Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Tereza Junior Lyceum — Ġografija

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għalfejn studenti tal-Ġografija li waslu fis-sena finali tal-Form 5 fil-Junior Lyceum Santa Tereża fl-Imrieħel, kienu mgħallma minn għalliema li s-suġġett prinċipali tagħha mhux il-Ġografija u m'għandhiex degreefis-suġġett, meta fl-istess skola hemm għalliema oħra li għandhom kwalifiċi u esperjenza fis-suġġett ħafna aqwa? X'impatt se jkollu dan l-użu ħażin mir-riżorsi umani mill-amministrazzjoni ta' l-iskola fuq l-eżami, jiġifieri l-proġett jiġi mmarkat mill-għalliem tagħhom, li f'dan il-każ m'għandhiex il-kompetenza meħtieġa f'dan il-livell? Jista' jserraħ ras il-ġenituri li għandhom it-tfal fil-Junior Lyceum Santa Tereża li fis-sena skolastika li jmiss, l-istudenti tal-Ġografija kemm ta' l-options u tal-form 5 ikollhom għalliema bl-aqwa kwalifiki u esperjenza li għandha l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema li tgħallem lill-istudenti tal-Form 5 hija gradwata bil-B.ED (Hons) speċjalizzata fil-Ġografija u ilha tgħallem għal dawn l-aħħar ħames snin.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Ħaddiema li jieħdu allowance

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jieħdu xi forma ta' allowance? X'inhu l-grad u x'inhi r-raġuni wara dan l-allowance?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kwalsiasi allowance li titħallas lil xi impjegat hi regolata jew bil-Ftehim kolletiv tal-kategorija ta' impjegati konċernati jew b'kuntratt approvat mill-Management and Personnel office. Informat li dawn l-allowances huma marbuta ma' performance agreements, kwalifiki jew kondizzjonijiet tax-xogħol.

Marsa — Sports complex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25197 u jgħid liema xogħol huwa ppjanat li jsir fuq il-bini amministrattiv ta' l-isports fil-Marsa? Jista' jgħid ukoll jekk id-dawl artifiċjali fl-istadium Micallef St.John hux se jitjieb biex ikunu jistgħu jsiru avvenimenti fil-għaxija?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 25828.

Kap ta' skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li fil-preżent m'għandhomx Kap ta' Skola? Kemm hemm skejjel li fil-preżent huma mmexxija minn Acting Head of School u liema huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 11 il-Aġent kap qed imexxu l-iskejjel Primarji ta' B'Kara, Baħrija, Mqabba, Naxxar, Paola 'A', Rabat 'B', Tarxien, Għarb, San Lawrenz, Xagħra u Żebbuġ (Għawdex), u hemm 5 Aġent kap li jmexxu l-iskejjel Sekondarji ta' Fortini BSS, Zebbug BSS, Ħandaq BJL, Verdala BJL u Corradino BJL. Hemm proċess ta' mili ta' dawn il-vakanzi għaddej.

Skejjel — Assistent Kap

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fil-grad ta' Assistent Kap? Jista' jelenka liema skejjel għandhom xi Assistent Kap nieqes?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskejjel Primarji hemm 8 vakanzi fil-grad ta' Assistent Kap. Dawn l-iskejjel huma: Mellieħa, Mġarr, Zejtun 'B', Gzira, Dingli, Paola 'A', Sta. Venera u Victoria. Informat ukoll li fl-iskejjel Sekondarji hemm 4 vakanzi fil-grad ta' Assistent Kap. Dawn l-iskejjel huma: Corradino BJL, Verdala BJL, Giovanni Curmi HSS u Sir M'Ang Refalo Post-Sekondarja. Hemm proċess ta' mili ta' dawn il-vakanzi għaddej.

Kulleġġ San Benedittu — Kumpless sportiv

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma u jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-kumpless sportiv tal-Kulleġġ San Benedittu u fhiex se jkun jikkonsisti x-xogħol li huwa maħsub li jsir? Min se jagħmel dan ix-xogħol u kemm se jiġi jqum u meta huwa ppjanat li jkun lest?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq il-Kumpless Sportiv ta' ħdejn il-Kulleġġ San Benedittu diġa' beda wara proċess ta' tender pubbliku fejn intgħazel bħala kuntrattur Elbros Ltd u x-xogħol hu stmat Lm 550,000. Informat ukoll li qed tiġi proċessata t-tender għas-saqaf bi struttura tal-ħadid bi stima ta' Lm180,000. Ikun jonqos it-tender tal-finishing u l-mekkanika elettrika li qed tiġi maħduma.

ETC — Nies reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies reġistrati ma' l-ETC li llum ix-xogħol prinċipali tagħhom huwa part-time? Kemm hemm nisa u kemm irġiel? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn huma taħt il-25 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa l-aħħar ta’ Novembru 2006 kien hemm 9,821 irġiel u 14,728 nisa reġistrati ma' l-ETC bħala persuni li x-xogħol prinċipali tagħhom kien part-time u li 7,250 minnhom kienu taħt il-25 sena.

Settur pubbliku — Għalliema

Question

Fiċ-ċirkostani fejn il-politika tal-gvern qed tħeġġeġ biex aktar nisa jkunu attivi fis-suq tax-xogħol, jista' l-Ministru jgħid meta l-għalliema fis-settur pubbliku se jingħataw il-faċilitajiet li diġa' jeżistu għal ħaddiema klerikali fis-settur pubbliku bħal reduced hours?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru taf li l-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-għalliema huma regolati b'mod differenti minn dawk ta' ħaddiema klerikali b'ħinijiet u ġranet ta' xogħol adatti għas-sistema edukattiv.

