Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm stabbilmenti/kumpaniji li jipprovdu servizz tal-karozzi tal-kiri fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Xemxija? Għaliex il-Ministru qiegħed iqis sempliċement dan in-numru bħala ta' natura kummerċjali meta ministri kollegi taw informazzjoni simili f'oqsma oħra li tlabthom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li hemm 84 garaxxijiet rreġistrati biex joffru s-servizz tal-karozzi tal-kiri u b'kollox hemm 1,472 karozza tal-kiri fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Xemxija.
Peress li skond is-sistema tas-CVA vetturi ta' persuni b'diżabilita' li ma jaħdmux il-Belt qed jingħataw kreditu ta' Lm20 fis-sena u peress ukoll li l-persuni b'diżabilita' u familjari tagħhom qed juru tħassib minħabba li biex persuna b'diżabilita' li tkun f'wheelchair tieħu ċertu ammont ta' ħin biex titla u tinżel minn karozza u allura jilħqu jgħaddu t-30 minuta li jkunu free of charge, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-problemi ttieħdux in konsiderazzjoni meta ġiet imfassla s-sistema?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanti li iva, il-miżuri sabiex jassiguraw l-aċċessibilita għal persuni b’diżabilita’ ġew diskussi u maqbula mall-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilita (KNPD). L-ADT qed iżżomm djalogu miftuħ mall-KNPD sabiex jekk ikun hemm bżonn, isiru modifiċi.
Issa li ġiet fis-seħħ is-sistema ta' CVA u ż-żona pedonali fil-Belt, jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li minnhom wieħed jista' jidħol u joħroġ mill-Belt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi vetturi jistgħu jidħlu jew joħorġu mill-Belt minn dawn it-toroq imsemmijin hawn taħt:
DĦUL
· Triq-Papa Piju V
· Triq San Pawl
· Triq San Mark
· Triq il-Punent
· Triq il-Merkanti
· Triq it-Trammuntana
· Triq il-Mediterran
· Triq l-Ifran
· Is-Sur tal-Ingliżi (Baviera)
ĦRUĠ
· Bieb Victoria
· Triq Repubblika
· Triq Santa Luċija
· Triq il-Mediterran
· Triq l-Ifran
· Is-Sur tal-Ingliżi (Baviera)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi li sal-lum huma eżentati mill-ħlas ta' CVA għad-dħul fil-Belt?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li s-sistema tas-CVA awtomatikament teżenta l-vetturi msemmijin hawn taħt. Sal-ġurnata tat-8 ta’ Mejju 2007 dawn jammontaw għal:
Ambulanzi - 56
Vetturi tat-Trasport Pubbliku (esklużi
self-drive
) - 2,505
Vetturi Elettriċi - 17
Muturi - 12,398
Is-sistema tas-CVA ser awtomatikament teżenta lil residenti tal-Belt li l-vetturi li ser jinżammu ġol-Belt mill-inqas 15-il lejl fix-xahar, għal sagħtejn sħaħ bejn is-siegħat ta’ 01.00 u 05.00. Din ser tiġi kkalkulata bħala parti mill-proċess ta’ kif jinħadem il-kont fl-aħħar ta’ kull xahar.
L-ADT appuntat Bord bħal ma hemm stipulat fl-Avviż Legali 105/2007. Dan il-Bord bħalissa qiegħed jara l-applikazzjonijiet għal eżenżjonijiet kollha li daħlu sal-ġurnata tal-llum.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-Forti Sant'Iermu? Hemm il-ħsieb li jkun involut is-settur privat fil-pjani li l-gvern għandu? Jekk iva, min huma dawk li se jkunu nvoluti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-Forti Sant'Iermu huwa wieħed mill-proġetti li l-Gvern ħejja pjan ta' azzjoni mhux biss għall-Fort Sant'Iermu iżda kif ukoll għall-inħawi tal-madwar. Il-gvern studja l-possibilitajiet tal-Brief li għandu jiġi rivedut u qed jara l-kumpless bħala sistema waħda minn strateġija integrata għall-arja tal-port kollu.
