Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6607 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx sottomessi xi pjanijiet lill-gvern minn Settembru, 1998 'il hawn biex il-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq ma tibqax tuża kwantita' kbira ta' pitrolju u xorta tibqa' msaħħna? Jista' jagħti informazzjoni dwar dawn il-pjani, bħal ngħidu aħna, x'kienu, min għamel is-sottomissjonijiet u kemm jiġu ffrankati flus? Jekk saru sottomissjonijiet, il-gvern aċċetta xi waħda mill-proposti li saru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm dieversi diskussjonijiet bil-għan li jinstab l-aħjar mod kif il-Bord Amministrattiv tal-Pixxina Nazzjonali jkun jista' jekonomizza fuq il-ħlasijiet tal-fuel mingħajr ma jiġi mnaqqas is-servizz li dejjem ġie provdut speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mat-temperatura kostanti ta' l-ilma. Possibilita' li ġiet mistħarrġa hija dik li tiġi nstallata sistema ta' solar heating. Madankollu, n-nefqa biex dan il-proġett jitwettaq hija kbira u għalissa ma jistax jiġi kkunsidrat. Sadanittant ġie ppreparat rapport intitolat The Effectiveness of an Energy Conservation for a Heated Outdoor Pool mis-Sur Paul Vassallo. Dan ir-rapport għadu qed jiġi analizzat.
Leg 9 PQ #6608 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Sport — Laqgħat ta' l-għawm

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat ta' l-għawm taħt l-iskema Skola Sport minn Jannar li għadda sa dan ix-xahar fil-Pixxina Nazzjonali u fir-Razzett tal-Ħbiberija? Kemm attendew tfal f'kull Sibt li sar it-taħriġ? Kemm kienu l-għalliema preżenti f'kull laqgħa? Jista' jgħid ukoll minn meta bdiet l-Iskola Sport ta' l-għawm, kemm saru ħlasijiet lill-Pixxina Nazzjonali u lir-Razzett tal-Ħbiberija f'kull każ? Jista' jagħti l-figuri xahar b'xahar?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #4546 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Tempji Neolitiċi — Blata

Question

Jista' l-Ministru jara li l-blata li hemm fl-entratura tat-Tempji Neolitiċi f'Ħal Tarxien tinbidel minħabba li hi ta' periklu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-blata msemmija ġiet mirfuda b'tali mod li ma taqax. Minkejja dan, l-entratura fejn hemm il-blata m'hiex qed tintuża bħala aċċess għat-tempji. B'hekk ma hemm ebda periklu immedjat għall-pubbliku jew għall-ħaddiema. Huwa maħsub illi fil-jiem li ġejjin, l-arranġament eżistenti jiġi eżaminat minn perit biex jikkonferma li l-blata hija mirfuda sewwa.
Leg 9 PQ #4547 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Proġett ta' Rebirth 2000

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-Proġett ta' Rebirth 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Nissuġġerixxi li l-Mistoqsija ssir lill-Ministeru li għandu r-responsabbilta' tal-Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #6074 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Programm Spoprt for All

