fis-sistema tar-rilaxx tal-merkanzija f'Ħal Far Groupage Complex, jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu f'dan ir-rigward? Jista' jgħid jaħsibx li dawn il-proposti huma validi u jekk fl-affermativ meta huwa mistenni li jiġu fis-seħħ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa fl-interess ta' kull min hu nvolut illi jittieħdu dawk il-passi kollha possibbli fiċ-ċirkustanzi biex jitjiebu l-kontrolli u tonqos il-possibilita' ta' abbużi. Dan hu proċess kontinwu u s-suċċess ta' kull proċedura li tiddaħħal għal dan il-għan jibqa' ftit jew wisq jistrieħ fuq il-kontribut u l-integrita' ta' kull min għandu xi responsabilita' fil-proċess kollu.
F'dan il-kuntest qed jittieħdu passi biex ikunu implimentati xi proċeduri ġodda biex ikomplu jissaħħu l-kontrolli f'Hal Far.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset VAT mill-estate agents bejn Ġunju 2000 u Ġunju 2001? Kemm tħallset VAT, fl-istess perjodu, sena qabel?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' VAT li ħallsu l-estate agents bejn l-1 ta' Lulju 2000 u t-30 ta' Ġunju 2001 taħt l-Att ta' l-1998 dwar Taxxa Fuq il-Valur Miżjud kien ta' Lm205,416.73. L-ammont li ħallsu fl-istess perjodu sena qabel kien ta' Lm151,095.08.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset VAT min periti u kumpanija ta' periti bejn Ġunju 2000 u Ġunju 2001?
Kemm tħallset VAT fl-istess perjodu sena qabel?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' VAT li ħallsu periti u kumpaniji ta' periti bejn l-1 ta' Lulju 2000 u t-30 ta' Ġunju 2001 taħt l-Att ta' l-1998 dwar Taxxa Fuq il-Valur Miżjud kien ta' Lm888,335.61. L-ammont li ħallsu fl-istess perjodu sena qabel kien ta' Lm685,629.81.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset VAT minn bennejja, kuntratturi u kumpanija ta' kostruzzjoni bejn Gunju 2000 - Gunju 2001? Kemm tħallset VAT fl-istess perjodu, sena qabel?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' VAT li ħallsu bennejja, kuntratturi u kumpaniji ta' kostruzzjoni bejn l-1 ta' Lulju 2000 u t-30 ta' Ġunju 2001 taħt l-Att ta' l-1998 dwar Taxxa Fuq il-Valur Miżjud kien ta' Lm3,140,314.66. L-ammont li ħallsu fl-istess perjodu sena qabel kien ta' Lm2,430,377.17.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gwardjani tad-dwana ilhom għal dawn l-aħħar 6 xhur ma' jitħallsu tat-tmien siegħat extra tax-shift? Jista' jgħid meta ser isir dan il-ħlas u jekk huwiex jsir skond kif kien isir qabel?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-suġġett tal-mistoqsija jirrigwardja l-personal tal-Customs Class u mhux lill-Gwardjani biss.
Il-ħlas ta' dawn it-tmien sigħat extra tax-shift mhux aktar sostenibbli fil-kuntest tal-kontrolli li qed isiru fuq ħlas ta' overtime u għalhekk trid tkun indirizzata din il-problema. Qed isiru diskussjonijiet dwar dan u mistenni li jkun hemm żviluppi dalwaqt.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-ħaddiema tad-dwana li għandhom ħlas b'lura dovut lilhom tas-sahra, jitħallsu mill-aktar fis possibli. Jaf l-Ministru li hemm min għandu jieħu ħlass b'lura tas-sahra mill-1999?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jidhirx li hemm ħlas ta' sahra ta' l-1999 li għadu dovut.
Mill-banda l-oħra qed isir kull sforz biex is-sistema kompjuterizzata li tipproċessa dawn il-pagamenti jsirulha l-aġġustamenti tekniċi meħtieġa biex xi ħlas li forsi għadu dovut minħabba aġġustamenti li jridu isiru b'riżultat ta' xi inputting ta' data mhux korretta ikun jista' jsir.
Jista' l-Ministru jikkonferma il-qagħda attwali kif wkoll xi tibdil propost dwar tassazzjoni fuq familji li jkollhom il-liċenzja li jżommu studenti alloġġjati fir-residenzi tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jispjega ruħu aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm xi diskrepanza li tolqot ex-ħaddiema tal-Maltacom li irtiraw minn mal-korportazzjoni wara l-1996 li kellhom xi dritt għal numru ta' units li jissarrfu f'ishma tal-kumpanija? Għad hemm fond għall dan il-għan? Kemm baqa flus f'dan il-fond?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqdsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bookings u eventwalment inħarġu biljetti għas-safar għal ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-22 ta' Ġunju 1999 sal-lum?
