Legislature:
Category:
Reset
Active:

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Special Cleaners Limited

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mad-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, kumpanniji u azjendi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qattx ingaġġaw is-servizzi ta' Special Cleaners Limited? Jekk iva, f'liema każi, meta ġew ingaġġati, kif saret l-għażla tagħhom u kemm tħallsu s'issa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan il-Ministeru, d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu fid-dekastru tiegħi qatt ma ġew ingaġġati s-servizzi ta' Special Cleaners Ltd.

Special Cleaners Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jgħid u jikkonferma li l-kumpannija Special Cleaners Ltd. ingħatat ix-xogħol ta' tindif fl-isptar Monte Carmeli? Jekk fl-affermattiv, kemm ilha b'dan il-kuntratt, min kienu dawk li tefgħu magħha t-tenders, kif intgħażlet u kemm laħqu tħallsu payment vouchers lill-istess kumpannija xahar b'xahar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Special Cleaners Ltd ma ngħatatx xogħol ta' tindif ġewwa l-Isptar Monte Carmeli.

Mellieħa — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir ix-xogħol fuq il-bini tad-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa li ilha mwiegħda snin twal u ma sar xejn dwarha s'issa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tad-Dar ta' l-Anzjani tal-Mellieħa qiegħed fl-Adjudication Processgħaldaqstant l-allegazzjoni li ma sar xejn dwarha hija żbaljata.

Dfin ta' Feti

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 22237, 21534 u 21981, barra l-erba' persuni li qabbdu kummissjonant u l-57 li għażlu li l-fetu jindifen bi dfin komuni, jirriżulta li f'Malta u f'Għawdex sar dfin ta' feti mingħajr il-bżonn ta' kummissjonant jew ta' dfin komuni? Kemm kien hemm każi simili?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Isptar San Luqa qatt ma kien involut fi dfin ta' feti li ma kienx parti minn dfin komuni jew mingħajr il-bżonn ta' kummisjonant. Dwar l-Isptar t'Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħaddiema Għawdxin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamnetari 21752 li r-risposta għaliha kienet li risposta tingħata f'seduta oħra, jista' il-Ministru ġentilment iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-lista msemmija f'mistoqsija parlamentari 21527?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

Anzjani li jkunu jixtiequ jidħlu l-SVPR

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'parir jagħti li għandu jsir fil-każ ta' anzjana li tgħix waħedha kompletament dipendenti, tinħtieġ serjament li tidħol f'residenza għall-anzjani, m'għandhiex il-mezzi finanzjarji biex tidħol f'dar ta' l-anzjani privata, applikat għal SVPR iżda minkejja l-gravita' tal-każ din għadha fuq il-waiting list? Jista' jgħid teżistix xi sistema ta' fast track għad-dħul fl-SVPR? Jekk teżisti, x'inhuma l-kriterji li anzjan/a jidħol f'din il-fast track? Meta jingħad fast track, kemm ifisser perijodu ta' żmien biex tiġi proċessata l-applikazzjoni u ssir l-admission?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kull każ li japplika u jkun ċar li hu ta' natura urġenti kif qed tiddeskrivi l-Onor. Interpellant jiġi evalwat immedjatament fuq il-mertu tiegħu.

Operazzjonijiet tal-kataretti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għall-operazzjonijiet tal-kataretti? Meta ġiet updated l-aħħar darba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li skond is-Surgical Operations Register, ta' l-Isptar San Luqa, saru 890 operazzjoni tal-Kataretti fil-perjodu ta' bejn 1 ta' Jannar u l-31 ta' Ottubru 2006. Skond it-Tejatru ta' l-Isptar Karin Grech, kien hemm 188 pazjent fuq il-lista li rrifjutaw li issirilhom l-operazzjoni tal-kataretti meta ġew mgħajjta fil-perjodu ta' bejn 1 ta' Jannar u l-31 ta' Ottubru 2006. Dawn xorta waħda jibqgħu jidhru fuq il-lista sakemm issirilhom l-operazzjoni. Preżentament din il-lista jidhru fuqa 4110 pazjent u tiġi aġġornata kuljum. Il-Gvern qed jesplora metodi alternattivi biex jiżdiedu n-numru ta' operazzjonijiet.

