Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni lill-omm bi 3 itfal li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li għax-xahar ta' Mejju 2002, il-Maltacom ħatfet ic-cheque lil din l-omm fuq flus li kellha tagħti lill-Maltacom? Xi dritt kellha biex tagħmel dan? Min fejn ser jieklu uliedha?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Maltacom sabiex jiġi verifikat e eventwalment tingħata spjegazzjoni.
Jista' l-Ministru jaġġornani bl-iżviluppi tal-każ li resqet l-MFSC quddiem il-kummissjoni għall-kompetizzjoni ġusta dwar tariffi għolja l-introduċa HSBC?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-M.F.S.C. resqet il-każ quddiem l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta u mhux quddiem il-Kummissjoni kif qed jingħad fil-mistoqsija.
Jiena nfurmat li l-Uffiċċju dalwaqt jagħti d-deċiżjoni tiegħu. Wieħed għandu japprezza li dawn l-investigazzjonijiet bilfors jieħdu ż-żmien peress li dawn jikkomprendu kemm analiżi legali kif ukoll ekonomika. Barra minn hekk, l-Uffiċċju ħares ukoll lejn ir-regolamenti ġodda tal-banek biex jara jekk kienx hemm ukoll ksur ta' l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur apparti dak tal-Kompetizzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl li l-container port terminal ta' Venezia għandu business plan biex fis-snin li ġejjin ikabbar id-dimensjoni internazzjonali tiegħu, iqisx li hemm kunflitt ta' nteress tas-Sur Marin Hili li l-kumpannija tiegħu Mariner SPA għandha 50% tat-tmexxija tal-port ta' Venezia waqt li hu jmexxi l-Freeport ta' Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma jirriżultalix li hemm konflitt ta' interess għaliex iż-żewġ portijiet mhumiex kompetituri.
Billi l-bozza/lampa li kien hemm f'St. Augostine Str, Rabat, Malta, li kienet faċċata ta' Hospital Str, tneħħiet bir-riżultat li nħoloq dlam u inkonvenjent f'dawn il-partijiet tat-toroq, jista' l-Ministru jara li l-lampa terġa' titwaħħal immedjatament fil-post fejn kienet ilha għal dawn l-aħħar 50 sena sabiex mill-ġdid terġa' tiddawwal sija parti minn Hospital Str, u St. Augostine Str? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta. Din min-naħa tagħha ser tagħmel is-soliti verifiki u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Enemalta biex tneħħi l-cable tad-dawl li hemm fuq l-opramorta tad-dar Val Vista, Triq il-Ġiżimin, Swieqi li jipprovdi d-dawl għat-triq ta' taħthom? Jaf li l-cable in kwistjoni huwa ta' periklu għal min jgħix fid-dar u qed joħloq ħsarat strutturali fuq il-bini tad-dar? Kif inhu mgħoddi l-cable huwa l-mod kif isiru l-affarijiet serji?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant fil-fatt ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta. Sin min-naħa tagħha ser tagħmel l-ispezzjoni li soltu ssir f'każijiet bħal dan u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jirrimedja l-ħsarat fid-distribuzzjoni ta' l-ilma ġewwa farmhouse St. Rita, Bieb ir-Rua, fil-limiti tar-Rabat peress li ilhom mingħajr ilma minn Diċembru tas-sena l-oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn spezzjoni teknika fis-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma madwar l-inħawi fejn tinsab ir-residenza msemmija, irriżulta li l-provvista ta' l-ilma hija sodisfaċenti.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex jissewwa d-dawl pubbliku li ilu żmien twil maqtugħ fi Triq l-Għamad f'kantuniera ma' Triq il-Molletta fis-Swieqi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm il-ħsieb li jitnaqqsu ħaddiema minn mal-Maltapost fid-dawl tal-korrispondenza li għaddiet bejn New Zealand Post u l-gvern ta' New Zealand li fid-dawl tal-ftehim bejn Transend u Maltapost se jitnaqqsu l-ħaddiema żejda minn mal-Maltapost?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li bħalissa qed jitħejja business plan li ser jinkludi wkoll l-utiliżżar tal-ħaddiema tal-kumpanija bl-aħjar mod. It-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dan il-business plan bl-ebda mod ma' jippreġudika d-drittijiet tal-ħaddiiema.