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord li jmexxu l-Programm Sport for All? Jista' l-Ministru jgħid ukoll xi pjanijiet għandu l-gvern biex dan il-programm jitħaddem?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord ta' Sport for All tlaqqa' għall-ewwel darba nhar il-Ħamis 15 ta' April 1999. Il-membri huma: Chairman - Dr H. Messina Ferrante Viċi-Chairman - Is-Sur Tony Debono Membri - Is-Sur Daniel Buagiar Is-Sur Joseph Urpani Is-Sur Mark Farrugia Is-Sur Envic Galea Ms Mariella Piscopo Ms G. van Vuuren Cassar Ms Tanya Zahra Segretarju - Is-Sur John Farrugia S'issa tlesta abbozz ta' politika li fuqha jista' jimxi dan il-Bord. L-ewwel xogħol tal-Bord huwa li jlesti policy document fuq Sport for All u jniedi diskussjoni wiesgħa fuqu. Wara jgħaddi biex ifassal programm ta' attivitajiet sabiex jimplementa din il-politika fuq il-livelli differenti.
Leg 9 PQ #6075 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħin allokat għall-edukazzjoni fiżika u għall-isport in ġenerali, kif ukoll it-tagħmir u l-faċilitajiet sportivi, jiżdiedu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm il-ħsieb li 'l quddiem l-Edukazzjoni Fiżika minbarra li tibqa' bil-ħin ta' "core subject" tkun ukoll offruta lill-istudenti bħala suġġett "option". B'dan il-mod il-lezzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Fiżika jiżdied għal erbgħa fil-Forms 3, 4 u 5 tal-Junior Lyceum u għal ħamsa fil-Forms 4 u 5 ta' l-Area Secondary School. Iż-żieda fit-tagħmir sportiv fl-iskejjel hija parti mill-amministrazzjoni normali ta' l-iskola. Dwar iż-żieda tal-faċilitajiet sportivi l-programm elettorali tal-gvern iwiegħed il-bini ta' tliet Kumplessi Sportivi u dwar dan ġa qegħdin isiru studji u stħarriġ.
Leg 9 PQ #6076 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti universitarji ntitolati u attwalment jieħdu l-istipendju? Jista' jgħid, xahar b'xahar minn Ottubru, 1998, sal-lum, kemm tħallsu flus fi stipendji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent, hemm 4026 student li qed jirċievu stipendju mill-Universita' ta' Malta. L-ammonti li tħallsu fi stipendji minn Ottubru 1998 'l hawn huma kif ġej: Ottubru 1998: Lm325060.24 Novembru 1998: Lm435740.98 Diċembru 1998: Lm481862.45 Jannar 1999: Lm383937.36 Frar 1999: Lm384770.99 Marzu 1999: Lm385228.17
Leg 9 PQ #6280 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħ'Attard - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li qegħdin isiru fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard? Meta hu ppjanat li se jitlestew dawn ix-xogħlijiet? Dawn ix-xogħlijiet jinkludu bini mill-ġdid tal-ground tal-football? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi x-xogħlijiet kollha proposti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol li qiegħed isir fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard jikkonsisti fil-bini ta' sular addizzjonali fuq il-blokk tal-Kindergarten flimkien ma' xogħlijiet ta' finitura u servizzi fl-istess sular kif ukoll xogħlijiet ta' riabilitazzjoni fis-sular t'isfel ta' l-istess blokk u taż-żewġ blokki eżistenti. Inbena wkoll 'linking corridor' li jgħaqqad it-tlett blokki li fil-preżent qegħdin isiru xogħlijiet ta' servizzi u finatura fuqu kif ukoll għaddej ix-xogħol ta' bini ta' sala li 'l quddiem ikunu jridu jsiru xogħlijiet simili fuqha. Il-konkos ta' l-art u landscape areas sejrin jiġu mtejba bħala parti mill-istess xogħlijiet. Hu antiċipat li x-xogħlijiet kollha ta' ġebel u saqaf jitlestew sa l-aħħar ta' Lulju 1999 filwaqt li dawk ta' servizzi u finitura li qegħdin isiru f'fażijiet biex l-andament ta' l-iskola ma jitħarbatx hu antiċipat li jitlestew sa' l-aħħar ta' Frar 2000. Ix-xogħlijiet ma jinkludux il-bini mill-ġdid tal-'ground'. Għal dan l-iskop għad trid issir applikazzjoni formali lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex isir it-tkabbir tal-'ground' eżistenti kif ukoll biex 'il quddiem toħroġ l-offerta relattiva għal dan ix-xogħol li jkun jista' jitwettaq skond l-allokazzjoni finanzjarja li jkollha d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Ta' min wieħed isemmi li l-materjal fil-'ground' la darba jitlestew ix-xogħlijiet ta' ġebel u saqaf fuq il-bini tas-sala sejjer jitneħħa u l-istess 'ground' jiġi mnaddaf. Kopja tal-pjanta li turi x-xogħlijiet kif proposti qiegħdha titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pero' din ma tinkludix ix-xogħlijiet ta' l-estensjoni tal-'ground' peress li l-pjanti relattivi għad iridu jsiru.
Leg 9 PQ #6297 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Institute of Health Care — Kors fil-B.Sc. Psychiatric Nursing

Question

Il-korsijiet fil-B.Sc. Psychiatric Nursing li diġa' bdew se jitkomplew sa l-aħħar? Din is-sena huwa mistenni li fl-Institute of Health Care jerġa' jiftaħ il-kors fil-B.Sc. Psychiatric Nursing?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #6524 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bormla - Erin Serracino Inglott

