B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12730, jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment tiegħi, peress li l-Ministru indikat fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 12730 kien qalli li fil-fatt dan l-impjegat huwa taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant m'għadiex taqa' taħt ir-responsabilta' tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, għaliex din ġiet trasferita għal mal-kumpanija WasteServ Malta Ltd taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent b'effett mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12697, niċċara li qed nirriferi għal diretturi fis-servizz pubbliku, għal ri-appointments li saru din is-sena u għal dawk li ma ġewx riappuntati din is-sena. Għaldaqstant, jista' issa l-Ministru jirrispondi din id-domanda?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li d-Direttur fis-Servizz Pubbliku li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħi u li ġie riappuntat kien il-Perit Nicholas Grech, Direttur għad-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni. Dan ġie riappuntat b'seħħ mis-16 ta' Frar 2005, filwaqt li Direttur ieħor fis-Servizz Pubbliku, il-Perit Anthony Abela, Direttur għad-Dipartiment tal-Bini u l-Inġinerija, ma ġiex riappuntat għax irtira mis-Servizz Pubbliku b'seħħ mid-9 ta' April 2005.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qiegħed jamministra fondi mill-Unjoni Ewropea l-Ministeru tiegħu, sija pre-accession u accession funds?
Kemm entitajiet, awtoritajiet, aġenziji jew nies taħt id-dekasteru tiegħu qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi? Għal liema proġetti jew inizjattivi qed jintużaw dawn il-fondi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Ministeru qed jamministra 450,000 Euros taħt l-Interreg III C - Programme Pagus li qed imur għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta, u Lm10,290 mill-Fifth Framework Programme taħt il-proġett tal-Laseract li jikkonsisti fi studji fuq restawr ta' ġebel tal-knejjes ta' Sarria, tal-Vitorja u l-Ospizio.
Jista' il-Ministru jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ġew riappuntati u min huma?
Jista' jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx riappuntati u min huma?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tiċċara għal liema kategorija ta' diretturi qed tirreferi, jiġifieri jekk hux għal Diretturi fis-Servizz Pubbliku jew għal diretturi ta' bordijiet ta' entitajiet pubbliċi. L-Onorevoli Interpellant għandha tiċċara wkoll għal liema perjodu qed tirreferi.
B'riferenza għall-ħtieġa urġenti li jsir it-transfer tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li dettalji oħra li diġa' għaddejthom personalment lill-Ministru, jista' il-Ministru jinformana bil-progress tat-trasferiment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, kien jaħdem mad-Dipartiment għas-Servizzi ta' l-Indafa fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Dan ġie trasferit għall-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent b'effett mill-1 ta' Jannar, 2005.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-full complement tas-sezzjoni health and safety fil-works division? X'inhi r-rwol ta' l-aħħar persuna li ġiet trasferita f'din id-diviżjoni u li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-full compliment tas-sezzjoni Saħħa u Sigurta fit-Taqsima tax-Xogħlijiet hi ta' 7 persuni.
Il-persuna li ġiet trasferita dan l-aħħar f'din is-sezzjoni ġiet fdata bir-rwol li tmexxi din is-sezzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeru tiegħu għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12155 fejn il-Ministru qal li bħalissa m'hemm ebda ħsieb li jitkompla x-xogħol fi Pjazza Santa Margerita f'Bormla, jista' għallinqas jara li jinbidlu l-balavostri mkissrin li hemm u li huma ta' periklu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-balavostri qed jinħadmu minn ħaddiema tal-Gvern u kif ikunu lesti jitpoġġew f'posthom. In-numru ta' balavostri li jridu jinbidlu huwa ta' madwar 150.
Riżorsi u Infrastruttura — Chief executive officers
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma s-salarji taċ-chief executive officers ta' l-awtoritajiet, fondazzjonijiet, korporazzjonijiet, kummissjonijiet, aġenziji, istituti u kumpanniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li s-salarju gross taċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini huwa ta' Lm10,370 fis-sena, filwaqt li dak taċ-Chief Executive Officer ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi huwa ta' Lm14,300 fis-sena.
