Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #34034 Sitting 755 2002-06-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Alcohol

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar tnax-il xahar mill-1 ta' Ġunju 2001 kemm kien hemm persuni li fittxew għajnuna minħabba l-abbuż ta' l-alcohol? Kemm minn dawn il-persuni kienu diġa' talbu għajnuna qabel? Kemm kellu żmien l-akbar u kemm kellu l-iżgħar minn dawk li talbu l-għajnuna minħabba l-alcohol? Jiġi mistoqsi jekk dawn il-persuni jagħmlux xi attivita' sportiva jew le? Jekk iva, x'irriżulta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x'tip ta' "għajnuna minħabba l-abbuż ta' l-alkoħol" qed jirreferi għaliha.
Leg 9 PQ #34059 Sitting 755 2002-06-17 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Mediċina COSAAR

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi dwar it-talba skond schedule 5 għall-mediċina COSAAR għall-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta` natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Leg 9 PQ #34060 Sitting 755 2002-06-17 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Tagħmir

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tagħmir hemm fl-Isptar San Luqa, fl-Isptar Boffa, fl-Isptar Zammit Clapp u fl-Isptar Mount Carmel li hu stmat li jiswa aktar minn Lm100,000? Liema huwa u f'liema sena ġie stallat, każ b'każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #34115 Sitting 755 2002-06-17 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tas-Saħħa

Zammit Clapp — Qualified Nurses

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-qualified nurses li jaħdmu fl-Isptar Zammit Clapp bħala wholetimers se jiġu mġiegħla jaħdmu late duties meta minn dejjem kienu jaħdmu flexible hours fil-ħin ta' filgħodu biss? Jaf il-Ministru li jekk dan isir ikun qiegħed imur kontra l-kundizzjonijiet li kienu ngħataw lil dawn in-nurses fil-bidu ta' l-impjieg tagħhom fl-1991? Jaf li l-kundizzjonijiet oriġinali li jgawdu dawn in-nurses kienu ngħatawlhom billi dak iż-żmien il-gvern kellu bżonn nurses biex jaħdmu fl-isptar u biex iħajjar nurses miżżewġa li ma kenux qegħdin jaħdmu biex jerġgħu jibdew jaħdmu? Jaf il-Ministru li jekk se tiġi mwettqa xi bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jista' jnaffarhom milli jkomplu jaħdmu? Jista' jikkonferma li mhux qegħdin jiġu mpjegati aktar qualified nurses biex jissostitwixxu oħrajn li jirtiraw jew jieqfu mill-impjieg? Veru li qegħdin jiġu ngaġġati nursing aides minflok qualified nurses?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Management ta` l-iSptar Zammit Clapp iddiskuta din is-sitwazzjoni mal-Union konċernata u hemm qbil fuq din il-kwistjoni. Ma jirriżultalix li qegħdin jiġu mpjegati nursing aides minflok infermiera kwalifikati fl-iSptar Zammit Clapp. Infatti, hemm proposta mill-Management li tista` tirriżulta f'titjib tan-nursing ratio wara nofsinhar.
Leg 9 PQ #33949 Sitting 754 2002-06-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Tipjip Passiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm bħala Ministru u kemm bħala tabib, x'effett għandu d-duħħan minn sigarett ta' ħaddieħor fuq persuna li ma tpejjipx u li tkun viċin? X'qed tagħmel it-taqsima li tippromwovi l-ġlieda kontra t-tipjip biex turi lill-pubbliku, speċjalment liż-żgħażagħ, il-periklu tat-tipjip passiv?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Hemm madwar 4,000 kimika velenuża fid-duħħan li jipproduċi s-sigarett waqt li qed jinħaraq. F'dawn l-aħħar snin id-dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa ntensifika mal-pubbliku l-kampanja kontra t-tipjip passiv. Fil-fatt, ġew anke ippubblikati fuljetti b'tagħrif dwar din il-problema. Qed isiru wkoll interventi fuq il-postijiet tax-xogħol fejn id-dipatiment jiġi mitlub jagħti l-għajnuna tiegħu biex tiġi mnedija smoke free policy.
Leg 9 PQ #33992 Sitting 754 2002-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid jirriżultax li kien hemm xi problemi serji fix-xogħol tat-twieqi maħduma għall-isptar Mater Dei? X'kienu dawn il-problemi? Kemm kien hemm twieqi nvoluti? X'kien il-valur totali tagħhom? X'passi ttieħdu biex jiġu rrimedjati l-problemi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li hemm problemi għax-xogħol tat-twieqi maħduma għall-iSptar Mater Dei.
Leg 9 PQ #32346 Sitting 753 2002-06-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ħaddiema Tekniċi — Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu s-sigħat ta' overtime li saru matul is-sena li għaddiet mill-ħaddiema tekniċi, eċċ fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru? Kemm minn dawn is-sigħat tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ħadmu l-overtime u f'liema dipartiment sar dan l-overtime?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jien infurmat li n-numru ta' siegħat ta' l-'overtime' li saru matul is-sena li għaddiet fid-Diviżjoni tas-Saħħa kien hekk:- Dipartiment Numru ta' Haddiema li ħadmu overtime fl-2001 Numru ta' siegħat li nħadmu fl-2001 Numru ta' siegħat li tħallsu fl-2001 Head office* 190 20,155 18,253 M.C.H 366 154,544 153,003 PHC 1 1,095 560 Boffa Hosp. 60 5,101 5,101 SLH 1,553 199,438 197,386 TOTAL 2,170 380,333 374,303 * inklużi mal-Head Office hemm: GPS, Health Promotion, Health Information, Transport Section u Public Health.
Leg 9 PQ #33932 Sitting 753 2002-06-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mellieħa — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministu jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ fuq il-grada u l-ħajt ta' quddiem taċ-ċimiterju tal-Mellieħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor Interpellant li waqt laqgħa li kienet saret fid-9 ta` Frar 2001 għas Sindki tan-naħa ta` fuq ta` Malta flimkien mad-Deputati taż-żewġ naħat tal-Kamra kien ġie diskuss fost l-oħrajn ix-xogħol li kellu jsir fiċ-Ċimiterji tat-Tramuntana fosthom dak tal-Mellieħa. Waqt laqgħat oħra li saru bħala follow-up ta` dik il-laqgħa ġie deċiż li x-xogħol fuq il-ħajt ser isir fuq bażi voluntarja minn residenti, u li l-grada tinbidel b'waħda ġdida fil-futur qarib.
Leg 9 PQ #33947 Sitting 753 2002-06-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Imwiet kawża tat-tipjip