Jista' l-Ministru jgħid il-persuna li isimha qiegħed nibgħat separatament ma' din il-mistoqsija kemm damet taħdem mall-ministeru jew xi wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'impjieg kellu u x'kariga jokkupa? Kemm dam impjegat u x'tip ta' kuntratt kellu? X'tip ta' xogħol kien jagħmel? Kemm kien jammonta s-salarju u l-perkaċċi oħra din il-persuna kien jgawdi minnhom? Jista' jgħid xahar b'xahar, kemm kienet il-paga, overtime u allowances oħra li din il-persuna kienet tieħu kemm damet imjegata fil-post imsemmi? Jista' jgħid għaliex tterminat l-impjieg ta' din il-persuna? Jista' jgħid jekk il-prim ministru kienx involut jew konsultat fid-deċiżjoni tat-terminar ta' l-impjieg ta' din il-persuna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb ngħid li l-persuna li qed issir riferenza għaliha għamlet xi żmien mislufa fis-Segretarjat Privat tiegħi minn entita' li tifforma parti mill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi sakemm ġie ingaġġat numru ta' persuni biex jaqdu d-doveri tagħhom fis-Segretarjat. Ix-xogħol li kienet tagħmel din il-persuna kien simili għal dak ta' Secretariat Officer. Din il-persuna ma kellha ebda kuntratt, iżda kif għidt aktar qabel, kienet mislufa. Il-paga kienet relatata għall-grad li din il-persuna kellha fl-entita' fejn kienet taħdem qabel ġiet mislufa lis-Segretarjat. Is-sahra mħallsa kienet relatata man-numru ta' siegħat maħduma mill-persuna barra s-siegħat normali. Il-persuna, għal raġunijiet personali li ma naħsibx li jkun etikament korrett li dawn jiġu ppubblikati, għażlet li tirritorna lejn il-post tax-xogħol oriġinali tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid il-persuna li isimha qiegħed nibgħat separatament ma' din il-mistoqsija kemm damet taħdem mall-ministeru jew xi wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'impjieg kellu u x'kariga jokkupa? Kemm dam impjegat u x'tip ta' kuntratt kellu? X'tip ta' xogħol kien jagħmel? Kemm kien jammonta s-salarju u l-perkaċċi oħra din il-persuna kien jgawdi minnhom? Jista' jgħid xahar b'xahar, kemm kienet il-paga, overtime u allowances oħra li din il-persuna kienet tieħu kemm damet imjegata fil-post imsemmi? Jista' jgħid għaliex tterminat l-impjieg ta' din il-persuna? Jista' jgħid jekk il-prim ministru kienx involut jew konsultat fid-deċiżjoni tat-terminar ta' l-impjieg ta' din il-persuna? Jista' jgħid jekk il-każ għat-terminar tal-impjieg tal-persuna msemmija wassalx biex jittieħdu passi legali u eventwalment hemmx xi kawża pendenti l-qorti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mit-8 ta' Settembru 1998 sa llum, il-persuna li qed issir riferenza għaliha qatt ma' kienet impjegata fil-Ministeru jew f'xi wieħed mid-dipartimenti jew entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-billing system il-ġdida tal-Maltacom għada mhix taħdem sew, kif suppost?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li kuntrarjament għal dak li qed jingħad fil-mistoqsija, il-Billing System il-ġdida fil-fatt qed taħdem u l-kontijiet qed joħorġu kif ippjanat. Kif kien ippjanat ukoll, qed jiġu implimentati modules ġodda. Hu maħsub li s-sistema tintuża wkoll f'setturi oħra tal-Maltacom Group.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 32679 (Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapurtati mill-ministeru u/jew dipartimenti, korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru bejn Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? X'valur, x'oġġetti eċċ, ġew misruqa? X'passi ittieħdu? Jista' jinfurmani ukoll bin-numru ta' serqiet li saru matul is-sena li għaddiet 2001) għall-ewwel 6 xhur tas-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni li qed tintalab diġa' ingħatat meta weġibt il-mistoqsija numru 32679. Infatti l-aħħar kolonna tad-dokument li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra in konnessjoni mat-tweġiba għal dik il-mistoqsija, tinkludi n-numru ta' serqiet li seħħew matul is-sena 2001 kollha u mhux biss matul l-ewwel sitt xhur ta' dik is-sena.
Jista' l-Ministru b'riferenza għad-domanda preċedenti jinforma l-Kamra x'irriżulta li hemm bżonn bħala dawl ġewwa t-toroq Mulett u A G Chesney ġewwa x-Xgħajra u kemm flejjes irriżultaw li ntefqu?
