Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23363 Sitting 487 2001-02-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Problema ta' Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga problema tad-drenaġġ ifur li ilu jkollhom xi residenti ta' block VIII, Bieb C, Triq il-Ballut, San Ġwann?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li wara spezzjoni li saret mill-foreman tad-Dipartiment tad-Drenaġġ, irriżulta li r-responsabbilta' tat-tiswija ta' din il-ħsara hija tad-Dipartiment tal-Housing u mhux ta' dan id-Dipartiment. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #23375 Sitting 487 2001-02-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Personal Advisors

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-personal advisors tiegħu, kif ukoll li qed jgħamlu dan it-tip ta' xogħol f'xi dipartiment jew entita li taqa taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid meta ġew maħtura, x'salarju jew rimunerazzjoni għandhom u x'beneffiċji oħra jgawdu? Jista' jgħid x'xogħol qed jgħamlu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Waqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14429 (Seduta 256), irrid inżid kif jidher hawn taħt: DIPARTIMENT/ ADVISER TIP TA' XOGĦOL SALARJU ENTITA' (Part-Time) --------------------------------------------------------------------------------------- Ministeru għall-Ambjent Joseph Sultana Adviser fuq Riżorsi Lm2673. p.a. Naturali u fuq materji oħra rigward id- Dipartiment għall- Ħarsien ta' l-Ambjent
Leg 9 PQ #23376 Sitting 487 2001-02-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tad-Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'perċentaġġ ta' allowances jitħallsu l-ħaddiema tad-dipartiment tad-drenaġġ, kull kategorija ta' ħaddiema separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-persentaġġi ta' allowance li jitħallsu l-ħaddiema msemmija huma ta' 5,10,20 u 38 fil-mija skond ix-xogħol li jagħmlu.
Leg 9 PQ #214 Sitting 484 2001-02-02 Written · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Furjana — Ġnien King George V

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta il-ġnien ta' ħdejn il-King George V, Furjana? Kemm se jiswa? Meta beda x-xogħol u meta se jispiċċa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22438 (Seduta 465). Dan il-ġnien mistenni li jitlesta fil-bidu tas-sena d-dieħla. Il-proġett mistenni li jiswa b'kollox qrib il-Lm100,000. Ix-xogħol inbeda fl-aħħar parti tas-sena 2000.
Leg 9 PQ #23264 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tad-Dreanaġġ — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa u b'mod urġenti biex il-paga dovuta għax-xahar ta' Jannar 2001 lill-persuna li dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament tinħareġ mill-aktar fiss possibli?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-impjegat imsemmi kien ġie trasferit għal mad-Dipartiment tas-Saħħa f'Novembru 2000 u għaldaqstant għandu jiġi mħallas minn hemm. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #23265 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Ambjent