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kemm kien hemm imwiet f'Malta u Għawdex li huma ikkunsidrati li għandhom konnessjoni diretta mat-tipjip? Dawn il-figuri jinkludu wkoll dawk li mietu b'kawża ta' tipjip passiv? Jista' jagħti l-figuri għal Għawdex separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta` każijiet ta` mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta` l-Imwiet fl-ewwel erba` xhur tas-sena 2002 u li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta` 133 f'residenti Maltin u 7 f'residenti Għawdxin. Figuri fuq imwiet b'kawża ta` tipjip passiv m'humiex possibbli għaliex din l-informazzjoni diffiċli ħafna li tinġabar.
Leg 9 PQ #33948 Sitting 753 2002-06-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Tipjip fil-Pubbliku

Question

Għalkemm il-Ministru qal kemm-il darba, kemm f'din il-Kamra kif ukoll f'postijiet oħra, li se jgħaddi liġi li tikkontrolla ferm aktar it-tipjip speċjalment fil-pubbliku, meta beħsiebu iressaq il-liġi f'dan il-parlament? Japprezza l-Ministru li aktar ma jdum ma jieħu azzjoni aktar se jkun hemm nies li jimirdu minħabba dak li jissejjaħ "tipjip passiv"?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-abbozz tal-liġi jinsab fl-Uffiċċju ta` l-Avukat Ġenerali għall-fini ta` vetting. Sussegwentement, dan l-abbozz jitressaq fil-Parlament fiż-żmien opportun.
Leg 9 PQ #33921 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mellieħa — Tas-Sellun - Ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol li hemm ippjanat għar-riabilitazzjoni taċ-ċimiterju militari fl-inħawi tas-Sellun fil-Mellieħa biex ikun jista' jintuża mir-residenti tal-lokal? X'xogħol se jsir? Se jiġu offruti għall-bejgħ l-oqbra taċ-ċimiterju? Meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li hemm ippjanat għar-riabilitazzjoni taċ-Ċimiteru militari fl-inħawi tas-Sellun fil-Mellieħa, aktar magħruf bħala tal-Jugoslavi għadu qed jiġi studjat. Diskussjonijiet diġa' saru mal-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar x'permessi jkunu meħtieġa għax-xogħol eventwali. Ix-xogħol meħtieġ fuq oqbra, passaġġi, w soqfa huwa estensiv. Wara li tali xogħol jitlesta w in-numru ta' oqbra għall-bejgħ jiġi determinat, dawn jingħataw kif isir f'ċimiterji oħra tal-Gvern, skond il-waiting list li diġa' qiegħda tinżamm.
Leg 9 PQ #33936 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Poliklinika

