Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Diretturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12696, niċċara li qed nirriferi għal diretturi fis-servizz pubbliku, għal ri-appointments li saru din is-sena u għal dawk li ma ġewx riappuntati din is-sena. Għaldaqstant, jista' il-Ministru jirrispondi din id-domanda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Moll ta' l-Imġarr — Tariffa fuq ġarr ta' passiġġieri

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li se tiġi imposta tariffa fuq is-sidien tad-dgħajjes li jġorru l-passiġġieri ħalli jniżżlu nies fuq il-moll ta' l-Imġarr? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm ser tkun din it-tariffa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

MCA — Stazzjon tat-television

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12769 u jgħid għaliex stazzjon tat-television li l-partikolaritajiet dwaru qed jintbagħtu separatament, qiegħed jitlob li jingħata repeaters biex jiġi konformi mal-liċenzja u l-awtorita' dwar il-komunikazzjoni, speċjalment il-persuna li isimha qed jintbagħat separtament, qed tagħmilha diffiċli biex tingħata? Jista' jara li tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni mill-aktar fis?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Kommunikazzjoni f'diversi drabi kemm bil-kitba kif ukoll bil-fomm talbet tagħrif ta' natura teknika u operativa mill-kumpanija li għaliha l-Onor. Membru qed jagħmel referenza. Dan it-tagħrif hu meħtieġ biex l-Awtorita' tkun tista' tagħmel r-rakomandazzjonijiet tagħha għall-amministrazzjoni aħħarija ta' frekwenzi għar-repeaters. Sa llum t-tagħrif meħtieġ għadu ma ġiex fornut kollu lill-Awtorita' u dan minkejja diversi talbiet minn naħa ta' l-istess Awtorita'. Jiġi klarifikat li l-ħidma minn naħa ta' l-Awtorita' fir-rigward tal-frekwenzi hi waħda kollettiva u ċertament kwalunkwe deċiżjoni f'dan ir-rigward mhiex ir-responsabilita ta' xi uffiċjal partikolari, inkluż il-persuna mmsemmija mill-Onor. membru. L-Awtorita' kemm il-darba stiednet l-uffiċjali tal-kumpanija konċernata biex wkoll tiltaqa magħhom biex isir progress f'dan ir-rigward. Iżda s'issa l-kumpanija konċernata naqset milli tilqa' din l-istedina. L-awtorita' offriet wkoll l-għajnuna tagħha permezz tal-Frequency Investigation Unit. Hekk kif il-kumpanija konċernata tkun f'qagħda li tagħti t-tagħrif mitlub, l-Awtorita' tkun tista' tipproċedi bil-ħidma tagħha u tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet għal frekwenzi tar-repeaters.

MCA — Stazzjon tat-television

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex stazzjon tat-television li l-partikolaritajiet dwaru qed jintbagħtu separatament, qiegħed jitlob li jingħata repeaters biex jiġi konformi mal-liċenzja u l-awtorita' dwar il-komunikazzjoni, speċjalment il-persuna li isimha qed jintbagħat separtament, qed tagħmilha diffiċli biex tingħata? Jista' jara li tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni mill-aktar fis?

Response (GALEA, ĊENSU)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — EU funds

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qiegħed jamministra fondi mill-Unjoni Ewropea l-Ministeru tiegħu, sija pre-accession u accession funds? Kemm entitajiet, awtoritajiet, aġenziji jew nies taħt id-dekasteru tiegħu qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi? Għal liema proġetti jew inizjattivi qed jintużaw dawn il-fondi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Low cost airlines

Question

Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12109 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid liema huma dawk il-linji ta’ l-ajru magħrufa bhala low cost li wrew interess li joperaw lejn u minn Malta? Qed jagħmlu xi kondizzjoniet biex jibdew joperaw?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-linja ta' l-ajru magħrufa bħala low cost carrier li qiegħed jirreferi għalihom l-interpellant ma kellhomx laqgħat jew diskussjonijiet mad-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Diretturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ġew riappuntati u min huma? Jista' jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx riappuntati u min huma?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tiċċara għal liema kategorija ta' diretturi qed tirreferi, jiġiefieri jekk hux għal Diretturi fis-Servizz Pubbliku jew għal diretturi ta' bordijiet ta' entitajiet pubbliċi. L-Onorevoli Interpellanta għandha tiċċara wkoll għal liema perjodu qed tirreferi.

Malta communications authority — Smash television

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-Malta communications authority milli tagħti repeaters lil Smash television biex ikun f'pożizzjoni li jipprovdi servizz xieraq fl-inħawi kollha ta' Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Smash tv

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex Smash tv twaqqaf milli jxandar b'mod diġitali b'mod immedjat meta l-liċenzja maħruġa lilhom ma tispeċifikax jekk huma jxandrux diġitali jew analogue?