Kalkara — Triq Santa Liberata-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tiġi asfaltata Triq Santa Liberata, Kalkara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #23233 Sitting 483 2001-02-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Fortizza Sant Anġlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Bieb tal-Main Gate li kien hemm fid-daħla tal-fortizza ta' Sant Anġlu, inqala' u minfloku twaħħal rixtellu tal-ħadid? Jista' l-Ministru jinfurmana fejn jinsab dan il-bieb li għandu valur għall-antikita' tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li peress illi l-imsemmi bieb ta' l-injam tas-'Sea Gate' ta' Sant'Anġlu ġarrab ħafna ħsara matul dawn l-aħħar snin minħabba diversi atti vandali, ittieħdet deċiżjoni biex dan jinqala' minn postu u jittieħed fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi biex jissewwa. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li peress illi dan l-aċċess għall-Forti ta' Sant'Anġlu qiegħed jintuża mill-Ordni tal-Kavallieri, twaħħlet il-grada tal-ħadid minħabba raġunijiet ta' sigurta'.
Leg 9 PQ #23180 Sitting 482 2001-01-31 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Pieta' — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi investigat għaliex hemm riħa qawwija ta' drenaġġ fl-inħawi tax-xatt tal-Pieta'/Sa Maison? Jista' jsir studju sabiex jiġi eskluż li hemm kontaminazzjoni ta' drenaġġ mill-Isptar San Luqa fil-baħar f'Sa Maison?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għall-Ambjent ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jelimina l-irwejjaħ li hemm fil-bajja f'Tal-Pieta. Id-Dipartiment tad-Drenaġġ, fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, qed jinvestiga x'jista' qed iwassal għal dan it-tniġġis li feġġ għall-ewwel darba f'din il-bajja 30 sena ilu u reġa' feġġ għaxar snin ilu. Fiż-żewġ każi kien sar stħarriġ intensiv li ħa ġimgħat ta' testijiet, qabel ma nstab is-sors tat-tniġġis. F'dawn l-aħħar jiem id-Dipartiment tad-Drenaġġ naddaf mill-ħama li tinġabar tul iż-żmien il-main prinċipali antik li minn tal-Pieta' jwassal sa l-Imsida. Naddaf il-main prinċipali ġdid li jagħti għall-pumping station Tal-Pieta' li saret bħala booster pump biex tgħin l-istess sistema peress li parti kbira tad-drenaġġ mill-isptar Karen Grech taqa' fuq dan il-main. Issewwa r-rising main u tbiddel il-flash valve fl-istess pompa biex taħdem normali. Issewwiet il-ħsara li saret fuq il-main prinċipali faċċata tal-baħar. Minħabba din il-ħsara ammont ta' drenaġġ beda jisbokka fil-gandotti ta' l-ilma tax-xita. Kienu spezzjonati l-kanali ta' l-ilma tax-xita li mill-Ħamrun iwasslu għall-bajja Tal-Pieta'. Instabet ħsara fil-main tad-drenaġġ fi Triq id-Duluri. Rapport bis-CCTV għandu jsir kmieni l-ġimgħa d-dieħla. Qed isiru wkoll testijiet minn diversi lokalitajiet li hemm suspett li minnhom qed isir tniġġis. Rigward it-tieni parti tad-domanda, jekk ikun hemm bżonn wieħed jista' jagħmel studju fuq is-sistema ta' drenaġġ fl-Isptar San Luqa u f'dan ir-rigward nirreferi l-Onorevoli Interpellant lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #23168 Sitting 481 2001-01-31 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Sulphur Dioxide — Alert Threshold

