Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serq ta’ prodotti agrikoli minn għelieqi u serer rappurtati lill-pulizija sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta` Jannar 2012 u t- tletin t’ April 2016 ġew rappurtati lill-pulizija disa’ u sittin (69) każ ta’ serq ta’ prodotti agrikoli minn għelieqi, rziezet u postijiet oħra. It-tabella t’hawn taħt turi n- numru ta’ każijiet irrapurtati sena b’sena’.
Rapporti dwar serq ta’ prodotti agrikoli
Year
Total
2012
23
2013
14
2014
12
2015
14
2016 (sa 30/04/2016)
6
Grand Total
69
Jista’ l-Ministru jgħid bid-dati eżatti meta fil-perjodu minn Marzu 2013 sat-30 ta’ April 2016 saru sejbiet ta’ droga ġewwa l-ħabs, liema sejbiet saru bl-għajnuna tal-klieb tas-sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija tal-ħabs stess?
Response (ABELA, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 18570, nżied ngħid li minn Marzu 2015 kien hemm dawn is-sejbiet li saru bl-għajnuna ta’ dawn il-klieb:
26/03/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis
29/03/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis sintetika
13/05/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis sintetika
31/07/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis
19/08/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis sintetika
01/11/2015 Sejba ta’ sustanza suspetatta Cannabis sintetika
27/11/2015 3 Sejbiet ta tracci ta’ suspetatta Heroina u flimkien ma oggetti li ghandhom x’jaqsmu ma uzu tad-droga
13/02/2016 Sejba ta’ sustanza suspetatta kokaina u Cannabis
Jista’ l-Ministru jikkonferma li fit-22 ta’ Novembru 2015 kienet saret spot-check mid-duty officer ġewwa d-dog section tal-Mosta u li dakinhar kien ġie rrapurtat li t-tliet dog handlers li suppost kienu xogħol f’dak il-ħin tal-ispot check effettivament ma kenux fuq il-post tax-xogħol? Jista’ jgħid ittieħdux passi dixxiplinarji kontra dawn il-persuni u jekk fl-affermattiv, x'kienu dawn il-passi dixxiplinarji?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-data indikata kienet saret spezzjoni mid-Duty Officer fil-Compound tad-Dog Section tal-Mosta fejn tlett uffiċjali kienu nstabu li telqu minn fuq il-post tax-xogħol qabel ma effetivament kien spiċċa l-ħin tax-xogħol tagħhom. Ninfurmah ukoll li qed jittieħdu passi dixxiplinarji kontra dawn l-uffiċjali.
B'referenza għar-raportaġ li deher fil-ġurnal l-Orizzont ta' nhar it-Tnejn 16 ta' Mejju 2016 f’pagna 8, jista' l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-Bord tal-Inġustizzji li qed jirreferi għalih l-artikolu? Jista' jgħid meta ġie mwaqqaf dan il-bord (data preċiża) u f'liema Gazzetta tal-Gvern kien ippublikat? Jista' jgħid x'inhuma/x'kienu l-poteri mogħtija lil dan il-bord? Jista' jgħid kemm-il deċiżjoni ħa dan il-bord? Jista' jgħid kemm minn dawn id-deċiżjonijiet ġew implimentati? Jista' jgħid sa meta kien effettiv dan il-bord (data preċiża) u jekk hux se jerġa’ jiġi mwaqqaf bord ieħor fil-futur?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-membri tal-Grievances Unit fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali inħatru mis-Segretarju Permanenti Prinċipali.
Il-membri li kienu jiffurmaw dan il-Unit huma:
Ċerpersin: Is-Sur Caesar Grech
Membri: Is-Sur Lino Debono
Is-Sur Francis X Grima
Il-Unit twaqqaf b’effett mit-23 ta’ Jannar, 2014 u dam effettiv sal-31 ta’ Diċembru 2015. Ma kienx hemm il-ħtieġa li l-Grievances Units tal-Ministeri kollha jkunu ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern billi l-għan li għalih kienu mwaqqfa ma kien xejn aktar minn Units amministrattivi. Mhux hu kkontemplat li jerġa jiġi mwaqqaf Unit ieħor fil-futur.
