Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-kors ta' Masters fil-Psikoloġija mhux imniżżel fil-lista tal-korsijiet li l-Universita' ta' Malta qed toffri għas-sena akkademika li tibda f'Ottubru li ġej? Meta hemm il-ħsieb li jinfetaħ dan il-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni qiegħed jagħmel l-almu tiegħu sabiex jikseb il-fondi neċessarji ħalli il-kors jinfetaħ taħt 'open call' għall-numru limitat ta' psikoloġisti kull sena. In-numru huwa limitat għax il-kors jirrikjedi superviżjoni one-to-one, sabiex il-gradwat ikun kunsidrat li kiseb il-kompetenzi meħtieġa fl-aħħar tal-kors.
Jista’ il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 117 u cioe' jgħid kemm kien in-numru ta’ direct orders li ħarġu mill-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra totali ta’ flus ta’ dawn id-direct orders? Jista’ il-Ministru jinformani bl-istess informazzjoni għall-perjodu tas-snin 2001 u 2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Universita' — Avukati li jagħmlu xogħol ta' traduzzjoni tal-lingwa Maltija
Question
Fid-dawl ta' avviż mill-UE għar-reklutaġġ ta' avukati li jafu l-Malti perfett biex jagħmlu xogħol ta' traduzzjoni, jista' il-Ministru jgħid jekk l-Universita' kkonsidratx kemm 'il quddiem se jkollna avukati b'dawn il-ħiliet meta l-Malti lanqas biss m'għadu meħtieġ biex issegwi kors tal-liġi fl-Universita' ta' Malta? Tista' tiġi rikonsidrata u mibdula din id-deċiżjoni tat-tneħħija tal-Malti mill-kors tal-liġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux eżatt meta wieħed jgħid li l-Malti m'għadux meħtieġ biex issegwi kors tal-liġi fl-Universita' ta' Malta u lanqas hu eżatt li jingħad li ittieħdet deċiżjoni li jitneħħa l-Malti mill-kors tal-liġi.
Huwa veru li f'mument kienet issawwret proposta biex dan isir. Iżda kien hemm rejazzjoni pożittiva minn naħa tal-bord tal-Fakulta' tal-Liġi għall-kontroversja negattiva li din il-proposta qanqlet.
Informat li s-sitwazzjoni illum hi:
a) Il-Malti fil-livell Ordinarju tas-SEC hu rekwiżit obbligatorju għal KULL Kors fl-Univesita' ta' Malta. Huma eżenti biss ulied l-emigranti Maltin li jkunu irritornaw u ma jkunx ilhom Malta żmien biżżejjed biex jitgħallmu l-Malti u, naturalment, l-istudenti barranin.
b) Il-Malti u l-Ingliż fil-livell intermedju tal-MATSEC hu rekwiżit obbligatorju għal dħul fil-Fakulta' tal-Liġi. Qabel kien rekwiżit il-livell avvanzat. Is-Senat ta' l-Universita', filwaqt li żamm l-obbligu tal-Malti fil-livell intermedju, fetaħ il-livell avvanzat għal diversita' usa ta' suġġetti. Dan sar fid-dawl ta' l-iżvilupp li qed iseħħ fil-professjoni legali li illum m'għadhiex ristretta għal pariri u kawżi fil-Qrati u minflok qed tinfirex f'diversi oqsma ta' speċjalizazzjoni kif tirrikjedi r-realta' ġdida li qed tgħix Malta fl-UE u fl-ekonomija globalizzata.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 822 u cioe' b’referenza għall-mistoqsija numru 466 li saret lill-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Kultura, jista' l-Ministru jgħid min hu d-direttur li jirrappreżentah fuq il-Kunsill Malti għall-Isport? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'ħidma wettaq fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport u xi pjanijiet hemm sabiex l-isport u l-attivita` sportiva jsiru aktar popolari? Fl-aħħarnett jista' jgħid fil-qosor x'ġie organizzat fis-sena skolastika li għaddiet f'dan is-sens?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Direttur li jirrappreżenta l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni fuq il-Kunsill Malti għall-Isport huwa s-Sur Euchar Camilleri.