Minħabba li jidher li din it-triq hija waħda mit-toroq li hija ndikata li ser issir, jista' l-Ministru ġentilment igħid meta huwa maħsub li Triq il-Buttuniera ġewwa Wied il-Għajn jsir ix-xogħol tant meħtieġ fiha minħabba l-inkonvenjent li qed igħaddu minnu r-residenti tagħha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti lista tat-toroq f'Hal Qormi, f'Hal Luqa u fis-Siġġiewi fejn l-Awtorita' dwar it-Trasport tat permessi biex isiru reserved parking bays għal persuni bi problemi ta' mobilita'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qiegħed impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bus shelters ġodda f'Malta u Għawdex, u kemm beħsiebu jagħmel iżjed matul is-sena 2007?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li għalkemm il-Bus Shelters jaqaw taħt il-kompetenza tal-Kunsilli Lokali, preżentament l-ADT tefgħat 50 applikazzjoni mall-MEPA għat-twaħħil tal-bus shelters.
Jien infurmat ukoll li l-ADT waħħlet żewġ bus shelters ħdejn l-Universtia' minbarra bus shelters oħrajn li ġew imwaħħla mill-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jinvestiga kif tħallew jitwaħħlu bollards fissi fi Trejqa Gennaro Camilleri, Sliema trejqa li tagħti fuq Triq il-Kbira, Triq Borg Olivier, carpark u lukanda, u li ġo fiha hemm residenti, liema bollardstwaħħlu bla permess u issa qegħdin ostaklu għal xi tip ta' emerġenza bħal ambulanza jew nar? Ġaladarba twaħħlu bla permess, ma jaħsibx li dawn għandhom jitneħħew minnufih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li m’hemm ebda approvazzjoni għall-bollards li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Iżda l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta għandha ġuriżdizzjoni biss fuq toroq pubbliċi għaldaqstant it-taqsima talbet lid-Dipartiment ta’ l-Artijiet informazzjoni eżatta dwar it-titlu legali ta’ Trejqa Gennaro Camilleri sabiex ikun f’pożizzjoni li nieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti b'sms fuq tniġġiż minn karozzi fl-2005, 2006 u sa l-aħħar ta' April 2007? X'azzjoni ttieħdet fuq dawn ir-rapporti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2005 daħlu 44,198 rapport, fl-2006 daħlu 50,834 rapport, u sa l-aħħar t’April 2007 daħlu 13,309 rapport b’sms fuq tniġġiż minn karozzi.
Dawk il-vetturi li jiġu rraportati aktar minn tlett darbiet minn numri tal-
mobile
differenti, jissejħu għal test li jsir mill-
Enforcement Officers
ta' l-ADT. Tinħareġ multa għal dawk li ma jgħaddux mit-test, u jerggħu jissejħu għat-test ftit ġimgħat wara sabiex ikollhom ċans jirranġaw il-vettura tagħhom. Dawk li ma jiġux għat-test ma jitħallewx iġeddu l-liċenzja tal-vettura tagħhom qabel ma jgħaddu mit-test.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir pelican light f'Birkirkara bypass ħdejn ir-roundabout li tagħti għal Triq Tumas Fenech, għaliex qed jaqsmu ħafna nies u sejjer iweġġa' xi ħadd?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli iNterpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tipprepara l-proposti għal din il-pelican crossing.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema ta' parkeġġ għar-residenti tal-Belt kenitx koperta bil-permessi ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport? Jekk fl-affermattiv, ma jaħsibx li din toħloq preċedent għal talbiet għal skemi simili f'lokalitajiet oħra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-iskema ta' parkeġġ li hemm fil-Belt Valletta ġiet approvata mill-Awtorita' dwar it-Trasport bħala parti mill-miżuri ta' kontroll ta' trafiku li l-Gvern implimenta f'dawn l-aħħar xhur fil-Belt.
Dawn l-iskemi ta' parkeġġ huma relatati ma' dawn il-miżuri speċifiċi. L-Awtorita' dwar it-Trasport tevalwa talbiet għal skemi ta' parkeġġ simili skond iċ-ċirkostanzi tal-każ.