Il-poteri tal-Unit huma dawk kif stabbiliti fit-Termini ta’ Referenza maħruġa mis-Segretarju Permanenti Prinċipali. Dwar il-pettizjoniet mressqa mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant, għal Mistoqsija Parlamentari numru 25011.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ suldati Għawdxin li ntbagħtu jaħdmu Malta wara li kienu diġà qed jaħdmu f'Għawdex? Meta ntbagħtu jaħdmu Malta u meta se jerġgħu jsibu posthom fis-sezzjoni tal-AFM f'Għawdex? Jista' jgħid jekk hux se jkompli bil-policy li s-suldati Għawdxin li jaħdmu f'Għawdex kull tant żmien u b'rotazzjoni jintbagħtu jaħdmu f'Malta? Għaliex qed tiġi applikata din il-policy u minn meta bdiet?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ħames Għawdxin f’Mejju tas-sena 2015 inġiebu jaħdmu Malta sabiex jimtlew nuqqasijiet ta’ ċertu ħiliet/snajja li kien hemm fl-Iskwadra Marittima sabiex jiġu operati ċertu laneċ u dan wara li ma kienx sar pjanar għalihom fl-aħħar amministrazzjoni. In-nies b’ċertu ħiliet b¿onnjuzi li nġiebu minn Għawdex għal Malta kienu intgħażlu speċifikament u mingħajr għazla fl-2011 meta inħolqot skawdra zgħira Marittima ġewwa Għawdex. Dawn l-istess nies ser iservu għal perjodu ġewwa Malta u wara jiġu mibdula ma’ nies b’ħiliet simili li bħalissa qed joperaw ġewwa Għawdex.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hijiex policy tal-Korp tal-Pulizija sabiex applikanti li jkunu jridu jidħlu fil-Korp tal-Pulizija, jiġu esklużi milli jiġu aċċettati peress li jkollhom tpinġija (tattoo)? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma li din il-policy tapplika wkoll għal min jiġi re-instated fil-Korp tal-Pulizija wara li jkun intlaqgħu l-ilmenti mill-Grievance Board?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi tal-emerġenza mill-Unjoni Ewropea lil Malta, biex jgħinu l-pajjiż ilaħħaq mal-immigrazzjoni, minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kif kienu mqassmin bħala perjodu u ammonti, u jgħid ukoll kif intużaw u għalxiex sena b’sena? Kemm kien hemm flus mhux utilizzati, multi u ħlasijiet li ma ġewx kunsidrati eleġibbli?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar kemm kien hemm flus mhux utilizzati, multi, u ħlasijiet li ma ġewx kunsidrati eliġibbli fir-rigward ta’ proġetti tal-Unjoni Ewropea li jaqaw taħt il-miżura t’emerġenza minn Marzu ta’ l-2013 lil hawn, għadu mhux magħruf, għall-fatt, illi l-Awtorita’ ta’ Ġestjoni għall-Fondi Ewropej, kif ukoll l-Awtorita’ tal-Awditjar li tinsab fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għadhom ġħaddejin bil-verifikazzjonijiet meħtieġa qabel ma jkun jista’ jinghalaq il-programm ta’ fondi konċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25158, jista' l-Ministru jgħid hijiex għaddejja investigazzjoni interna dwar allegat tixħim li seħħ sabiex jinxtraw jew jibda l-proċess biex jinxtraw numru ta' beacon lights għall-vetturi tal-pulizija, liema allegazzjonijiet ġew irrappurtati fin-news portal newsbook.com.mt fl-4 ta' April 2016? Jekk għaddejja investigazzjoni, jista' jgħid fiex waslet din l-investigazzjoni, minn min qed titmexxa u jekk ġewx sospiżi xi uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija sakemm jintemmu dawn l-investigazzjonijiet? Jista' jikkometti ruħu li ġaladarba tintemm kwalunkwe investigazzjoni li għaddejja, huwa jpoġġi r-rapport finali dwar l-istess fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 25158.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn tourism police li qed jaqdu d-doveri tagħhom preżentement? Wara l-introduzzjoni ta' dawn il-pulizija f'Paceville, meta hu mistenni li s-servizz jiġi estiż f’lokalitajiet oħra? Fejn?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħala parti mill-preparamenti, għadhom kif spiċċaw kors apposta numru ta' membri tal-Korp fit-‘Tourisim Policing’. Fil-preċent qed jitkomplew l-aħħar preparamenti, biex b'hekk jitnieda l-proġett pilota f'żoni ta' San Giljan u ta' Tas-Sliema kif diġa' kien intqal f'mistoqsija Parlamentari preċedenti. Aktar dettalji se jingħataw fil-ġranet li ġejjin meta huwa maħsub li jinbeda dan il-proġett pilota.