Filwaqt li s-Sur Camilleri għandu diversi karigi fil-ħidma amministrattiva fi ħdan il-Kunsill, fosthom bħala Chairperson tal-Bord tat-Tmexxija tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, u membru fuq bordijiet oħra qed jaħdem fuq skema bil-għan li tiffaċilita' l-użu mill-iskejjel tal-faċilitajiet sportivi reġjonali li għandu l-Kunsill fil-Marsa, l-Kottonera, fil-Pixxina Nazzjonali, eċċ.
Wieħed jifhem li mhux fil-kompitu tal-Kunsill Malti għall-Isport jew xi Direttur tiegħu li jorganizza attivitajiet, iżda li jfasal u jħaddem politika nazzjonali fil-qasam sportiv. Inizjatttivi meħuda mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jkunu jistgħu jiġu koordinati aħjar permezz tar-rappreżentant tal-Ministeru fuq il-Kunsill Malti għall-Isport.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentri 746 li tittratta dwar l-E-Europe 2005 action plan, jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu jew se jittieħdu f'dan is-sens?
Jista' jgħid ukoll liema huma dawk l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li huma responsabbli mit-twettiq ta' l-istess action plan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, b'kollaborazzjoni ma' l-eMalta Commission huwa responsabbli għall-programm 'eContent' li huwa wieħed mill-inizjattivi fi ħdan l-istess Action Plan. Ir-rwol tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija fir-rigward ta' l-eContent huwa dak ta' disseminazzjoni tal-programm.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li ħareġ mill-ICT Learning Centre fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Tista’ il-Ministru jgħid u jispjega għaliex fl-iskola primarja tax-Xewkija Għawdex minn teaching staff ta’ 11 hemm 4 minnhom li huma instructors? Ma jidirlhux il-Ministru li erbgħa minn ħdax huwa persentaġġ għoli ħafna tenut kont anke l-bżonnijiet tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'kull skola f'Malta u f'Għawdex issib kemm għalliema kif ukoll instructors.
L-instructors laħqu dan il-livell wara li kien sarilhom kors pedagoġiku. Id-Diviżjoni ma tagħmel l-ebda differenza bejnhom u bejn l-għalliema fejn jidħol it-taħriġ tagħhom (In-Service Courses).
Bormla — Xogħol fuq il-multi storey car park quddiem l-iskola primarja
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta jaħseb li se jibda x-xogħol fuq il-multi storey car park quddiem l-iskola primarja ta' Bormla? Kemm hu kkalkulat li se jdum ix-xogħol? X'se jiġri fil-perjodu ta' kostruzzjoni meta t-tfal mhux se jkolhom fejn joħorġu għall-break? Se tinstab xi alternattiva? Ma jaħsibx li xhur sħaħ ta' kostruzzjoni daqshekk viċin ta' skola mhux se jippermetti għall-aħjar ambjent li titlob skola? Jaqbel li din is-sitwazzjoni tkompli tiggrava l-livell xejn aċċettabbli ta' suċċessi minn tfal f'din l-iskola fl-eżamijiet tal-Junior Lyceum?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministru flimkien mal-FTS qed isegwi il-kwestjoni mal-MEPA biex jassiguraw l-interessi tat-tfal u l-għalliema u ta' l-iskola in ġenerali.
Studenti mill-Kottonera — Eżami għal dħul fil-Junior Lyceum
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk iħossux inkwetat bin-numru dejjem jonqos ta' studenti mill-Kottonera li jgħaddu mill-eżami tal-Junior Lyceum peress li ilna nisimgħu dwar il-bżonn ta' attenzjoni speċjali sabiex il-livell edukattiv fil-Kottonera jitjieb? Jista' jgħid jekk hemmx xi pjan serju sabiex dan iseħħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru 34 li tittratta uħud mill-isforzi li qed isiru biex jingħata l-appoġġ meħtieg lit-tfal fl-iskola.
Jogħġbu l-Ministru jindika liema kienet dik l-iskola, sija primarja u sija sekondarja, li minnha ntalbu l-ikbar ammont ta' transfers ta' l-għalliema matul l-aħħar sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ikbar ammont ta' transfers ta' għalliema mitluba matul l-aħħar sena skolastika kienu f'dawn l-iskejjel:
Primarja - Bormla u San Pawl il-Baħar
Sekondarja - Adelaide Cini u Vincenzo Borg Brared
Wied il-Għajn — Studenti li jattendu skejjel sekondarji/post-sekondarji
Question
Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm huma l-istudenti residenti f'Marsascala li jattendu skejjel sekondarji jew post-sekondarji? F'liema skola sekondarja jew post-sekondarja pubblika, privata jew tal-Knisja qed jattendu u x'inhu n-numru tagħhom f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru it-tagħrif mitlub .