Jista' l-Ministru jara li ma jsirx parking fiż-żona pedonali tal-Belt b'mod partikolari quddiem l-Embassy Complex fi Triq Santa Luċija għax inkella l-iskop taż-żona pedonali se jintilef?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser ngħaddi din l-informazzjoni lill-Awtorita' tal-Pulizija u l-Kunsill Lokali biex jieħdu l-miżuri neċessarji.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex trinka li nfetħet fi Triq il-Punent, il-Belt proprju quddiem d-dar fejn kien joqgħod Dun Gorġ Preca u li ilha madwar tliet xhur miftuħa, tingħalaq għax qegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23027, jista' l-Ministru jgħid x'fadal xogħol xi jsir u meta hu mistenni jitlesta x-xogħol fi Triq il-Ġonna, Dingli?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħlijiet fi Triq il-Ġnien Dingli jibdew hekk kif it-tender għall-istess xogħlijiet tkun mgħotija. L-ewwel grupp ta' toroq li se jsiru din is-sena f'Had-Dingli huma dawn li ġejjin:-
Triq Daħlet is-Sienja - Bonnici Bros. ltd
Triq Dun Karm Azzopardi - Philip Agius & Sons Ltd
Triq l-Irdum - Philip Agius & Sons Ltd
Ix-Xogħlijiet fi Triq Daħlet is-SIenja tlestew filwaqt li x-xogħol fi Triq Dun Karm Azzopardi u Triq l-Irdum huwa mistenni li jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24378, 24653 u 24891 dwar talba biex jiġi rranġat t-taraġ li hemm jagħti minn Canon Road għal Santa Venera minn fuq il-bypass, jista' l-Ministru jgħid xi proġess sar sal-lum? Beda x-xogħol? Meta se jkun lest?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-imsemmi taraġ huwa kważi lest. Kulma jonqos hu li jsir tindif ta' xi' materjal.
B'riferenza għal mistoqsijiet parlamentari 19495 u 21718, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx permess biex ikun hemm reserved parking quddiem l-indirizz 1, Sqaq il-Pjazzetta Nru 2, Attard?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li r-Reserved Parking li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari mhux għal użu minn Persuni b’Diżabilita’. Minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku sa mis-sena 1998 ma nstabitx approvazzjoni għal tali Reserved Parking. Iżda t-Taqsima hi nfurmata li tali approvazzjoni nħarġet mill-pulizija.
Jista' l-Ministru jara li l-bankina fi Triq Wiġi Rosato f'Bormla, bejn Triq l-Inkurunazzjoni u l-kantuniera l-oħra, togħla biex ma jitilgħux fuqha l-karozzi, u dan biex ma tibqax ta' periklu għar-residenti, partikolarment min ikun għaddej mill-viċinanzi bil-mixi? Jistgħu jsiru xi bars biex il-bankina tkun protetta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq Wiġi Rosato hija responsabilita' tal-Kunsill Lokali ta' Bormla.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Triq Wiġi Rosato, Bormla? X'possibbilta' hemm li jibdew jgħaddu minn triq differenti minħabba d-djuq ta' din it-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn Triq Wiġi Rosato tgħaddi biss ir-Rotta 22. Din ir-rotta ċirkulari tgħaddi waħda kull siegħa u tibda mill-Isla, Gavinu Gulia, Bormla, Żabbar, Marsaskala, Bormla, Gavinu Gulia u ddur minn Triq Wiġi Rosato biex terġa tidħol l-Isla.
L-uniku possibilita li hemm sabiex ir-rotta ma tgħaddix minn Triq Wiġi Rosato hija li meta din ir-rotta mill-Isla tasal Marsaskala, minn Żabbar tibqa' sejra mill-Fgura u ddur minn Għajn Dwieli. Din il-possibilta tista' tkun ta’ inkonvenjent għall-passiġġieri li jagħmlu użu llum minn din ir-rotta bejn Marsaskala u Bormla għaliex titwalilhom it-triq. Din il-proposta ser tiġi imressqa lill-ATP sabiex tiġi mplimentata fuq bażi ta’ prova ta’ tlett xhur.
Jista' l-Ministru jgħid, billi jagħti data konkreta, meta ser tingħata t-tarmac Triq il-Ftieħ, Birkirkara?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija hija waħda mit-toroq fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li ħarġet l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta. Għaldaqstant din it-triq ser tkun lesta sa l-aħħar tas-sena 2008.