Jista’ l-Ministru jara li jkun hemm investigazzjoni serja dwaril-kelb li nstab mejjet fir-Rabat u li rapport dwaru deher fuq The Times online tat-12 ta’ Mejju 2016, liema kelb aktarx ġie fgat? Min qed jinvestiga dan il-każ ta’ moħqrija? Ġie ċċekjat jekk il-kelb kienx chipped u jekk iva s-sid ġie interrogat mill-pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha sabiex tistabilixxi il-fatti dwar ir-rapport ta’ każ ta' moħqrija fuq kelb li allegatament nqatel wara li ġie fgat. Infurmat li peress li l-kelb tneħħa minn fejn kien, minn persuna/i s’issa mhux magħrufa qabel waslet il-pulizija, ma setax jiġi kkonfermat jekk dan kienx iccipjat jew le.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li tinbidel is-sistema ta’ promozzjonijiet tas-suldati kollha li ma humiex uffiċjali bil-kummisjoni (Other Ranks) ? Jista' jagħti rendikont ta’ kemm kien hemm każijiet li ġie konkluż li sofrew inġustizzji mis-sistema l-antika?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel l-2009, promozzjonijiet fl-Armata kienu joħorġu meta jidhirlu l-Kap Kmandant, u ġieli damu ma ħarġu anke ħames snin. Fl-2009 kienet iddaħlet sistema, li bdiet tiġi mplimentata fl-2010, li eżercizzju ta’ promozzjonijiet isir kull sena u tfasslet sistema ta’ kif jinħadmu l-punteġġi. Imma din is-sistema, għalkemm irregolat il-perjodu tal-promozzjonijiet, kien fiha ħafna suġġettivita’ u suldat kien jiġi assessjat mill-Uffiċjal ta’ fuqu skont il-fehma ta’ dan tal-aħħar. L-Uffiċjal li jirraporta kellu d-diskrezzjoni kollha ta’ kemm jagħti punteġġi lis-subordinati eliġibbli tiegħu. Kien hemm punti fuq integrita’, determinazzjoni, kunfidenza, inizjattiva, u abbilta’ li jirbah ir-rispett ta’ ħaddiehor, fost ħafna punteġġi oħra relatati ma’ kwalitajiet personali u ta’ kmand. Uffiċjal seta’ faċilment ‘jilgħab’ bil-punti kif ried hu u dan kien joħloq ħafna każijiet ta’ allegazzjonijiet ta’ Inġustizzja, specjalment meta bejn l-aħħar wieħed li jiġi promoss u ta’ warajh ikun hemm biss diskrepanza ta’ punt jew tnejn minn total ta’ elf punt. Suldat kien jiġi wkoll mogħti palata tajba fil-punteġġi jekk imur korsijiet jew deployments barra l-pajjiż, liema attivitajiet is-suldati ma kellhomx kontroll fuqhom għax ma kienx ikun hemm għażla minn se jmur imma sempliċiment jiġu magħżulin personalment. Din is-sistema kienet ħolqot numru kbir ta’ inġustizzji, u elenkat hawn taħt wieħed għandu jsib kemm il-każ kien hemm li ġie konkluż mill-Kap Kmandant, jew l-Uffiċju tal-Ombudsman jew il-Bord maħtur sabiex jiddilja ma’ allegati inġustizzji fl-Armata, li saret inġustizzja wara li tressaq l-ilment skont il-proċeduri stabbiliti (dawn il-każijiet ikopru l-eżerċizzji ta’ promozzjonijiet li saru bejn l-2009 u l-2015, ċioe’ fis-sistema ta’ promozzjonijiet l-antika):
· Mitejn u wieħed u disgħin (291) każ konkluż li saret inġustizzja mas-suldat
Is-sistema l-ġdida ta’ promozzjonijiet, li ġiet introdotta lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet (2015) u li daħlet fis-seħħ din is-sena (2016), neħħiet is-suġġettivita’ u suldat issa jaf x’punti jista’ jġib f’kull eżerċizzju, u kemm attwalment ikun ġab. Dan għaliex il-punteġġi qed jingħataw biss skont il-mertu tas-suldat f’dak kollu li jagħmel u li tiegħu jkun jaf kemm ġab punteġġi. Sistema trasparenti għall-aħħar u maħduma biss fuq il-meritokrazija. Apparti minn hekk, iddaħlu ċertu faxex li bejniethom suldat jieħu promozzjoni awtomatika, diment li jkun laħaq ċertu punteġġi bażiċi. Għal gradi oħrajn, li bejniethom ikun hemm qabza fir-responsabbiltajiet mistennija, iddaħlu certu korsijiet fuq bażi professjonali li jippreparaw lil dak li jkun ghall-grad li fih ikun se jkun promoss. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet sabiex dawn il-korsijiet jiġu ekwivalenti f’livell erbgħa mill-MQRIC, u għaldaqstant ċertifikat rikonoxxut għas-suldat għal meta jispiċċa mill-Forza.
