Legislature:
Category:
Reset
Active:

Inċineratur — użu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalxiex qed jintuża l-inċineratur preżenzjalment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li preżentament, l-inċineratur qiegħed jintuża kif dejjem kien jintuża sabiex jiġi inċinerat skart mormi mil-biċċeriji, karkassi, kif ukoll skart kliniku, pilloli, żebgħa, żjut, u affarijiet oħra simili li ma jistgħux imorru fil-landfill iżda li huma permessi għall-inċinerazzjoni.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx minn tal-anqas persuna b’diżabilità f’kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Nikkonferma li l-unika entità li hemm fid-dekasteru tiegħi hija l-Wasteserv u ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija mill-istess kumpanija, hemm 11-il persuna b’diżabilità li jagħmlu xogħol magħha.

Għawdex – Art fejn kien hemm il-miżbla tal-Qortin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23403 u jgħid kemm kellha metri kwadri ta' art f' idejha l-Wastserv u/jew il-Ministeru tiegħu fejn kien hemm il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex qabel parti sostanzjali minn din l-art ġiet mgħoddija lill-Enemalta kif ikkonferma l-Ministru stess fi tweġiba fil-Parlament? Jista' jgħid illum kemm fadlilha metri kwadri ta' art f'idejha l-istess Wasteserv u/jew il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża tal-Wasteserv biex inbena ġibjun fuq dan is-sit li jesa' 4,000 metru kubu ta' ilma? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża biex fis-sit tħawlu madwar 23,000 siġra u arbuxxell? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża biex fl-aħħar tliet snin intużaw kważi tmien miljun litru ilma biex jissaqqew dawn is-siġar u arbuxxelli?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għadda biss id-dritt tal-użu tal-art u mhux it-titlu tal-art lill-Enemalta, liema dritt ma ġie eżerċitat fl-ebda mod tant li deċiżjoni aħħarija dwar l-użu tas-sit għad trid tittieħed mill-Gvern innifsu. Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Wasteserv il-ġibjun sewa €302,435.57 (VAT inkluż) u ġie parzjalment kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni 2007-2013. Dwar l-ispiża fuq l-ilma jien infurmat li sakemm tlestew ix-xogħlijiet f’Awwissu 2014 l-kuntrattur kien responsabbli mhux biss għax-xogħol preparatorju u tħawwil imma anke sabiex imantni s-siġar u l-arbuxelli. Sa din id-data għal dan ix-xogħol kollu l-kuntrattur tħallas €255,722.43 (VAT inkluż), kollha parzjalment kofinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni 2007-2013. Skont il-kuntratt, hekk kif tlestew x-xogħlijiet f’Awwissu 2014, il-kuntrattur għandu perjodu ta’ tlett snin ta’ manutenzjoni fejn hu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż relatati biex jinżammu s-siġar u l-arbuxelli inkluż it-tisqija kollha li tkun meħtiega. Skont it-termini tal-kuntratt, il-kuntrattur għandu jitħallas €40,992.92 kull 6 xhur biex jissaqqew is-siġar u arbuxelli b’mod regolari, u biex isir xogħol ieħor ta’ manutenzjoni fuqhom skont ma jkun hemm bżonn. Kemm ilu li beda dan il-perjodu ta’ manutenzjoni, il-kuntrattur s’issa tħallas €81,985.84 (VAT inkluż) fuq dawn ix-xogħlijiet imsemmija.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – xogħol ta’ konsulenzi legali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ xogħol ta’ konsulenzi legali mogħtija mill-Ministeru inkluż l-uffiċċju privat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sena b’sena, bejn l-1999 u Marzu 2013? Jista’ jgħid min kienu l-avukati/ditti legali li ngħataw dan ix-xogħol? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender ? Jista’ jgħid min awtorizza l-għoti ta’ dan ix-xogħol fejn ingħata b’direct order? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Fejn huwa possibbli, jista’ jgħid kemm kien il-ħlas għal kull siegħa?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu wkoll bosta sezzjonijiet u/jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Fil-fatt, fil-parti l-kbira tiegħu, il-Ministeru tiegħi twieled minn dak li qabel kien il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA) li minnu twieled ukoll il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura (MTI) tal-lum. Għaldaqstant biex ma tingħatax informazzjoni doppja għall-perjodu ta’ bejn l-2008 u Marzu 2013, ir-risposta ser tingħata mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari simili. Min-naħa l-oħra, ninforma lill-Onor. Interpellant illi, ninsab infurmat li f’dak li jirrigwardja l-perjodu 1999-2007, fejn dak iż-żmien kien il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, illum ma nstab l-ebda database (u ma jidher li qatt inżamm) b’tali dettalji u informazzjoni kif qed tintalab mill-Onor. Interpellant. Fl-aħħar nett, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra mill-kumpanija Wasteserv Malta Ltd. rigward lista ta’ xogħol ta’ konsulenzi fil-perjodu bejn 2003 u Marzu 2013.