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntlaħqet alert threshold għal dak li jirrigwarda sulphur dioxide fil-Marsa minn Awissu 'l hawn?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fis-sena 2000, sar monitoraġġ ta' l-arja fil-Marsa mit-2 ta' Mejju sa l-20 ta' Awissu. F'dan il-perjodu l-alert threshold fir-rigward tas-sulphur dioxide inqabeż darba biss.
Leg 9 PQ #22917 Sitting 479 2001-01-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Trabijiet fl-arja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kontroll se jsir mid-dipartiment għall-ambjent dwar trabijiet/għabra fl-arja meta jibda l-proġett proprju tal-Kottonera u issa li qed issir l-iskavar/bini għall-kumpless sportiv fil-Marsa? Kif se jsir permess li minbarra eluf ta' residenti fl-inħawi hemm tlett skejjel kbar; Ġużeppi Despott, De La Salle u St Edwards? Japrezza li ħafna trabijiet fl-arja jistgħu jkunu ta' periklu għas-saħħa, speċjalment għal dawk li jsofri bl-ażma?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li mhuwiex mistenni li x-xogħlijiet fil-Kottonera ser jikkaġunaw xi inkonvenjenza lir-residenti jew lill-iskejjel fil-viċin; dan minħabba l-fatt illi l-kontroll tat-trabijiet fl-arja minn dan il-proġett kienu ġew ikkunsidrati qabel fil-permess ta' l-iżvilupp ta' dan l-istess proġett. Il-miżuri li ser jittieħdu għall-kontroll ta' trabijiet fl-arja huma dawn: 'water sprays' ser jintużaw biex inaqqsu l-inkonvenjent ta' trabijiet fl-arja filwaqt li jkun qed isir l-iżvilupp. Ser jittieħdu wkoll miżuri adekwati sabiex il-vetturi kollha li jitilqu mill-post fejn qed isir l-iżvilupp u li għandhom x'jaqsmu ma' dan l-iżvilupp ma jarmux tajn jew materjal ieħor fit-toroq. Filwaqt li jkun qed isir dan il-proġett id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent flimkien ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ser jagħmlu spezzjonijiet regolari sabiex ikunu jistgħu jaraw jekk hux kollox sejjer kif suppost. Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ma hemm l-ebda xogħol ta' skavar/bini għal kumpless sportiv fil-Marsa.
Leg 9 PQ #23178 Sitting 479 2001-01-30 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Sliema Wanderers F.C. — Football Ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda l-bini tal-ground il-ġdid tal-football tas-Sliema Wanderers F.C. li ser jissostitwixxi l-ground ta' Tigne' li ttieħed minħabba l-proġett ta' Tigne'? Jista' jgħid ukoll meta huwa maħsub li dan il-ground ikun lest?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Onorevoli Interpellant huwa nfurmat illi x-xogħol fuq l-imsemmi ground tal-football jagħmel parti mill-fażi tal-proġett imsejjaħ Tigne Sports. Din il-fażi tal-proġett huwa mistenni li tinbeda matul is-sena 2001, kif appena jinħareġ il-Permess ta' l-Iżvilupp relevanti mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. L-Onorevoli Interpellant huwa nfurmat ukoll illi skond is-sub-artiklu 8.1.2.1 fil-kuntratt, din il-fażi għandha tkun sostanzjalment kompluta fi żmien erba' snin mill-ħruġ tal-Permess ta' l-Iżvilupp.
Leg 9 PQ #22953 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Tas-Sliema — Fdalijiet Storiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul ix-xogħlijiet ta' embellishment f'Tas-Sliema, instabux xi fdalijiet storiċi u jekk dawn il-fdalijiet ġewx imkissra u mirduma qabel dawn setgħu jiġu spezzjonati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li nstabu sitt ġebliet ħdejn "Speedy Garage" li mid-dehra kienu jiffurmaw parti mit-Trunċiera. Dawn ġew preservati u ser jintużaw fi Ġnien Indipendenza bħala dekorazzjoni. Fejn it-Torri instabet parti minn ħnejja rieqda li kienet mirduma. Parti minnha tinqabad fil-verge tal-ħamrija u biċċa fit-triq eżistenti.
Leg 9 PQ #22984 Sitting 478 2001-01-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Tas-Sliema — Trunċiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'valur storiku għandha t-trunċiera misjuba f'tas-Sliema fejn qed isir ix-xogħol mal-promenade? Jista' l-Ministru jgħid ta' min kienet id-deċizjoni li din it-trunċiera tintradam biex ikompli ix-xogħol? Jista' jgħid sarx studju biex ikun magħruf ta' liema epoka hi din it-trunċiera u sa' fejn twassal din l-istuttura storika? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din it-trunċiera tintuża fil-futur għal skop turistiku, edukattiv u biex iżura l-poplu Malti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22953 (Seduta 478). Intalbet l-għajnuna esperta ta' l-Ispettur tal-Fortifikazzjonijiet, fir-Restoration Unit li nfurmana kif ġej: "Il-ġebel li nstab waqt ix-xogħol mal-promenade f'Tas-Sliema, kien darba jifforma parti mit-trunċiera Kostali (coastal entrenchment) li nbniet mill-Kavallieri fi żmien il-Gran Mastru Pinto fis-seklu 18 (1767). Il-ġebel kbir ġidri (drafted masonry) li nstab mat-triq, jidher li aktarx mhux in situ, għaliex fil-fatt il-ħajt kien iżżarma fis-seklu 19 mill-Ingliżi biex il-ġebel tiegħu jintuża fil-bini tat-triq f'dawk l-inħawi. Fil-fatt il-fdalijiet sħaħ u propja tat-trunċiera għadhom jinstabu aktar viċin il-baħar (taħt ir-Restaurant Barracuda). Dan jispjega l-fatt li l-ġebel li nstab huwa 'l ġewwa ħafna mix-xatt viċin it-triq. Il-ġebel li nstab ġie salvat u għalhekk ma jirriżultax li t-trunċiera reġgħet ġiet mirduma". Finalment, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b'referenza għall-ħnejja rieqda li nstabet quddiem it-Torri ntalab il-parir espert ta' l-Ispettur tal-Fortifikazzjonijiet fir-Restoration Unit.
Leg 9 PQ #22558 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mosta — Ta Mlit

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bl-evalwazzjoni li saret dwar il-petizzjoni li ġiet preżentata fil-Parlament għan-nom tar-residenti Mostin tal-Qasam tad-Djar ta' Mlit u tal-madwar? Jista' jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi tat-talbiet tar-residenti peress li r-residenti Mostin qed jiffaċjaw inkonvenjent kbir? Peress wkoll li f'seba snin l-kunsill tal-Mosta ma għamilx embellishment f'dawn l-inħawi minkejja li hemm djun kbar ta' flus akkumulati ta' xogħlijiet li saru fl-inħawi oħra tal-Mosta f'dan il-perjodu u cioe jawtorizza x-xogħlijiet meħtieġa li jaqgħu taħt ir-responsabbilita tad-dekasteru tiegħu sabiex titwettaq ix-xewqa tar-residenti Mostin u l-qasam residenzjali ta' Mlit ma jkomplix jitħalla abbandunat.