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif fl-iskola ta' Erin Serracino Inglott, Bormla teachers mhux qed jidħlu fil-klassi jagħmlu l-lezzjoni imma jibqgħu fl-istaff room bħal per eżempju, l-għalliema tal-Maths u l-English li ma marrux għal-lesson fil-Form 2A? Jista' l-Ministru jgħid kif minn ftit xhur 'il hawn m'għadhomx isiru inspections fl-iskola? Dan għalfejn, u meta saru l-aħħar inspections f'din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Skond informazzjoni li għandi l-għalliema fl-iskola Erin Serracino Inglott f'Bormla jattendu regolarment għal-lezzjonijiet. Fil-każ tal-Matematika l-għalliema konċernata qatt ma kienet nieqsa mill-iskola u tat il-lezzjonijiet regolarment. Fil-każ ta' l-ingliż, l-għalliema kienet bil-'Maternity Leave' iżda l-lezzjonijiet ingħataw regolarment minn għalliema oħra. Sadanitant anke l-għalliema l-oħra li qabel kienet tagħti l-lezzjonijiet ta' l-Ingliż ħarġet bis-'sick leave'. Minn naħa ta' l-Operations, l-Education Officer (Adm.) barra kuntatti kontinwi ma' l-Amministrazzjoni ta' l-iskola, tagħmel żjarat regolari. L-aħħar żjara saret fis-16 ta' Marzu 1999.
Leg 9 PQ #6565 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Impjegati

Question

Jikkonferma l-Ministru li kellu diversi talbiet f'dawn l-aħħar xhur mill-bord li jmexxi l-pixxina nazzjonali kif ukoll mill-ħaddiema part-time biex jiġu mpjegati fuq bażi aktar soda? Jista' jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwar dawn il-ħaddiema? Jekk iva, x'kienet din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kuntratt tal-ħaddiema part-time li hemm fil-Pixxina Nazzjonali għadu qed jiġi mġedded fuq bażi temporanja sakemm tinstab l-aħjar soluzzjoni għall-partijiet kollha konċernati.
Leg 9 PQ #6566 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Gym

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern sabiex jinfetah gym immexxi mill-MOC fil-pixxina nazzjonali? X'inhu t-tagħmir li wasal taħt il-protokoll mal-Gvern Taljan biex jintuża f'dan il-gym? Kemm huwa stmat li jiswa? Meta wasal dan l-apparat u fejn qed jinżamm? Min hu responsabbli li jieħu ħsieb dan l-apparat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġett tal-fitness testing laboratory illi ser ikun immexxi mill-Kumitat Olimpiku Malti fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali jinsab fi stadju avvanzat. F'dawn il-ġranet qed tiġi ppublikata tender biex jiġi rranġat il-bini li se jkun okkupat minn dan il-laboratorju. Qiegħed ukoll isir l-adjudikazzjoni ta' tender għal tagħmir kumplimentari għal tagħmir ieħor li wasal is-sena l-oħra. It-tagħmir li wasal fl-1998 taħt il-protokoll mal-Gvern Taljan huwa ntiż għal fitness testing ta' l-atleti. Dan l-apparat li jiswa madwar Lm40,000 (erbgħin elf lira), wasal fl-aħħar tas-sena l-oħra u qed jinżamm fil-laboratorju temporanju li għandu l-Kumitat Olimpiku Malti f'Tal-Qroqq. L-istess Kumitat huwa wkoll responsabbli li jieħu ħsieb dan l-apparat.
Leg 9 PQ #6598 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Mużew tal-Fine Arts - Sala

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha magħluqa s-sala fil-Museum of Fine Arts fejn hemm esebiti xogħlijiet imħollija lill-poplu Malti mill-iskultur Antonio Sciortino? X'passi qegħdin jittieħdu biex b'mod spedit jitneħħa kull ostaklu jew ħsara f'din il-kamra ħalli terġa' tinfetaħ għal pubbliku? Jikkonsidra li għandhom jittieħdu kull prekawzjonijiet kontra xi ħsara li tista' ssir lil dawn l-opri ta' l-arti? Jikkonsidra l-Ministru li sakemm din il-kamra tiġi rranġata l-esebizzjoni titqiegħed x'imkien ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

Minħabba n-nuqqas ta' żmien, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #6599 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Postijiet Arkeoloġiċi u storiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet arkeoloġiċi u ta' natura storika li preżentement huma magħluqa għal pubbliku? X'inhi r-raġuni għal kull post partikolari? X'inizjattivi qiegħed jieħu l-Ministru flimkien mad-Dipartiment tal-Mużewijiet sabiex dawn il-postijiet jerġgħu jinfetħu għal pubbliku?