Mellieħa – Bajja tal-Għadira — BBQs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kellux laqgħat mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sabiex jerġgħu jiġu introdotti l-BBQs fuq il-Bajja tal-Għadira, liema deċiżjoni sabiex dawn jinqatgħu kienet ittieħdet fl-2009 minn Kunsill preċedenti u b'mod unanimu?

Response (BRINCAT, LEO)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma entitajiet legali li jgawdu minn awtonomija skont il-parametri tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Id-domanda li qed jagħmilli l-Onor. Interpellant m’hijiex dwar l-operat tal-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, imma tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien ma kelli l-ebda talba għal-laqgħa ma’ dan il-Kunsill. Ninsab infurmat li proposti simili tkun trid issirilhom evalwazzjoni adatta, fuq l-implikazzjoni tal-operazzjoni jew attività fuq is-sit tenut skont tal-għanijiet tal-konservazzjoni tas-sit. Dan huwa skont A.L. 311 ta’ l-2006 Regolamenti ta’ l-2006 dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali. Nifhem illi l-kwistjoni ġiet riżolta għas-sodisfazzjon tiegħek stess.

Tisfija tad-drenaġġ – bdiewa – użu ta’ ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li l-bdiewa jibdew jużaw l-ilma li għandu jitwassal mit-tisfija tad-drenaġġ? Liema partijiet ta' Malta se jkunu jistgħu jużaw dan l-istess ilma? Kemm mill-mains li huma maħsuba li jitqiegħdu biex iwasslu l-ilma għand il-bdiewa, diġà jinsabu f'posthom? Meta hu mistenni li jkunu lesti dawn l-istess mains li se jintużaw għall-bdiewa? X'kollaborazzjoni qed iwettaq il-Ministeru, mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, biex jiġi assigurat li l-ilma li jitwassal ikun tal-għola kwalità?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Farm Advisory Services bdiewa u raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qed jagħti l-Farm Advisory Service (FASC) lill-bdiewa u lir-raħħala? Liema minn dawn is-servizzi huma b’xejn u liema huma bi ħlas?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentarti numru 20145. Ninsab infurmat li l-Farm Advisory Services Consortium (FASC) wettqet is-servizzi kollha li kienu kuntrattati u sussidjati taħt il-Programm Żvilupp Rurali (PŻR) 2007-2013 li bihom gawdew il-bdiewa u r-raħħala. Ninsab infurmat ukoll li sa ma tiġi mnedija s-sejħa l-ġdida taħt il- Programm Żvilupp Rurali 2014-2020 u dawn is-servizzi jkunu mill-ġdid eleġibbli għas-sussidju minn Fondi Ewropej, il- Farm Advisory Services Consortium (FASC) mhux qed tikkuntratta li tagħmel xi servizzi ġodda. Għalissa l-FASC tilqa’ biss klijenti li jħallsu skont kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20145.

Producer Groups – Bdiewa u Raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn bdiewa u raħħala mseħbin fi Producer Groups, sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Il-Buskett – Mużew tal-Enoloġija u l-Vitikultura — żjarat mill-pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ membri tal-pubbliku li żaru l-Mużew tal-Enoloġija u Vitikultura fil-Buskett?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li m'hemmx mużewijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Madanakollu jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-istazzjon ta' riċerka dwar l-inbid fil-Buskett, dan mhuwiex miftuħ għall-viżitaturi.

Riżervi tal-Għadira u s-Simar – tfal tal-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal tal-iskola li żaru r-Riservi tal-Għadira u tas-Simar sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Mil-liema skejjel kienu dawn iż-żjarat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

L-Għammieri– riċerka agrikola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riċerka agrikola qed issir fil-farm tal-Gvern tal-Għammieri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Malta North Plant — Olfactory Monitoring Reports

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar għaxar Olfactory Monitoring Reports illi saru fuq il-Malta North Plant?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li preżentament, il-permess tal-Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC) għall-Malta North ma jitlobx li jsiru Olfactometry monitoring, għaldaqstant dawn ir-rapporti ma jsirux.