Angiographies

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list għal investigazzjoni Angiography?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'kull każ li jeħtieġ Anġjografija tal-qalb jiġi assessjat u mpoġġi fuq waħda minn erba' listi:- a) immediate b) next day c) to be done while patient in hospital d) chronic and stable Għaldaqstant iż-żmien ta' stennija jiddependi minn kull każ individwalment. In-numru ta' pazjenti li qed jistennew taħt kategorija d biex issirlhom anġjografija tal-qalb huwa 1915.

Health centres — Tqassim ta' siringi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi minn kull health centre din is-sena lil persuni li jabbużaw mid-droga?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li t-total ta' siringi li tqassmi lil persuni li jabbużaw mid-droga minn kull health centre bejn Jannar u Ottubru tas-sena 2006 hu kif ġej: Health Centre Siringi li tqassmu Furjana 32369 Ħal Qormi 11056 Gżira 36510 Raħal Ġdid 55300 Bormla 21400 Mosta 17951 Rabat 5171

Asperina out of stock

Question

Jista' il-Ministru jara għalfejn l-asperina 75mg hija out of stock mill-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-asperina 75mg hija temporanjament out of stock minħabba li fl-aħħar sejħa għall-offerti li ħareġ il-Gvern ma kien hemm l-ebda offerta għal dawn it-tip ta' pilloli. L-offerti kollha kienu għall-pilloli enteric coated li d-dipartiment diġa' jixtri minn kuntratt ieħor. Bħalissa l-GPS ħarġu sejħa oħra għal dawn il-pilloli biex jinxtraw dirett minn barra minn Malta.

Sptar San Luqa — Każi ta' Food Poisoning

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22088 u jgħid fl-aħħar xahar kemm kien hemm każi ta' food poisoning fl-isptar San Luqa? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm każi ta' food poisoning fuq pazjenti u kemm kien hemm impjegati affettwati? X'kienet il-kawża?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-10, 11, 12 ta' Novembru 2006 d-dipartiment tas-Saħħa Pubblika ġie nfurmat li hemm numru ta' pazjenti residenti fl-Isptar San Luqa li kienu qegħdin ibatu b'gastroenterite. Meta dan id-dipartiment investiga dan l-avveniment, instab li kien hemm total ta' 45 każijiet ta' gastrioenterite f'pazjenti u żewġ każijiet f'impjegati. Testijiet fuq dawn il-każijiet irriżulta li dawn il-pazjenti kienu qegħdin ibatu minn Norovirus.

Xogħol ta' tindif

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21986 u 22092 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull kuntratt fid-dekasteru tiegħu dwar xogħol ta' tindif ta' sptarijiet, awtoritajiet, eċċ.?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Dfin ta' Feti

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22094 u jgħid: B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsijiet parlamentari 21534 u 21991, jista' il-Ministru jgħid kif, minkejja r-regolamenti msemmija, ġenituri li kellhom miscarriage tal-fetu wħud ingħataw il-fetu biex jieħdu ħsieb tad-dfin tiegħu filwaqt li oħrajn kellhom jidħlu f'diversi spejjeż biex iqabbdu kumissjonant biex jieħu ħsieb id-dfin? Għaliex saret din id-differenza? Fl-aħħar sena, kemm kien hemm każi fejn il-fetu ngħata lill-ġenituri biex jieħdu ħsieb id-difna? Fl-aħħar sena kemm kien hemm każi fejn tqabbad kummissjonant?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sistema li tintuża għal dawk il-ġenituri li jitilfu l-fetu kmieni fit-tqala huwa kif intqal fir-Risposta Parlamentari numru 21534. Ma kien hemm l-ebda differenza għaliex id-deċiżjoni hija tal-ġenituri u l-ebda ġenituri ma jiġu mġegħlin bilfors. Din is-sena n-numru ta' każi fejn il-ġenituri għażlu li jqabbdu kummisjonant kien ta' 4. Fil-waqt li 57 feti ser jindifnu bi dfin komuni fid-29 ta' Novembru 2006, b'għażla tal-ġenituri stess.