Response (GALEA, LOUIS)

Minħabba n-nuqqas ta' żmien, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #6600 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bighi - Skola Abram Gatt

Question

Fid-dawl ta' ċertu rapporti fuq il-mezzi tax-Xandir, jista' l-Ministru jgħid kif, meta u fejn se tiġi riallokata l-iskola tas-Snajja' Abram Gatt ta' Bighi fil-Kalkara? Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-ftehim li se jintlaħaq jew li diġa' intlaħaq u ma' min sabiex l-iskola Abram Gatt se jkollha tiċċaqlaq? Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux diskussjonijiet mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, mal-Kunsill Skolastiku Abram Gatt jew ma' l-amministrazzjoni ta' l-iskola, fejn, kif u meta se tiġi riallokata l-iskola tas-Snajja' Abram Gatt?

Response (GALEA, LOUIS)

Minn nhar it-Tlieta 4 ta Mejju ser nibda proċess wiesgħa ta' konsultazzjoni u djalogu dwar ir-riformi meħtieġa fil-qasam ta' l-edukazzjoni teknika u teknoloġija. Dawk konċernati fl-iskola tas-snajja' Abram Gatt qed ikunu jieħdu sehem attiv f'dan il-proċess. Tagħrif dettaljat ikun jista' jingħata meta dan il-proċess ikun komplut. Dwar il-proġett ta' Bighi wkoll ser ikun hemm il-konsultazzjoni kollha meħtieġa.
Leg 9 PQ #4339 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fellenberg - Stipendji

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istipendji ta' l-iskola Fellenberg ġewwa Raħal Ġdid għadhom ma ħarġux?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istipendji ta' l-Iskola Fellenberg ġewwa Raħal Ġdid, ħarġu u ntbagħtu bil-posta lill-istudenti.
Leg 9 PQ #5429 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Progammi edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi programmi edukattivi fl-iskejjel immirati għal tfal minn eta' żgħira qegħdin jitwettqu biex tikber il-kuxjenza favur il-gender equality?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li żewġ għalliema tal-Personal and Social Education kitbu Manwal għall-Għalliema dwar "Lejn l-Ugwaljanza Bejn in-Nisa u l-Irġiel - Programm ta' għarfien". Dan il-Manwal kien ġie ppublikat mill-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara, is-sena l-oħra. Sejrin isiru iżjed laqgħat bejn l-għalliema tal-P.S.E. u din il-Kummissjoni biex dan is-suġġett jiġi żviluppat aħjar. Fil-Primarja, it-tfal jitgħallmu dwar "Gender Equality" fl-Istudju Soċjali waqt li fis-Sekondarja qed tikber il-kuxjenza favur dan is-suġġett kemm fil-P.S.E. kif ukoll fl-Istudju Soċjali. Barra b'dan il-mod formali, l-għarfien dwar temi importanti bħal "Gender Equality" qed jiġi infilsat ukoll fil-kurrikulu informali u b'hekk mhux it-tagħlim formali biss imma l-esperjenza kollha li jkollhom it-tfal fl-iskola jwasslu l-istess messaġġ.
Leg 9 PQ #5515 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-bini tad-Diviżjoni u tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u tas-Segretarju Parlamentari fil-Furjana, kemm hemm impjegati tal-gvern li xogħolhom hu li jnaddfu l-uffiċini, is-swali, l-kuriduri u t-turġien ta' dan il-bini? Minn Settembru, 1998 sa Frar 1999, kem intnefqu flus fuq materjal ta' tindif? Kemm hemm f'kull sular persuni li xogħolhom hu li jżommu l-post nadif? X'inhu s-salarju tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sular ta' fuq, fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni hemm erba' impjegati tal-gvern li jnaddfu. Dawn l-impjegati huma General Hands, fi skali 18/19. Il-materjal ta' tindif jinġieb prinċipalment mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Xi materjal ieħor ta' tindif, li ma jkunx jista' jinġieb minn hemmhekk jinxtara mill-Ministeru. L'ispiża li ntefqet tammonta għal Lm26.63. Is-Segretarjat Parlamentari jimpjega persuna waħda (1) fuq xogħol ta' tindif. Ix-xogħol jinkludi tindif ta': uffiċini, boardroom, pantry, toilets. L-iskala tas-salarju ta' l-imsemmija impjegata hija dik Numru 19 (Lm2705 x 57 - Lm3104). Bħalissa, s-Segretarjat jinsab mingħajr servizz ta' impjegata fuq tindif wara li din kienet ġiet trasferita għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fis-17 ta' Frar 1999 u s'issa ma nkisbitx sostituzzjoni għaliha. Sabiex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas, is-Segretarjat ħa ħsieb li jikseb servizz ta' tindif alternattiv wara sejħa għall-offerti (Quotations). Dan is-servizz ġdid qiegħed isir permezz tad-ditta Bad Boys Ltd b'effett mid-29 ta' Marzu 1999. L-ammont li ntefaq fuq materjal ta' tindif bejn Settembru 1998 u Frar 1999 huwa ta' madwar Lm26. Id-dipartiment taż-Żgħażagħ u Sports jimpjega tliet (3) persuni fuq xogħol ta' tindif. Ix-xogħol jikkonċerna prinċipalment tindif ta' l-uffiċini. L-iskala tas-salarji ta' l-imsemmija impjegati hija dik Numru 18 (Lm2843 x 59 - Lm3256). L-ammont li ntefaq fuq materjal ta' tindif bejn Settembru 1998 u Frar 1999 huwa ta' madwar Lm18. In-numru ta' l-impjegati tal-Gvern li qed jagħmlu xogħol ta' tindif fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni huwa 10, imqassmin hekk: Basement 3 Ground Floor 2 First Floor 1 Second Floor 4 Minn Settembru 1998 sa Frar 1999 intefqu Lm1190 fuq materjal ta' tindif. Id-Diviżjoni tħallas is-somma ta' Lm2767.918 fix-xahar għas-salarji ta' dawn il-persuni.
Leg 9 PQ #5517 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tarxien - Skola primarja B