Jista' l-Ministru jgħid il-persuna li isimha qiegħed nibgħat separatament ma' din il-mistoqsija taħdimx mall-ministeru jew xi wieħed mid-dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'impjieg għandu u x'kariga jokkupa? Kemm ilu impjegat u x'tip ta' kuntratt għandu? X'tip ta' xogħol jagħmel? Kemm jammonta s-salarju u l-perkaċċi oħra li din il-persuna jgawdi minnhom? Jista' jgħid xahar b'xahar, kemm kienet il-paga, overtime u allowances oħra li din il-persuna kienet tieħu kemm ilha mjegata fil-post imsemmi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija mpjegata ma' waħda mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Fil-preżent din il-persuna tifforma parti mis-Segretarjat Privat tiegħi u għandha l-grad ta' Secretariat Officer. Din il-persuna bdiet tifforma parti mill-istaff tas-Segretarjat b'effett mid-9 ta' Settembru 1998 u l-kuntratt li għandha huwa l-istess bħal dak li għandu kull Secretariat Officer li qed jaqdi d-doveri tiegħu f'Segretarjat Privat ieħor. Ix-xogħol li tagħmel din il-persuna, kif ukoll is-salarju, benefiċċji jew allowances li tirċievi, huma l-istess bħal dawk li jirċievi kull impjegat ieħor li għandu l-istess grad.
Għaldaqstant, il-paga, benefiċċji u allowances li din il-persuna irċeviet kull xahar kemm ilha taħdem fis-Segretarjat huma simili għal dawk li irċeviet kull persuna oħra li hija mpjegata bħala Secretariat Officer fi kwalunkwe Segretarjat Privat ta' Ministru.
Billi jien infurmat minn xi wħud li irċivew fuljett mal-kont tad-dawl u l-ilma li jirreklama airconditions, water filtration systems u solar water heater, jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux prattika li mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jintbagħtu reklami? Jekk iva, il-water services corporation tithallas ta' dan is-servizz? Kemm hu l-ħlas li irċiviet jew se tirċievi? Kif issir l-għażla dwar lil min jingħtbat dan is-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li xi żmien ilu, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet ħarġet sejħa għall-offerti li fiha offriet li bi ħlas jintbagħtu reklami mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Għal din is-sejħa ma kienx hemm konkorrenza.
Dan l-aħħar il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet avviċinata minn kumpanija privata li talbet li tagħmel użu minn dan is-servizz. Il-Korporazzjoni għamlet ftehim ma' din il-kumpanija. Ma naħsibx li jkun fl-interess tal-Korporazzjoni li d-dettalji, inklużi dawk ta' natura finanzjarja, jiġu ppubblikati għaliex b'hekk tista' tippreġudika negozjati oħra għal servizzi simili. Naturalment meta t-talba għal reklamar simili tiżdied, il-Korporazjoni tkun lesta li terġa' toħroġ sejħa għall-offerti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Maltapost tistax tagħti assigurazzjoni li mhix se jkollha redundancies? X'kien l-eżitu tal-kwestjonarju maltapost future directions fejn ġie propost lill-ħaddiema tibdil li ser jolqot direttament is-social life patterns tagħhom?
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar mistoqsija 32392, jista' jgħid x'investigazzjoni għamel il-
Ministeru wara l-aħħar dikjarazzjonijiet tas-sajjieda sidien tat-
trawlers
tas-sajd fejn ġie allegat
li filwaqt li tirriżulta waqgħa fil-prezzijiet tal-ispeċi tal-ħut li jaqbdu u jbiegħu, il-konsumaturi
lokali xorta baqgħu jħallsu prezzijiet għoljin għall-ħut frisk? Peress li lili jirriżultali li d-
dipartiment tal-fair competition ma ltaqgħax mas-sidien tat-trawlers li pprotestaw dwar din is-
sitwazzjoni, jista' jintervjeni sabiex dawn is-sajjieda jsibu min jagħti każ tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta iltaqa' mal-kooperattivi rappreżentanti tas-sajjieda u l-partijiet konċernati f'dan l-ilment. Wara li ngħatat deċiżjoni preliminari, il-partijiet ġew mitluba jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom. L-Uffiċċju mistenni jagħti d-deċiżjoni finali tiegħu fi żmien mhux il-bogħod.
Peress li l-bdiewa fl-inħawi ta' fuq il-Ġnejna, Imġarr fil-parti magħrufa ta' l-iskorvit qed isibu diffikultajiet kbar sabiex jaħdmu l-pompi ta' l-ilma għat-tisqija tar-raba' minħabba d-dawl baxx li jirriżulta fl-inħawi bejn l-4.00 p.m. u l-11.30 p.m., jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment u jara l-jirrimedja b'soluzzjoni sabiex ma jkomplux jinqerdu bil-għatx l-uċuħ tar-raba' in kwestjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jispeċifika liema parti mill-inħawi magħrufa bħala "Ta' l-Iskorvit" qed jirreferi għaliha sabiex il-Korporazzjoni Enemalta tkun tista' tagħmel l-investigazzjoni relattiva.