Birkirkara — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' il-Ministru jindaga għalfejn in-nies qed jingħataw il-boroż tal-mediċini (atonolol 100mg) bin-nieqes miċ-ċentru tas-saħħa ta' Birkirkara?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ispiżerija tal-Gvern ta' B'Kara qassmet ftit boroż ta' l-Atenolol 100mg li kien fihom pilloli nieqsa. Dan ġara għaliex it-tabletcounting machine kellha xi ħsarat u bdiet tqabbeż in-numri waqt li l-pilloli kienu qed jiġu ppakkjati f'boroż. Din il-ħsara issa issewwiet. Il-pazjenti li sabu pilloli nieqsa u li ġew lura l-ispiżerija, ingħataw spjegazzjoni ta' li ġara kif ukoll il-pilloli nieqsa li kellhom.

Tobba/speċjalisti mill-UE

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Medical Council ħareġ kondizzjoni li tabib/speċjalista mill-Unjoni Ewropea irid ikun jaf jitkellem bil-Malti bħala parti mill-kondizzjonijiet biex jingħata permess biex jeżerċita l-professjoni tiegħu f'Malta? Jekk fl-affermattiv, jidhirlu l-Ministru li tali regolamenti jmorru kontra r-regoli u l-ispirtu ta' l-Unjoni Ewropea u anke kontra l-Kostituzzjoni ta' Malta li tpoġġi l-lingwa Ingliża bħala lingwa uffiċjali tal-pajjiż mal-lingwa Maltija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Mediku b'mod ġenerali jitlob li tabib li jrid jirreġistra biex jipprattika f'Malta jrid ikun jaf kemm bl-Inġliż kif ukoll bil-Malti. Dan biex jiġi żgurat li jkun hemm komunikazzjoni tajba bejn it-tabib u l-pubbliku li jkun qed iservi u b'hekk jiggarantixxi livell ta' kura tajba għall-poplu Malti. F'każ li tabib ikun ser jaħdem fl-Isptar tal-Gvern fejn il-Kunsill għandu assikurazzjoni li tabib li ma jafx bil-Malti iżda jaf bl-Ingliż għandu min jista' jservi ta' interpretu għal dawk il-pazjenti li ma jafux bl-Ingliż, il-Kunsill joħroġlu liċenzja. F'każijiet eċċezzjonali l-Kunsill jagħti liċenzja lil tobba li ma jkunx jafu la bl-ingliż u lanqas bil-Malti bħal ma jiġri f'każijiet ta' tobba li jkunu qed jakkumpanjaw delegazzjonijiet barranin. Il-Kunsill jitfa obbligu fuq kull tabib li jkun jista' jikkomunika b'mod effettiv mal-pazjenti tiegħu u dan fl-interess tal-poplu Malti.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'liema kriterji jingħataw permessi lill-barranin biex jaħdmu l-isptar San Luqa meta dawn ma jafux jitkellmu bil-Malti? Għala din id-differenza u/jew diskriminazzjoni ma min irid jaħdem għar-rasu jew fi sptarijiet/kliniċi privati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tas-Saħħa meta toħroġ sejħa għall-ingaġġ ta' xi tabib fi kwalunkwe grad titlob li dan it-tabib ikun jaf kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti. Huwa biss meta ma jinstabx tabib li jista' jiġi ingaġġat b'dawn il-kriterji li jintgħażel tabib li jkun jaf biss bl-Ingliż. Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma għandha l-ebda diskrezzjoni fuq l-ingaġġ jew xogħol ta' tobba fis-settur privat. Nirreferi lill-Onor. interpellant għt-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22239.