Jista' l-Ministru jgħid separatament:
(1) għand liema aġenziji saru dawn il-bookings u mingħand liema aġenziji nxtraw il-biljetti ta' l-ajru;
(2) kull aġenzija kemm tħallset għal dawn il-biljetti;
(3) għal liema destinazzjonijiet inħarġu dawn il-biljetti?
(PQ waslet 6/6/2001)
Response (DALLI, JOHN)
Jien m'iniex sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-mistoqsija Nru. 26813 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar.
Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li l-informazzjoni tinġabar.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25380, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jonforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi; (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Ma jaħsibx il-Ministru li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala mhijiex tingħata meta din hija informazzjoni importanti u tikkonċerna infiq pubbliku u għaldaqstant għandu dritt għaliha?
(PQ waslet 30/5/2001)
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onorevoli membru għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija nru. 25814.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijet huwa differenti, l-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
Jista' l-Ministru jgħid din is-sena kemm inħarġu defaulter notices tal-end of year forms FS3/FS7 li ma ġewx sottomessi fil-ħin? Normalment meta jinbgħatu dawn il-notices?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li f'Marzu ta' din is-sena, d-Dipartiment ħareġ 4530 avviż bil-posta lill-employers li kienu għadhom ma bagħtux id-dokumenti FS3/FS7 sa dakinhar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta' dejn li daħlu għalih korporazzjonijiet u intrapriżi pubbliċi jew ikkontrollati mill-gvern u li għalih il-gvern daħal garanti?
Liema huma l-entitajiet li daħlu għal dan id-dejn u kemm hi s-somma relattiva garantita mill-gvern għal kull entita'?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari nru. 21090 f'seduta 424.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet ikkalkulata s-somma li se tingħata lill kull ġenitur ta' studenti fi skejjel indipendenti - sekondarji u primarji - jista' jgħid jekk ittieħdux biss in konsiderazzjoni il-miżati jew wkoll ħlas għat-trasport, photocopies eċċ?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi din il-mistoqsija lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari nru. 26683, jista' l-Ministru jagħti tweġiba kollettiva dwar l-iskejjel kollha, fl-interess pubbliku?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalma spjegajt fir-risposta għall Minstoqsija Parlamentari nru. 26567, taħt l-Att ta' l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud, il-provvista ta' edukazzjoni hija eżenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mill-VAT fuq tuck shops tal-iskejjel u l-canteens tal-fabbriki matul Jannar u Gunju 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar u Ġunju 2001 id-dħul net tal-Gvern taħt l-Att ta’ l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud minn canteens kien ta’ Lm13,163. Il-klassifikazzjoniji ta’ canteens skond is-sistema NACE ma tispeċifikax jekk canteen hux ta’ skola jew post tax-xogħol, u għaldaqstant iċ-ċifra imsemmija tista’ tinkludi dħul minn canteens oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mit-taxxa fuq il-petrol, lead free petrol u diesel matul Jannar u Ġunju 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngharraf lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar u Gunju 2001 id-dhul mit-taxxa tas-sisa fuq il-prodotti msemmija kien hekk:
Lm
Petrol
3,805,708
Lead free Petrol
2,354,313
Diesel
2,804,586
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mill-VAT mill-istabbilimenti tal-ikel,
divertiment u kafeteriji matul Jannar u Gunju 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li, bejn Jannar u Ġunju 2001 id-dħul net tal-Gvern taħt l-Att ta’ l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud minn ristoranti u stabbilimenti ta’ l-ikel, stabbilimenti ta’ divertiment u kafeteriji (bars) kien ta’ Lm1,737,045, Lm261,139 u Lm309,625 rispettivament.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25356, jista' l-Ministru jgħati lill-Kamra d-dettalji mitluba peress l-informazzjoni mitluiba:
1) Tikkonċerna Nfieq Pubbliku
2) Biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-Gvern li jinforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governativi?
3) Biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza, u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala, meta din hija informazzjoni importanti, tikkonċerna infiq pubbliku u l-poplu għandu dritt għaliha?
(PQ waslet 22/5/2001)
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onorevoli membru għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija nru. 25814.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f'dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret VAT minn fuq funerali din is-sena u kemm ingħataw lura f'refunds fuq talba li saret lid-dipartiment?
Response (DALLI, JOHN)
“Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, l-amont ta’ VAT dikjarat pagabbli taħt l-Att ta’ l-1998 dwar Taxxa Fuq il-Valur Miżjud, fuq il-provvista’ ta’ servizzi marbuta ma’ funerali kien ta’ Lm42,055. L-ammont ta’ refunds li ngħataw lura wara talbiet li saru mill-pubbliku matul l-istess perjodu kien ta’ Lm24,775”.