Facilitator

Question

B'referenza għat-talba għal facilitator tat-tifla li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament, peress li din it-talba ilha li saret iktar minn sena u t-tifla sejra lura, jista' l-Ministru jara li din it-tifla tingħata l-għajnuna meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-applikazzjoni tat-tifla msemmija qiegħdha tiġi proċessata mill-iStatementing Moderating Panel skond il-proċeduri normali.

Facilitators Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm facilitators Għawdxin ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex f'dawn l-aħħar tliet snin u jgħid kienx hemm xi raġuni għal dan it-trasferiment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dawn l-aħħar tlett snin ġew trasferiti 46 Supply Kindergarten Assistants (Special Education) minn Malta għal Għawdex

Tribunal industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra kemm hemm kawżi pendenti quddiem it-tribunal industrijali, kemm ġew ippreżentati f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġew deċiżi? Apparti hekk, jista' jgħid kemm hemm kawżi pendenti wara li c-chairman irriżenjat peress li ġiet elevata għall-uffiċċju ta' maġistrat?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wassallix fl-uffiċju tweġiba tingħata f' xi Seduta oħra.

Persuni b'diżabilita' — Studji

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dettalji tal-pjan tiegħu biex persuni li għandhom aktar minn 16-il sena u li jkollhom diżabilita' u li jkunu jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu dan? Il-kors ta' l-MCAST għal persuni b'diżabilita' se jkompli? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid fejn se jsir dan it-tagħlim u jekk hux se jsir fil-mainstream ta' l-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 25821.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li kellhom karozza mikrija/leased fil-Ministeru, dekasteru jew enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 u kemm hi r-rata li biha tinkera/leased il-karozza kull ġurnata? Jista' jgħid x’ċilindrata għandha l-karozza f’kull każ separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni hemm tlett karozzi mikrija b'Lm5.79ċ kuljum u żewġ karozzi oħra b'Lm8.26ċ. Dawn jintużaw mill-Kap tas-Segretarjat, mis-Segretarju Privat u l-Assistent Segretarju tal-Ministru u t-tnejn l-oħra għal użu ġenerali. Fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hemm 16 il-karozza li jinkrew b'Lm4.19ċ kuljum u żewġ karozzi b'Lm5.79ċ kuljum. Dawn jintużaw minn College Coordinators, Technical Officers, Civil Engineer u l-oħrajn għal użu ġenerali. Il-Kunsill Malti Għall-iSport juża karozza waħda biss għall-bżonnijiet ġenerali u tinkera għal Lm5.60ċ kull ġurnata. L-Istitut għal-Studji Turistiċi (ITS) għandu tlett karozzi mikrija. Dawn huma għall-użu taċ-Chairman, tad-Deputy Director u l-oħra għall-użu ta' l-uffiċju u mill-Head of Administration. Dawn inkrew Lm7.67ċ u Lm4 kull jum rispettivament. Il-Fondazzjoni għall-iSkejjel t'Għada kien hemm żewġ karozzi mikrija. Dawn kienu jintużaw miċ-Chief Finance Officer għall-prezz ta' Lm6.84ċ kull jum u l-oħra mill-Prescint Officer għall-prezz ta' Lm5.75ċ kull jum. Fl-OHSA inkrew erbgħa karozzi għall-uffiċjali u bzonnijet ġenerali b'Lm8.16ċ kull jum u erbgħa oħra għal użu ta' l-ispettorat b'rata ta' Lm6.12ċ kull jum.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Karozzi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda għall-użu minn uffiċjali jew għall-użu ġenerali fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007 u f’każ li fl-affermattiv, għal min kienu jew għal liema skop, x’tip ta' karozza, il-prezz u x’ċilindrata huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ITS biss xtrat karozza ġdida għall-użu ġenerali.

Marsa — Kumpless sportiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq il-kumpless sportiv tal-Marsa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għal din is-sena ser jitkompla x-xogħol ta' kisi u tibjid fuq il-Car Park. Id-dawl artifiċjali fl-istadium Matthew Micallef St. John ġie upgraded mill-Kunsill Malti għall-iSport u jista' jospita avvenimenti filgħaxija, kif fil-fatt diġa' qed jintuza.

Skejjel — Bejgħ ta' ikel u xorb

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 24996 u 24463, u jgħid kemm matul din is-sena skolastika saru spezzjonijiet fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti minn uffiċjali tad-dipartiment sabiex jiżguraw li m’hemmx ikel u xorb li jista’ jkun ħażin għas-saħħa ta' l-istudenti minħabba li skond it-tweġiba ntqal li ma sarux rapporti dwar dan? Dan ifisser li d-diviżjoni timxi biss fuq rapporti?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-ħidma msemmija fil-Mistoqsija hija parti mix-xogħol tal-Kapijiet u l-Assistenti Kapijiet ta' l-iskola.

Livell akkademiku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24811, jista' l-Ministru jgħid dawk il-persuni li m'għandhomx livell akkademiku li huwa meqjus bħala bażiku u/jew xi sengħa jew oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Mogħti l-parir mill-KXT nitlob l-Onor. Membru jkun iktar preċiż fil-Mistoqsija tiegħu.

Attivitajiet edukattivi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W332, filwaqt li nassigura lill-Ministru li fehem parti mill-mistoqsija oriġinali b'mod żbaljat, jista' jwieġeb dawk il-partijiet tal-mistoqsija li ma weġibx u jgħid ukoll liema huma dawk is-suġġetti kif ukoll attivitajiet edukattivi oħra minbarra d-drama, li mhux bilfors irid ikollok warrant sabiex persuna jgħallem?

Response (GALEA, LOUIS)

M'għandix tagħrif ieħor x'inzid mat-tweġiba diġa mogħtija għal PQ W332.