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jappoġġja l-petizzjoni li nġabret mill-ġenituri tat-tfal ta' l-iskola primarja Tarxien B biex kuljum jintbagħat pulizija ħdejn l-iskola ħalli jiġi evitat il-periklu għat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li pulizija jkun ordnat kuljum fil-ħin tad-dħul u ħruġ tat-tfal mill-kumpless ta' skejjel li minnu tagħmel parti l-Iskola Primarja B Tarxien.
Leg 9 PQ #6065 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sports

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu fl-iskejjel sabiex iħajru lit-tfal jieħdu sehem fl-isport? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk l-edukazzjoni fiżika hux qed tingħata aktar attenzjoni fl-iskejjel tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ttieħdu diversi inizjattivi biex iħajru lit-tfal jieħdu sehem fl-isport. (i) Żdied in-numru ta' drabi meta il-P.E. peripatetic teacher iżur l-iskola. (ii) Għat-tfal ta' l-iskejjel primarji jkunu organizzati "triangular/quadriangular tournaments" fost teams minn skejjel diversi. Ikunu organizzati wkoll Regional Sports Festivals fejn għadd ta' teams minn kull skola jieħdu sehem f'diversi logħob u żfin folkoristiku. Għat-tfal ta' l-iskejjel sekondarji hu organizzat l-Olympic Youth Sports Fest bi programm ta' għoxrin sport differenti. (iii) Klabbs u Għaqdiet sportivi kif ukoll Kunsilli Lokali qed ikollhom l-opportunita` li jikkollaboraw mal-Kunsill ta' l-Iskola, ma għalliema u mal- Physical Education Section f'inizjattivi li jippromwovu l-isport. Xhieda li l-Edukazzjoni Fiżika qed tingħata aktar attenzjoni fl-iskejjel tagħna hu l-fatt li fil-bidu ta' din is-sena skolastika n-numru ta' għalliema "peripatetic" f'dan is-suġġett fl-iskejjel primarji f'Malta żdied minn ħdax għal sbatax.