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #22892 Sitting 476 2001-01-24 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Ħal Kirkop — Garage tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk, issa li l-ħaddiema tal-garaxx ta' Ħal Kirkop marru Kordin, hux ser ikollhom canteen bħal ma kellhom Ħal Kirkop? Kif ser jingħata dan il-canteen?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq nikkonferma li l-ħaddiema ser ikollhom canteen fil-workshop ta' Kordin. It-tender biex jingħata dan il-canteen lill-operaturi privati għandha tiġi ppubblikata fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #22840 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Ġonna Ċiniżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-pjan biex il-Gvern Ċiniż jibni l-akbar ġnien Ċiniż fil-Mediterran liema ġnien kellu jimbena fejn illum hemm il-Kennedy Grove? X'sar mill-pjan mibdi taħt amministrazzjoni Laburista biex żewġ periti, li kienu diġa' ġew magħżula, jmorru ċ-Ċina ħalli jaraw u jistudjaw ġonna Ċiniżi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma kenitx favur li l-Ġnien Ċiniż isir ħdejn Kennedy Grove u ġiet mistħarrġa l-possibilita' li dan isir f'xi sit ieħor. Din il-possibilita' għadha qed tkun mistħarrġa. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima tax-Xogħlijiet m'għandha l-ebda indikazzjoni li kienu jeżistu xi arranġamenti simili.
Leg 9 PQ #22886 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

It-Tieni Distrett — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fit-2 Distrett elettorali li din is-sena ser jinbnew jew jinksew bit-tarmac mid-Dipartiment fil-Ministeru tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #22898 Sitting 475 2001-01-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Senior Environment Inspectors

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jimtlew il-vakanzi għall-postijiet ta' senior environment inspectors fi ħdan id-dipartiment ta' l-ambjent? Jista' jgħid kemm huwa l-complement meħtieġ għal dawn il-postijiet u kemm kien hemm applikanti għalihom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proċeduri biex jimtlew il-vakanzi għall-postijiet ta' senior environment inspectors inbdew. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent qiegħed jistenna l-awtorizazzjoni biex jippubblika ċ-ċirkulari relatata ma' dan il-milgħi. Fil-preżent, il-complement huwa ta' sitta.
Leg 9 PQ #22315 Sitting 474 2001-01-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tal-Lunzjata — Skart

Question

Peress li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jitbagħtu separatament ilha aktar minn sena tirrapporta lil kunsill tal-lokal sabiex jitneħħew it-tankijiet li huwa neħħa minn fuq il-ħitan tar-raba', jista' d-dipartiment tal-ambjent jintervjeni sabiex dan l-iskart jinġabar mill-inħawi Tal-Lunzjata fejn il-Knisja? Jista' l-Ministru jara li dan ix-xogħol jsir mil-aktar fis?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tlabt lid-Dipartiment konċernat biex jieħu l-passi meħtieġa biex it-tankijiet miġbura ħdejn il-knisja tal-Lunzjata jinġabru mill-aktar fis possibbli.
Leg 9 PQ #22349 Sitting 474 2001-01-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mosta — Drenaġġ

Question

Peress li fuq wara Blk DI Entrance B li jinsab fi Triq Gradiljoli l-Qasam tad-Djar ta' Mlit il-Mosta hemm ħsarat li qed jikkawżaw fawran tad-drenaġġ fl-inħawi, jista' d-Dipartiment jara li jiġu rranġati l-ħsarat mill-aktar fis possibli?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-inkonvenjent imsemmi huwa responsabbilta' tal-privat. Fil-fatt, il-foreman tad-distrett spjega dan lir-residenti u dawn qalulu li se jagħmlu tajjeb għall-ħsarat.