Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sistema tal-IT — tibdiliet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sistema tal-IT li attwalment qed tintuża fis-saħħa, il-Clinical Patient Administration System (CPAS), hijiex se tinżamm kif inhi? Din is-sistema tiflaħ għat-tibdiliet li qed jippjana l-Gvern?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema tas-CPAS taghti l-flessibilita’ necessarja biex ikunu jistghu jsiru tibdiliet skond l-esigenzi tas-servizz. Komessi li nibqghu naghmlu l-investimenti necessarji biex inkomplu nghollu l-kwalita’ ta’ servizzi ghall- beneficcju tal-pazjenti.

Sistema tal-IT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-kumpaniji li se jieħdu f’idejhom is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna ma jixtiequx jaħdmu bis-sistema tal-IT tal-Clinical Patient Administration System(CPAS)?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm edba kumpanija li se tiehu f’idejha s-sistema tas-sahha f’pajjizna.

Misraħ Suffara u Ħofriet ir-Rizz — Sistema tad-Drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li ssir sistema tad-drenaġġ fl-areas magħrufa bħala Misraħ Suffara u Ħofriet ir-Rizz l/o Rabat/Dingli?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi s'issa m'għandiex il-ħsieb li ssir sistema fl-areas imsemmija.

Meter tal-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward stallar ta’ meter tal-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ huwa solvut.

Kontijiet tad-dawl u ilma — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward problema fil-kontijiet tad-dawl u ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt mgħarraf minn ARMS Ltd. li l-persuna msemmija m’għandha l-ebda problema fir-rigward tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Fil-fatt il-bilanċ fil-kont huwa żero.

ARMS – Kont tad-dawl – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ reading ħażin ta’ meter tad-dawl?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna msemmija ġiet ikkuntattjata u l-każ huwa solvut.

San Ġwann – sistema tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li jekk sad-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari, hemmx problemi fis-sistema tad-drenaġġ f’San Ġwann speċjalment fiż-żona ta’ Triq Bella Vista u l-madwar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illa fl-aħħar xhur il-Korporazzjoni għamlet żewġ interventi lokaliżżati fis-sistema tad-drenaġġ qrib ta’ fejn hemm il-ħajt impinġi bil-graffiti. Fit-8 ta’ Novembru kien hemm żbroff ta’ drenaġġ fi Triq Bella Vista qrib Triq in-Naspli, liema żbroff ġiet lokaliżżat u msewwi fi ftit sigħat. Issa qed issir investigazzjoni bis-CCTV camera biex jiġi stabbilit jekk hemmx xi tkissir fil-katusa li seta’ kkawża l-aħħar blockage.

Mediċini out of stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bejn id-9 u t-13 ta’ Novembru 2015 kemm kien hemm mediċini out of stock? Liema huma dawn il-mediċini?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li fid-9 u l-10 ta’ Novembru 2015 kien hemm item wieħed out of stock li kien il-Complete Nutrition. Dan daħal mill-ewwel lura in stock fil-11 ta’ Novembru 2015.

Concerta — disponibbiltá

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun disponibbli l-mediċina Concerta għall-pazjenti? Huwa minnu li din il-mediċina tinsab fuq il-formularju imma għadha ma waslitx f’pajjiżna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-medicina tinsab disponibbli mill-Ispiżeriji tal-Għażla Tieghek.

Sistema tal-IT myhealth — tibdil

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-tibdil li sar fuq is-sistema tal-IT tal-myhealth? Jista’ jgħid jekk dawn it-tibdiliet humiex lesti u jekk il-GPs jistgħux jibdew jużaw din is-sistema?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sistema tal-myHealth żdiedet il-faċilità biex it-tabib tal-familja jingħata aċċess għat-tagħrif mediku tal-pazjenti bil-permess tal-istess pazjent. Dan it-tibdil tlesta f’Settembru, ġie pilotat matul Ottubru, u ġie komunikat lit-tobba tal-familja waqt seminar fl-4 ta’ Novembru. Mindu sar dan it-tibdil, in-numru ta’ pazjenti li t-tobba tal-familja għandhom aċċess għat-tagħrif mediku tagħhom żdied b’il fuq minn 1,500. Ta’ min wieħed jgħid li fl-aħħar ta’ Settembru 2015, wara li l-myHealth kienet ilha topera iktar minn tliet snin u nofs, in-numru ta’ pazjenti li kienu taw aċċess lit-tobba direttament kien biss ta’ 1,616, jiġifieri fl-ispazju ta’ ftit ġimgħat, bħala riżultat tat-tibdil li sar, dan irdoppja.

Sptar Boffa – infermiera — rekwiżit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn kien hemm tibdil fis-sejħa permezz taċ-ċirkulari DH 553/2015 biex tneħħa r-rekwiżit li dawk l-infermiera li se jkunu qed jaħdmu l-Isptar Boffa, irid ikollhom esperjenza jew kwalifika fil-Kura tal-Anzjani?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Paul Boffa, fil-gimghat li gejjin ser ikun qed jilqa pazjenti long term care li bħalissa qed jokkupaw sodda f’Istpar Mater Dei. Dawn il-pazjenti se jkollhom livell ta’ kura minn infermiera skont kif maqbul mal-Union taghhom.

Sptar Boffa — anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-anzjani li se jkunu fl-Isptar Boffa humiex se jkunu jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Familja u s-Soliderjetà Soċjali jew il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Isptar Paul Boffa jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm tħallas f’reklamar mill-Ministeru tiegħu kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u kwalunkwe entità oħra illi taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu (għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija, il-kelma reklami għanda tittieħed illi tinkludi kemm dawk fuq it-tv, kemm dawk fuq ir-radio, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-1 ta’ April 2015 sad-data illi fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur ta’ reklami illi għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew hux se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont illi tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #21199 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — talba għal trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20884 u jgħid mill-1 ta' Lulju 2015 sal-lum kemm kien hemm talbiet għal trasferiment minn ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex biex imorru jaħdmu f'xi dipartiment jew entità oħra f'Għawdex? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u fejn marru jaħdmu dawk il-ħaddiema li t-talba tagħhom ġiet milqugħa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar Mater Dei – Operazzjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward operazzjoni biex tiġi rranġata tiċrita fil-muscle?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed jiġi segwit.

ARMS — Kontijiet tad-dawl u l-ilma – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward kont għoli tal-ilma u d-dawl?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-persuna msemmija ġiet ikkuntattjata u l-każ qed jiġi solvut.

Żbroff ta’ Drenaġġ – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward żbroff ta’ drenaġġ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-każ ġie investigat u rriżulta li l-iżbroff kien dovut minħabba sadd fil-medda privata tal-istess blokk. Għaldaqstant il-każ joħroġ barra mill-ġurisdizzjoni tal-Korporazzjoni.

Tindif ta’ ġibjun – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward tindif ta’ ġibjun?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġibjun imsemmi ma jaqgħax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Is-Swieqi – qtugħ ta’ provvista tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jagħti raġuni għalfejn il-Ħadd 25 ta’ Ottubru 2015 inqatgħet il-provvista tad-dawl fis-Swieqi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 20399 (għoxrin elf, tlett mija, disgħa u disgħin).