Legislature:
Category:
Reset
Active:

Quality Service Charters — Fondazzjoni għal Servizz ta’ Ħarsien Soċjali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 38005 tal-11-il Leġislatura, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet u l-emails tal-professjonisti kollha li huma nkarigati mis-servizzi mogħtija mill-Fondazzjoni għal Servizz ta’ Ħarsien Soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferri lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 28194.

Wied il-Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura – Servizz ta’ Home-Start

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm familji li qed jingħataw is-servizz tal-Home-Start fil-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura speċjalment lil dawk il-ġenituri li qed irabbu tfal waħedhom? X’għandhom jagħmlu dawk il-ġenituri li jixtiequ japplikaw għal dan is-servizz tant importanti għalihom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, matul l-2016 kien hemm 3 familji mill-Fgura u familja miż-Żejtun li ngħataw l-għajnuna minn Home-Start Malta. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, dawk il-ġenituri li għaddejin minn diffikultajiet fit-trobbija ta’ uliedhom, u li għandhom wild ta’ inqas minn ħames snin, jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ Home-Start Malta billi jikkuntatjaw lil organizzatruri tagħna fuq 99018398 jew billi jibagħtu email fuq maltahomestart@gmail.com jew jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ fuq 22959000.

Aġenziji u taqsimiet fil-qasam soċjali – lista dettaljata

Question

Jista’ l-Ministru jelenka lista dettaljata bl-indirizzi, eċċ. tal-aġenziji u t-taqsimiet kollha li hemm fil-qasam soċjali u li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jgħid min huwa responsabbli ta’ dawn l-aġenziji?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni dettaljata tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Social worker — każ ta' perusna

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Belt Valletta – Camarata — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet ta’ tiswija fil-bini magħruf bħala Camarata fil-Belt Valletta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorità tad-Djar wettqet diversi tiswijiet fil-bini tal-Camarata l-Belt skont rapporti ta’ ħsarat li rċeviet mill-inkwilini. Fil-preżent hemm tliet talbiet pendenti għal tiswijiet f’din il-binja fejn, wara li saret spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorità, l-inkwilini ġew infurmati li t-tiswijiet ġew approvati. Fil-każ ta’ tiswijiet li jirrigwardaw ħsarat ta’ madum u drenaġġ, diġa’ saru l-istimi meħtieġa u qegħdin fil-proċess li jiġu ngaġġati kuntratturi biex iwettqu x-xogħlijiet. Dwar tiswijiet li jikkonċernaw ġebel li ddeterjora biż-żmien fuq faċċati interni, għalkemm bdew jiġu ppreparati l-istimi, ix-xogħol meħtieġ huwa wieħed estensiv u jirrikjedi permessi u proċeduri ta’ tendering. Madanakollu, huwa ppjanat li, dawn it-tiswijiet ikunu jistgħu isiru fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla.

Pensjoni tad-diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-pensjoni tad-diżabilità ta’ persuni li assolutament ma jistgħux jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol, se tkun qed tilħaq l-ammont nett li persuna ddaħħal mill-paga minima tagħha u dan peress li fid-Diskors tal-Baġit 2017, il-Ministru tal-Finanzi qal li dan il-benefiċċju se jiżdied eventwalment u gradwalment?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tali żieda ser tkun qiegħda tingħata b’mod gradwali fuq tlett snin. Dan sabiex il-pensjoni tad-diżabilità ta’ persuni li assolutament ma jistgħux jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol, minħabba l-grad ogħli ħafna ta’ dipendenza tagħhom b’riżultat tad-diżabilita’ kbira tagħhom, sal-2019 tkun l-istess daqs l-ammont nett li mpjegat idaħħal mill-paga minima nazzjonali.

Diżabilitajiet li mhumiex koperti bil-liġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk id-diżabilitajiet li sal-lum mhumiex koperti bil-liġi u li skont il-Baġit 2017 issa se jiġu nklużi biex dawn il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jibdew jieħdu l-benefiċċju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, skont ir-riforma mħabbra fil-Baġit għas-sena 2017, fejn inħolqu tlett livelli ta’ assistenza, inizjalment l-amputazzjoni jew in-nuqqas ta’ funzjonalita’ kompleta ta’ driegħ jew riġel wieħed se tiddaħħal fil-liġi, sabiex tali persuni jibda jikkwalifikaw għat-tielet livell tal-Assistenza għal Diżabilità, kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal-Gvern. Gradwalment huwa ppjanat li jiddaħħlu diżabilitajiet oħrajn.