Magħtab – landfill — irwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed jikkaġuna l-irwejjaħ illi ħerġin mil-landfill tal-Magħtab, tant illi tali rwejjaħ qed jinxtammu mhux biss mir-residenti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq iżda anke mir-residenti tal-Għargħur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li minn sniff testing li jsir darba fil-ġimgħa fl-akkwati tal-kumpless tal-Magħtab, ma jirriżultax li hemm irwejjaħ illi ħerġin mil-landfill tal-Magħtab li huma barra min-norma. Tali informazzjoni diġà ngħatat lill-Kunsill Lokali tal-Għargħur u rringrazzjawna tat-tweġiba dettaljata li tajnihom.

Malta North MBT Plant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta’ commissioning qiegħed il-Malta North Mechanical and Biological Treatment (MBT) Plant?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-commissioning tal-Malta North beda f'Diċembru tas-sena 2015 u mistenni jitlesta sal-aħħar xhur tal-2016. Dan qed isir f'diversi fażijiet u b'sistema ta’ ramping up sakemm tintlaħaq il-kapaċità massima tal-impjant.

Għallis Landfill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-volum ta’ spazju vojt (capacity of empty space) illi għad baqa’ fl-Għallis Landfill? Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu ladarba l-ispazju tal-Għallis ikun ġie eżawrit?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-volum ta’ spazju vojt illi għad baqa’ fl-Għallis landfill kif ikkalkulat f’Jannar 2016 huwa ta’ 1,500,000 metri kubi gross. Il-Gvern bħala Gvern qed jikkunsidra diversi għażliet diment li jkunu konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.

Impjant ta’ Sant’ Antnin — RDF

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jiġi ddepożitat ir-Refuse Derived Fuel (RDF) illi jiġi ġġenerat mill-impjant ta’ Sant’Antnin? Jekk qed jiġi esportat, jista’ jgħid kemm-il tunnellata ġiet esportata matul l-2014 u l-2015 separatament u kemm sewa? Jista’ jgħid ukoll, kemm-il tunnellata hemm depożitata ta’ RDF, u jekk se jkompli jiġi esportat, kemm qed jistma illi se jkun hemm tunnellata ta’ RDF matul l-2016 u x’inhu l-budget allokat għall-2016 għall-esportazzjoni ta’ dan l-RDF?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, bħalma naħseb li taf l-Onor. Interpellant, il-Wasteserv ma tagħmilx profitti għaliex qiegħda hemm biex tagħti servizz pubbliku u allura tiddependi mis-sonvenzjoni li jagħtiha l-Gvern Ċentrali sabiex tmexxi l-operat tagħha kif ukoll minn Fondi Ewropej li l-kumpanija jirnexxielha tibbenifika minnhom bħall-proġett il-kbir tal MBT North li sewa €50 miljun. Bħal kwalunkwe kumpanija oħra, il-Wasteserv tiġġestixxi l-fondi li jkollha skont in-neċessitajiet u l-prijoritajiet li jinħolqu. Huwa f’dan il-kuntest ukoll li l-Wasteserv tiġġestixxi l-RDF li jkollha u dan tagħmlu billi, minn żmien għal żmien u skont il-ħtiega, tesporta l-RDF li jkollha u sakemm tagħmel dan il-kumpanija tkun qed taħżen dan l-RDF b’mod temporanju. Fil-fatt bħalissa, il-kumpanija għandha ħażna ta’ madwar 5,500 tunnellata ta’ RDF li se tkun qed tesportah bil-mod il-mod skont ir-riżorsi li jirnexxielha twarrab għal dan il-għan. Fil-fatt irrid ngħid li matul l-2014 il-kumpanija esportat madwar 837 tunnellata ta’ RDF bi spiża ta’ kważi €118,900 filwaqt li fl-2015 kienu esportati kwazi 807 tunnellata bi spiża ta’ €108,400. Matul l-2016 huwa kkalkulat li se jkunu ġġenerati madwar 6,500 tunnellata ta’ RDF. Jien infurmat li għalissa għadu kmieni wisq biex wieħed ikun jaf kemm se jkun esportat RDF din is-sena, għaliex dan jiddependi mill-prijoritajiet ġestjonarji tal-kumpanija. Madankollu, infurmat ukoll li l-kumpanija qed ikollha diskussjonijet dwar din il-materja sabiex ikun stabbilit programm ta’ esportazzjoni.

Waste Management Plan 2014-2020 arrived

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal l-istudju illi l-Gvern kien ikkummisjona fuq it-tliet options imsemmija fil-Waste Management Plan 2014-2020 arrived, u ċjoe export of waste, waste-to-energy u construction of another landfill?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23231.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli Ambjent u Tibdil fil-Klima – xogħol mogħti lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħata lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u kull entità li taqa’ taħtu minn April 2013 sa Novembru 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata fil-jiem li ġejjin.