Dipartiment tal-protezzjoni Ċivili — tagħlim ta' awarness
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru viżiti fl-istazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u x’tagħlim ta' awareness ingħata mill-istess Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fi skejjel u f'postijiet oħra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li nfurmat li l-istatistika ilha tinżamm mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili minn Ġunju tas-sena 2013. Qed jidhru l-figuri mitluba għal dawn l-aħħar tliet snin.
Sena
School visits
Awareness Talks
Demonstrations
Total
2013 June – Dec.
7
24
8
39
2014
26
15
18
59
2015
42
17
23
82
2016 Jan. – Mar.
27
12
1
40
Total
102
68
50
220
Ma’ dawn mhux qed ninkludu l-istatistika tal-programmi li jsiru fuq l-media rigward prevenżjoni.
It-tagħlim mogħti huwa varjat skond l-etajiet tal-udjenza pre¿enti. Ba¿ikament jekk l-udjenza tkun dik ta’ studenti zgħar allura t-tagħrif ikun dwar affarijiet bażiċi relatat mal-incidenti u tifi ta’ nar bħal ngħidu aħna x’inhi l-linja tal-emerġena (112), l-importanza li jintlibes is-seat belt, l-importanza tal-affarijiet preventivi kontra n-nar bhal fire blanket u extinguishers u kif ghandhom jigu applikati u affarijiet ohra simili.
Meta l-undjenza tkun aktar matura it-tagħlim mogħti jkun aktar avvanzat ta’ kif wieħed jista’ jippreveni inċidenti u korrimenti kkaġunati minn spluzzjonijiet, nirien etc. Isiru wkoll pjanijiet ta’ evakwazzjoni u pjanijiet ta’ kontingenza ta’ x’għandu jsir f’każ ta’ xi emergenza.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25159 u jagħti rendikont tad-direct orders kollha li saru fuq xiri relatat mat-tmexxija tal-immigranti rregolari minn Marzu tal-2004 sa’ Marzu tal-2013, u kemm swew il-Gvern individwalment? Jista’ jindika min ta l-approvazzjoni għal dawn id-direct orders u lil min ingħataw?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Ninfurmah ukoll li minħabba li l-informazzjoni ma kinitx tinzamm b’mod eletroniku, ma kienx possibli li tiġi mwieġba l-aħħar parti tad-domanda.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24954 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-Victims’ Fund li ġiet imħabbra f’Settembru 2014? Kemm fih fondi, kemm ibbenefikaw nies minnu, u x’inhu l-proċess sabiex wieħed japplika għall-għajnuna taħt dan il-fond?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm suldati li jimmuntaw fuq iċ-Changing of the Guard skont ir-rank tagħhom? Jista' jgħid kemm-il darba fix-xahar qed issir iċ-ċerimonja taċ-Changing of the Guard? Jista' l-Ministru jgħid kemm idumu (ġimgħat / xhur) s-suldati assenjati fuq iċ-Changing of the Guard?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ċ-Changing of the Guard hemm total ta’ 18-il suldat. Ir-ranks huma; 1 x Bombardier, 7 x Lance Bombardier u 10 x Gunners. Iċ-ċerimonja taċ-Changing of the Guard issir l-aħħar ġimgħa ta’ kull xhar. Il-perijodu li suldati jkunu assenjati fuq iċ-Changing of the Guard huwa ta’ sitt xhur, biss dawn jinbidlu skond l-esiġenzi tas-servizz u għalhekk ġieli suldati nbidlu qabel is-sitt xhur.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-ex-Spettur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ser jiġi reinstated fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jista' jikkonferma jekk hux minnu li l-Ispettur imsemmi ser jiġi promoss għal Supretendent? Jekk iva fuq liema bażi dan ser jiġi promoss għall-kariga ta' Supretendent tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fuq rakkomandazzjoni tal-Bord tal-‘Grievances’ il-persuna msemmija se tiġi reinistated fil-Korp tal-Pulizija u maħtura bħala Supretendent tal-Pulizija b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu l-Bord tal-‘Grievances’ irrakkomanda li kien moralment konvint li ma kienx hemm raġunijiet ġustifikati biex din il-persuna tinqabeż għall-diversi drabi milli tkun promossa għar-rank ta’ Supretendent.
Applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza – żmien tal-ipproċessar
Question
Jista' l-Ministru jispeċifika kemm hu ż-żmien biex tiġi pproċessata applikazzjoni għaċ-ċittadinanza sabiex persuna barranija li ilha miżżewġa persuna Maltija għal aktar minn ħames snin, tingħata ċ-ċittadinanza Maltija?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru konċernat.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Care and Reintegration Unit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti fis-sezzjoni tal-Care and Reintegration Unit ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid x’inhu l-irwol tal-Care Plan Coordinators ġewwa l-istess Faċilità?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li it-Taqsima għall-Kura u Rintegrazzjoni ġewwa l-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin hija komposta minn Correctional Manager, Senior Psychologist, Assistant Psychologist (fuq bazi part-time), Psikologa (li tinsab fuq career break), żewġ Social Workers, kif ukoll żewġ Care Plan Coordinators, li ġew ingaġġatti dan l-aħħar. Hemm ukoll żewġ tobba (fuq bażi ta’ kuntratt) u Parole Clerk. It-Taqsima tuża wkoll is-servizzi ta’ Psikjatri u professjonisti oħra mill-qasam mediku li jiġu provduti mid-Dipartiment tas-Saħħa. Hemm ukoll numru ta’ nurses li jagħtu servizz fil-Facilità u ta’ Kordin kif ukoll faċilitajiet oħra li huma responsabilità tas-Servizzi Korrettivi.
Ix-xogħol ta’ Care Plan Coordinator, jinvolvi li jikkontribwixxi fit-tfassil ta' pjanijiet ta' kura għall-priġunieri kif ukoll jassisti, jimmotiva u jimmonitorja l-priġunieri fl-implimentazzjoni tal-istess pjanijiet ta' kura. L-istess Care Plan Coordinator iżomm rekords aġġornati tal-każijiet kollha u jħejji rapporti dwar priġunieri, hekk kif ikun meħtieġ. Sabiex jikkontribwixxi lejn appoċċ ħolistiku fis-servizz provdut mill-istess Unità, l-Care Plan Coordinator jaħdem f’ambjent multi-dixxiplinarju, kif ukoll iżomm kuntatt mas-sezzjonijiet oħra fi ħdan id-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi. Huwa jikkomunika mal-priġunier li jkun wasal fl-aħħar perjodu tas-sentenza tiegħu, bil-għan li jgħinu jindirizza bżonnijiet partikulari bil-għan li tkun iffaċilitata r-rintegrazzjoni tiegħu fil-ħajja tax-xogħol u soċjali. Il-Care Plan Coordinator jikoordina ma' organizazzjonijiet u dipartimenti oħra barra mill-Faċilità għall-istess għan. Huwa jassisti lil ħati, biex jifhem il-ħsara li hu seta’ ikkawża lill-vittma.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – taħriġ lill-Gwardjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’taħriġ jingħataw il-Gwardjani ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-ufficjali Korettivi tal-Facililità Korrettiva ta’ Kordin jingħataw course ta’ taħriġ inizjali fil-fażi tar-reklutaġġ tagħhom. Dan il-course jkun imfassal sabiex iħħejji l-Uffiċjali biex ikunu jistgħu jaqdu d-doveri tagħhom kif mistenni. Barra minn dan minn żmien għal żmien isir taħriġ ieħor f’suġġetti u/jew tekniċi vari li għalih jattendu uffiċjali tal-Facilità.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tibdil sar fis-sistema tal-Community Work ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, wara li din kienet imwaqqfa għal xi żmien u riċentament dan is-servizz reġa’ beda jingħata?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul l-aħħar xhur, saret ħidma biex id-direttivi dwar Prison Leave 1/2013 jiġu aġġornati. Għal numru ta’ ġranet dawn kienu sospiżi sakemm daħlu fis-seħħ id-direttivi l-ġodda. Saru sett ta’ kundizzjonijiet għal kull min joffri opportunità ta’ xogħol fil-komunità, kif ukoll regoli u kundizzjonijiet għar-residenti nfushom li jintrabtu li josservaw qabel ma jingħataw dan il-leave. Dan qed iwassal għal aktar kontabilita u għal sistema li tħaddan aħjar il-prinċipji tal-ġustizzja riparattriċi, fejn l-enfasi qiegħda fuq ir-riabilitazzjoni ta’ l-individwu u r-restituzzjoni lejn is-soċjeta.