Pensjoni — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta' pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat ġiet ikkuntattjata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u wkoll nfurmata b’ittra dwar ir-reviżjoni fir-rata tal-pensjoni tagħha.

Home Ownership Scheme – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament se jkun jista’ jifdi ċ-ċens ta' biċċa art tal-Gvern li tagħmel parti mill-Home Ownership Scheme li fuqha kienet inbniet dar? Jekk hemm bżonn li tinħareġ Presidential Order qabel dan l-individwu jkun jista’ jifdi ċ-ċens, jista’ jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ il-Presidential Order u meta jaħseb li se toħroġ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-benefiċjarji tal-plot imsemmija jistgħu jifdu ċ-ċens permezz ta’ Skema Q. Il-kuntratt finali jiġi ffirmat meta l-Government Property Division jgħaddi l-plot lill-Awtorita’ tad-Djar.

Djar għat-tfal – tfal għal fostering jew fostered

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, attwalment kemm hemm tfal li għal xi raġuni jew oħra qegħdin jgħixu fid-Djar għat-Tfal? Kemm hemm minnhom disponibbli għal fostering u kemm minnhom qegħdin jiġu fostered? Kemm hemm familji f’Malta li qegħdin jiffosterjaw tfal? X’inhi l-proċedura għall-familja li tkun tixtieq tiffosterja tifel jew tifla u kemm tieħu żmien?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Tfal li jinsabu taħt ordni ta’ ħarsien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li jinsabu taħt ordni ta’ ħarsien? Kemm minnhom huma disponibbli għal fostering u kemm minnhom effettivament qegħdin jiġu fostered? Kemm hemm tfal li ilhom iktar minn tliet snin taħt ordni ta’ ħarsien? X’għajnuna qed jirċievu dawn it-tfal biex ma jkomplux jagħqdu fl-istess ċirku ta’ problemi soċjali meta jikbru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni, kumpaniji jew partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza fis-sena 2015 u fis-sena 2016 sal-lum mill-Ministeru, id-dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li huma fi ħdanu? Jista' jgħid kemm minn dawn saru permezz ta' direct order? Jista' jgħid x'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? Jista' jgħid x'inhu l-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Djar tal-anzjani ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex ser jinbnew djar għall-anzjani oħra apparti dik ta' Birkirkara? Jista' l-Ministru jgħid fejn ser ikun qed jibni dawn id-Djar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, m’hemmx pjanijiet li jinbnew djar għall-anzjani oħra apparti dik ta’ Birkirkara. Madanakollu, għaddejjin b’ħidma fuq diversi proġetti għal estensjoni ta’ numru ta’ djar tal-Gvern kif ukoll estensjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paule. Għaddejjin ukoll b’taħdidiet ma’ operaturi privati dwar xiri ta’ sodod.

Uffiċċju tal-Arbitru – appelli ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il appell ġdid daħal fl-Uffiċċju tal-Arbitru bejn April 2016 sa Settembru 2016, xahar b'xahar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, kien hemm 474 appell ġdid minn April 2016 sa Settembru 2016. It-tabella t’hawn taħt tinkludi f’aktar dettal il-lista ta’ dawn il-każijiet, xahar b’xahar. Xahar Numru ta' Appelli Reġistrati Numru ta' Appelli Deċiżi Numru ta’ Appelli Ċeduti/ Revokati/ Kanċellati/ deż erti / sine die Numru ta’ Appelli li bdew jinstemgħu Numru ta’ Appelli li għad iridu jinstemgħu April 102 Nil 20 6 76 Mejju 60 1 11 3 45 Ġunju 65 Nil 9 1 55 Lulju 85 Nil 9 2 59 Awwissu 67 Nil 7 1 58 Settembru 95 Nil 11 Nil 84