Jista' il-Ministru jispjega għalfejn id-direttorat għall-minerali ta' l-awtorita' tar-riżorsi fi ħdan il-ministeru tiegħu f'April 2005 ħareġ żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet, waħda biex persuna tintbagħat tistudja l-ġeoloġija f'Universita' Ingliża għal erba' snin u oħra biex jiġi impjegat b'kuntratt ġeoloġista ma' l-awtorita' tar-riżorsi bi kwalifiki minimi u mingħajtr esperjenza jew speċjalizzazzjoni fil-ġebla ta' Malta?
Jista' il-Ministru jinnota li għal seba' snin sħaħ kellu għad-dispożizzjoni tal-ministeru fi ħdan id-diviżjoni tax-xogħlijiet, ġeoloġista Malti on loan bi kwalifiki post graduate mill-Ingilterra bi speċjalizzazzjoni dwar il-ġebla ta' Malta u dan il-ġeoloġista ntbagħat f'ministeru ieħor fejn ma jistax jipprattika l-professjoni ta' ġeoloġista?
Jista' il-Ministru jispjega għalfejn tliet snin ilu dan il-ġeoloġista tneħħa minn xogħlu mid-direttur ġenerali tax-xogħlijiet fuq il-premessa li m'hemmx iżjed bżonnu fil-ministeru biex issa l-awtorita' għar-riżorsi fl-istess ministeru ħarġet dawn iż-żewġ sejħiet għal ġeoloġisti li se jwasslu għal infiq ta' eluf kbar ta' liri biex l-awtorita' għar-riżorsi jkollha ġeoloġisti bi kwalifiki minimi?
Jista' il-Ministru jispjega dan in-nuqqas ta' ippjanar fl-użu tajjeb tar-riżorsi umani u finanzjarji fil-ministeru tiegħu, inkluż l-awtorita' tar-riżorsi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li kemm il-Ministeru tiegħi kif ukoll l-Awtorita' tar-Riżorsi, diġa jgawdu mis-servizzi ta' diversi ġeoloġisti kwalifikati. Naturalment meta jkun hemm bżonn t'aktar xogħol f'dan il-qasam bħal ma hu l-każ, toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex jiġu ngaġġati ġeoloġisti ġodda. Nispera li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru għandha l-kwalifiki meħtieġa u applikat għall-post imsemmi biex tiġi kkunsidrata ma' l-oħrajn. Ta' min jinnota li normalment jinħtieġu bejn 4 u 5 snin ta' studju undergraduate fil-ġeoloġija (u mhux f'xi suġġett ieħor) biex wieħed jilħaq ġeoloġista.
Il-ġeoloġista li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant fit-tieni paragrafu kien impjegat fil-grad t'għalliem mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dan beda jaħdem mat-Taqsima tax-Xogħlijiet f'Ottubru 1997 u jirriżulta li dakinhar dan it-trasferiment kien sar mingħajr ma ntalbet l-approvazzjoni tal-MPO kif jinħtieġ li jsir f'każi bħal dawn.
Hija ħaġa naturali li għalliem jintbagħat jaħdem fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u dan b'mod partikulari meta t-trasferiment ta' dan l-għalliem ma kienx approvat mill-MPO.
Dwar l-infieq tal-flus fil-borża ta' studju, ninforma l-Onor. Interpellant li dan l-infieq mhux ser joħroġ mit-taxxi tal-poplu Malti.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12355 u jgħid għaliex żewġ ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Medserv f'Manoel Island u li kienu mislufa mal-pollution unit - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - ilhom bla xogħol għal dawn l-aħħar sentejn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Oil Pollution Unit m'għadhiex tifforma parti mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura iżda taqa' taħt ir-responsabilta' tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat .
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11976 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid għaliex żewġ ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Medserv f'Manoel Island u li kienu mislufa mal-pollution unit - id-dettalji ta' wieħed minnhom qed jintbagħtu separatament - ilhom bla xogħol għal dawn l-aħħar sentejn?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Billi hemm diskussjonijiet bejn l-Italja u l-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline li jista' jkun ta' interess u benefiċċju għall-qasam ta' l-enerġija f'pajjiżna, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux, jew kienx hemm xi attentat min-naħa tal-gvern, biex forsi Malta tkun tista' tkun inkluża f'dan l-investiment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma nafx li hemm diskussjonijiet bejn il-Libja, l-Italja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex dovut xi ammont ta' flus mill-kunsill lokali, Żebbuġ? Jekk iva, għal liema xogħlijiet/servizzi huma dovuti dawn il-flus? Għal liema snin huma dovuti dawn il-flus?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-imsemmi l-Kunsill Lokali preżentament għandu pendenza ta' Lm56,425.14ċ oltre spejjeż legali w imgħaxijiet legali (l-imgħaxijiet legali jiddekorru mit-13 ta' Novembru 2003 sa llum tal-ħlas effettiv) dovuta lid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet, Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Dan ix-xogħol kien relatat ma' paving, patching, materjal provdut u labour costs fost oħrajn. Ix-xogħlijiet inkonnessjoni ma' din il-pendenza kienu saru bejn l-1990 u l-2002, skond l-anness Statememt li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjani sabiex l-area magħrufa bħala x-Xagħra Bormla u cioe' dak il-masġar kbir quddiem St. Nicholas Married Quarters, Bormla, tkun tista' titgawda aktar mill-familji?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija diġa qiegħed iħejji disinji biex l-area magħrufa bħala x-Xagħra, Bormla tkun tista' titgawda aktar mill-familji ta' l-inħawi.
Dipartiment għas-servizzi ta' l-indafa — Rimi ta' skart b'mod illegali
Question
B'riferenza għall-komunikat mill-Ministeru dwar id-dipartiment għas-servizzi ta' l-indafa u dwar il-freephone 8007 6608 biex min jinnota skart mormi b'mod illegali, eċċ. ikun jista' jirrapporta fuq dak in-numru, jista' il-Ministru jgħid jekk dan il-freephone huwiex se jieħu wkoll rapporti minn Għawdex jew jekk huwiex maħsub li jkun hemm freephone għal Għawdex biss?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li s-servizz tal-freephone 8007 6608 huwa għal Malta.
Rigward jekk huwiex maħsub li jkun hemm freephone għal Għawdex biss, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien ix-xogħol tal-gvern fit-twaqqif u l-bini mill-ġdid tal-klabb tal-boċċi, Santa Venera u kemm sewa lill-gvern u lill-istess klabb?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fis-sit imsemmi twaqqa' l-bini eżistenti u minflok inbniet latrina pubblika, kif ukoll inbena l-klabb tal-boċċi. Ix-xogħol kollu, twaqqiegħ u bini, sar mill-ħaddiema tal-Gvern f'isem il-Kunsill Lokali ta' Santa Venera permezz ta' wieħed mill-każijiet tal-bidu tal-Joint Venture Scheme.
Il-materjal ħa ħsieb għalih il-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tas-CMD ipprovda l-mano d'opera
L-ispiża tax-xogħol manwali li sar mid-Dipartiment tas-CMD għall-bini tal-klabb tal-boċċi kienet Lm3,035.58ċ. Minn dan l-ammont il-Kunsill iffranka Lm1,825.32ċ għax ħallas biss 60% tal-materjal (Lm904.72ċ) u 20% tal-mano d'opera (lm305.54ċ).
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11373, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni, u jgħid x'inhuma t-targets jew viżjonijiet tal-gvern dwar l-użu u l-produzzjoni ta' l-enerġija f'dan il-pajjiż?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tidher fl-Annual Reports maħruġa mill-Malta Resources Authority. Ovjament, il-miżuri u proġetti ndikati f'dawn ir-rapporti huma preparamenti fuq numru ta' snin.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11199 li oriġinarjament sare lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u jgħid jekk il-gvern preżenti għandux xi forma ta' politika dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna? Jista' jagħti rendikont tal-politika tal-gvern dwar l-użu ta' l-enerġija f'pajjiżna?