Response (GALEA, ĊENSU)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Soċjeta' Grimaldi — Vapuri bil-bandiera Maltija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm għandha vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija s-soċjeta' Grimaldi ta' Napli, jew kumpanniji li fihom għandha interess, u kemm huwa t-tunnellaġġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Riċevimenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeru tiegħu għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Bejjiegħa tal-ħaxix

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li tiġi emendata l-liġi dwar l-organizzazzjoni tal-monti jew li tinħareġ legal notice minħabba l-problema tal-bejjiegħa tal-ħaxix? Jekk iva, meta mistenni jseħħ dan it-tibdil?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa qed isiru diversi konsultazzjonijiet bl-iskop li jiġu emendati liġijiet, u avviżi legali marbuta mal-Kummerċ u attivitajiet Kummerċjali oħra. Għadu ftit kmieni biex wieħed jgħid meta ser isir dan it-tibdil għaliex għad iridu jiġu konsultati entitajiet kollha li huma nteressati fuq dan is-suġġett, fosthom il-Kunsilli Lokali.

Linji ta' mobile telephone

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jinżammx record ta' dawk li għandhom reġistrata f'isimhom linja tat-telefon mobile u jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru ta' linji mobile, sena b'sena, mill-2001 'il hawn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li jinżammu rekords tal-persuni li għandhom reġistrat f'isimhom linja tat-telefon mobile kemm dawk fuq bażi ta' kuntratt (i.e. post-paid subscriptions) u kemm dawk fuq bażi ta' pre-paid. Filkaż tal- pre-paid, mhux bilfors li jinżammu ir-rekords tal-persuni reġistrati peress li dan jiddependi mill-persuna li qiegħda tixtri il- pre-paid subscription jekk tridx tkun reġistrata (bid-dettalji personali tagħha) jew le. Filkaż t'abbonamenti għal-linja tat-telefon mobile bil-kuntratt, ir-reġistrazzjoni tad-dettali personali hija obbligatorja. B'riżultat tal-liberaliżżazzjoni fis-settur tat-telekommunikazzjoni l-abbonamenti għal-linji tat-telefon mobile żdiedu minn madwar 20,000 fl-1999 għal 315,393 sa Marzu ta' din is-sena.

Ħal Farruġ — Industrial estate

Question

Jista' il-Ministru jemenda l-master plan ta' l-industrial estate ta' Ħal Farruġ billi jagħmel buffer zone fl-inħawi ta' Triq l-Egrett Isfar mill-fabbriki li għad iridu jinbnew biex jiġi evitat l-inkonvenjent tal-ħmieġ, ħsejjes u ntejjen li jistgħu joħorġu mill-SMEs proposti f'din l-area?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Farruġ — Industrial area

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema dipartiment hu nkarigat mit-tindif u l-management ta' l-industrial estate ta' Ħal Farruġ? Jista' jgħid kif qed jitħallew industriji jarmu l-iskart tagħhom barra t-triq filwaqt li jagħtu n-nar l-iskart f'tankijiet jew fl-art b'dannu għar-residenti ta' l-inħawi? Jista' jara li jittieħdu l-passi neċessarji għat-tindif u l-management ta' dan l-industrial estate?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Chief executive officers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma s-salarji taċ-chief executive officers ta' l-awtoritajiet, fondazzjonijiet, korporazzjonijiet, kummissjonijiet, aġenziji, istituti u kumpanniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Malta communications authority

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12354, jista' il-Ministru jagħtina l-informazzjoni mitluba fuq il-Malta communications authority?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Kors tal-Piloti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12459 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx korsijiet għal piloti? Jekk iva, fejn iridu japplikaw min hu interessat? Xi kwalifiki jrid ikollhom? Kemm trid tkun l-eta' ta' l-applikanti? Hemm xi ħlas għal dan il-kors?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-korsijiet għal piloti fil-livell ta' liċenzja ta' pilota privat ta' ajruplani huma provduti f'Malta minn żewġ kumpaniji privati. Teżisti wkoll kumpanija privata li tipprovdi taħriġ li jwassal għal liċenzji ta' pilota privat fuq microlights. Bħalissa f'Malta għad m'hawnx skola ta' taħriġ li twassal studenti biex jakkwistaw liċenzja ta' pilota professjonali. L-Air Malta għandha wkoll organiżazzjoni approvata għal taħriġ ta' persuni li għandhom liċenzja ta' pilota professjonali sabiex dawn jakkwistaw it-type rating fuq l-Airbus A320 u l-Boeing 737.

Sta. Venera — Liċenzji tan-negozju

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huma l-postijiet ta' negozju liċenzjati f'Sta. Venera u x-xorta ta' kull negozju?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-postijiet ta' negozju li huma liċenzjati mid-Direttorat għas-Servizzi tal-Kummerċ f'Sta. Venera huma mitejn u disa' u sebgħin. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista fejn tindika kull xorta ta' negozju li hawn ġo Sta. Venera.