Arbitri għall-finijiet tal-Artikolu 107 tal-Att dwaris-Sigurtà Soċjali – appelli pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm appelli pendenti b'kollox quddiem l-Arbitri għall-finijiet tal-Artikolu 107 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom ma ġewx appuntati u għaliex dawn għadhom ma ġewx appuntati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn Jannar 2016 sa Settembru 2016, kien hemm 1281 każ pendenti quddiem l-Arbitri li minnhom hemm 572 każ li għadhom ma ġewx appuntati. L-Uffiċċju tal-Arbitru jagħmel minn kollox sabiex jappunta l-appelli li jidħlu fl-iqsar żmien possibbli. Bosta drabi, każijiet li jkunu appuntati ma jinqatgħux f’seduta waħda minħabba differimenti li jista’ jkun hemm bżonn, biex il-każ jingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa.Dan ifisser li d-differimenti jkunu qed jieħdu post ieħor ta’ każ li ma jkunx jista’ jiġi appuntat. It-tabella ta’ hawn taħt turi l-pożizzjoni tal-appelli quddiem l-Arbitru minn Jannar sa Settembru. Appelli Jannar – Settembru 2016 Appelli pendenti sa Settembru 2016 1281 Appelli mhux appuntati sa Settembru 2016 572 Appelli li daħlu minn Jannar sa Settembru 2016 663 Numru ta’ Appelli decizi 252 Numru ta’ Appelli Ċeduti/Revokati/Kanċellati/deżerti/ sine die 380 Numru ta’ Appelli differiti 153

Pensjoni Minima Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser tkun ir-rata tal-Pensjoni Minima Nazzjonali (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) għall-persuna li għandha pensjoni kontributorja tal-miżżewġin mill-1 ta' Jannar 2017 skont il-miżura kif imħabbra fil-Baġit 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, ir-rata tal-Pensjoni Minima Nazzjonali, (eskluż il-bonus u ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) għall-persuna li għandha pensjoni kontributorja, u għandha l-medja massima tal-kontribuzzjonijiet tas-sigruta’ soċjali, kif imħabbar f’dan il-Baġit, ser tkun ta’ €145.83 fil-ġimgħa. Barra minn dan, din ir-rata trid ti¿died ukoll bi 80 fil-mija taż-żieda għall-ogħli tal-ħajja biex b’hekk b’kollox din ir-rata se tkun ta’ €147.23 fil-ġimgħa. Il-bonus tal-ogħli tal-ħajja jiżdied b’20 fil-mija taż-żieda għall-ogħli tal-ħajja (35c). B’hekk b’kollox dawn il-pensjonanti se jkunu żdiedu €5.75 fil-ġimgħa minbarra li se jizdiedu ukoll fl-għajnuna supplimentari. Anke dawk li għandhom rati anqas għax m’għandhomx il-medja massima tal-kontribuzzjonijiet ukoll se jgawdu minn dawn l-istess żidiet.

Residenza San Vinċenz de Paule – social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm social workers li qed jagħtu servizz fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu s-social workers li jagħtu servizz fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-preżent hemm 3 social workers li qegħdin jagħtu servizz fil-Faċilita għall-Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul. Fil-preżent ma jinħasx il-bżonn li jiżdied in-numru ta’ social workers, hekk kif is-servizz li qiegħed ikun offrut, qed jingħata b’mod sodisfaċenti mingħajr ebda lista ta’ stennija għas-servizz.

Lifts fi blokki tal-Gvern — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jistenniex li jkun hemm applikazzjonijiet mir-residenti, biex jiġu stallati lifts fil-blokki tal-Gvern qabel jikkonsidra tali stallazzjoni ta' lifts? Jekk iva, kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal tali stallazzjoni ta’ lifts?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-lifts min-naħa tal-Awtorita’ tad-Djar jiġu nstallati abbażi tal-applikazzjonijiet li hemm pendenti (li fil-preżent jammontaw għal 64) u/jew abbażi tal-istudji li l-Awtorita’ tad-Djar għamlet fuq il-ħtiġijiet (fejn ghandu x’jaqsam installar ta’ lifts) tal-inkwilini li jgħixu fil-Blokkok tal-Gvern u l-Awtorita’ tad-Djar. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, mill-2013 sal-lum, l-Awtorita’ tad-Djar installat 10 lifts permezz tal-iskema ta’ installazzjoni ta’ lifts f’appartamenti tal-Gvern antiki, kif ukoll 14-il lift f’appartamenti li l-Awtorita’ tibni u/jew biegħet matul is-snin. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ħejjiet proġett għall-istallazzjoni ta’ ‘l fuq minn 200 lift kif ukoll it-tisbiħ tal-madwar. Dan il-proġett ser isir b’finanzi tal-U.E. u fid-diskors tal-Budget 2017 tħabbar li dan il-proġett ġie approvat. Dan il-proġett ser jolqot ‘l fuq minn 4,000 persuna.

Persuni b’diżabilità li qed jistennew post għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni b'diżabilità li qed jistennew post għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorità tad-Djar għandha 197–il applikazzjoni pendenti minn persuni b’diżabilita’ li qed jistennew post għall-akkomodazzjoni soċjali.