Jista' il-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-iskola Adelaide Ċini tal-Ħamrun? Jikkonferma jekk din l-iskola hux ser tiġi amalgamata ma l-iskola Marija Assunta?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li f'dan l-istadju l-iskola Adelaide Cini kellha tiġi amalgamata ma' l-iskola Maria Assunta, skola ta' l-istess kategorija li tinsab bieb ma' bieb.
L-iskola amalgamata ser iżżomm l-isem Maria Assunta bħala identita' iżda ser tkun immexxija mill-Kap ta' l-iskola li f'dan l-aħħar snin mexxa l-iskola Adelaide Cini.
Dan il-pass qed jittieħed sabiex il-Campus taż-żewġ skejjel jiġi refurbished. Ix-xogħol qiegħed jibda billi blokki ta' Adelaide Cini ġew żvujtati u x-xogħol ta' refurbishment ser jibda minn hemm.
Jista' il-Ministru jwieġeb it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija numru 819 u cioe' kemm minnhom huma diġa` membri fil-Forzi Armati? Min liema belt/raħal huma dawk li applikaw minn barra, li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi it-tagħrif mitlub.
Tista’ il-Ministru jgħid u jispjega għaliex fl-iskola primarja tax-Xewkija Għawdex minn teaching staff ta’ 11 hemm 4 minnhom li huma instructors? Ma jidirlhux il-Ministru li erbgħa minn ħdax huwa persentaġġ għoli ħafna tenut kont anke l-bżonnijiet tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli twegiba tingħata f'xi seduta ohra.
Jista' il-Ministru jagħti konferma jew le jekk il-Masters degree in education (tul minimu ta' sentejn sa massimu ta' ħames snin) mogħtija mill-University of Leicester taħt forma ta' distance learning u li ġie reklamat f'The teacher magazine no. 84 (paġna 4) huwiex rikonoxxut mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni għall-fini ta' żvilupp ta' karriera u promozzjoni għall-għalliema fl-iskejjel tagħna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fir-rigward tal-promozzjoni għall-għalliema, id-deċiżjoni dwar l-għazla hija fdata f'idejn il-Bord tal-Għażla mwaqqaf mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, li jagixxi fil-parametru tas-sejħa tal-applikazzjoni kif ippublikata fil-gazzetti tal-gvern. Huwa dan il-Bord li jiddetermina jekk degree hijiex relevanti għal dik is-sejħa pubblika. Ir-rikonoxximent tad-Degrees isir b'konsultazzjoni ma' l-Universita' u l-awtoritajiet kompetenti.
Jogħġbu l-Ministru jindika liema kienet dik l-iskola, sija primarja u sija sekondarja, li minnha ntalbu l-ikbar ammont ta' transfers ta' l-għalliema matul l-aħħar sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqax wasalli tweġiba tingħata f'xi seduta ohra.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 791 u cioe' jista' jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex l-instructors jiġu ħaġa waħda ma' l-għalliema? Jista' jgħid ukoll kemm hemm instructors u fejn qed iwettqu l-ħidma tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li d-diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet kompetenti dwar dan is-suġġett għadhom fi stadju preliminari. Jifdal ukoll diskussjonijiet ta' natura trejdunjonistika.
Jista' il-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilta' li jingħata wiċċ ġdid lill-ground ta' l-iskola primarja Sant'Anna ġewwa Marsascala u li tiġi nstallata sistema bażika ta' dwal sabiex dan il-post ikun jista' jiġi wżat anke wara l-ħin tax-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ir-responsabbilta' biex jiġi rranġat u upgraded il-playground ta' din l-iskola hija tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Naturalment, dan l-upgrading isir l-ewwel biex taqdi l-bżonnijiet ta' din l-iskola, li hija skola primarja. Ma hemmx ħsieb f'dan l-istadju biex jiġu stallati floodlights.