Question

Jista' l-Ministru jivverifika l-ilmenti li saru fil-konfront tal-poliklinika ta' Bormla nhar is-sibt 1 ta' Ġunuu 2002, u dan għax ma nqdewx nies li marru għall-injections?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li skond investigazzjoni li saret jidher li fl-1 ta' Ġunju 2002 mar klijent bit-tarbija biex din tiġi mlaqqma fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Bormla. Jirriżulta li dak il-ħin l-infermiera kienet f'kamra oħra. Il-klijent, flok ma stenna fil-waiting room, kif wieħed mistenni li jagħmel, iddeċieda li jitlaq.
Leg 9 PQ #34014 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

X-rays

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-x-rays ta' pazjenti wara l-mewt tagħhom? Wara kemm żmien jiġu distrutti u kif jiġu meqruda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-proċedura ma nbidlitx ghal dawn l-ahhar snin. Ninsab infurmat li wara l-mewt ta' pazjenti, d-Dipartiment tar-Radjoloġija jieħu passi sabiex jiġi stabbilit jekk X-Rays ikinux suġġetti għal xi inkjesta Maġisterjali jew mitlubin bħala materjal għal tagħlim. F'każ li jiġi stabbilit li l-films ma jkunux meħtieġa, dawn jintbagħtu sabiex jiġi rkuprat il-fidda minnhom. Il-poċess jiġri bejn ġimgħatejn u tliet xhur mill-mewt ta' l-individwu.
Leg 9 PQ #34016 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-files personali tal-pazjenti li jmutu u li l-każ tal-mewt tagħhom ikun għaddej minn investigazzjonijiet tal-maġistrat? Wara kemm żmien jiġu distrutti u kif jiġu meqruda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-files personali tal-pazjenti li mietu, u li l-każ tal-mewt ikun għaddej minn investigazzjonijiet tal-Maġistrat, jittieħdu fuq struzzjonijiet tal-Qorti, mill-Maġistrat. Wara li tiġi konkluża l-investigazzjoni, il-files jiġu ritornati lid-Dipartiment u jiġu merfuha.
Leg 9 PQ #34017 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ħaddiema Boarde Out

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-files personali ta' dawk il-ħaddiema li jersqu quddiem il-bord biex jiġu boarded out minn mal-gvern? Wara kemm żmien jiġu distrutti u kif jiġu meqruda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-dokumenti li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant jiġu merfugħa f'post flimkien ma' dokumenti oħra.
Leg 9 PQ #34018 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-files personali tal-pazjenti wara li dawn imutu? Wara kemm żmien jiġu distrutti u kif jiġu meqruda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-files personali tal-pazjenti ma jiġux meqruda iżda jinżammu f'post apposta fl-iSptar Monte Carmeli.
Leg 9 PQ #32318 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Skejjel — Posters

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li fl-iskejjel primarji u sekondarji ta' l-istat m'hemmx posters b'term edukattiv dwar in-nutriment ta' l-ikel u l-importanza ta' l-ikel frisk, bnin u naturali? Kemm fil-fatt intnefaq f'reklamar dwar dan it-topiku matul dawn l-aħħar 5 snin sena b'sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa regolarment matul is-sena jibgħat fl-iskejjel materjal edukattiv, fosthom ukoll posters li jittrattaw aspetti varjati fuq is-saħħa. Rigward is-suġġett ta' l-ikel, f'dawn l-aħħar ħames snin saru dawn il-kampanji ewlenin: Fl-1993 tqassmu posters f'kull skola dwar il-piramida edukattiva ta' l-ikel li turi b'mod grafiku l-prinċipji marbuta man-National Food & Nutrition Policy (1998). Fl-1998 tqassmu posters f'kull skola bit-tema Kul Ħamsa Kuljum li kienet tinkoraġġixxi l-konsum ta' ħaxix u frott. Din il-kampanja ġiet imsaħħa fl-1999 b'materjal edukattiv dwar id-dieta Mediterranja fis-sena 2000 ġiet enfasizzata l-ħtieġa ta' eżerċizzju bil-kampanja Caqlaq din is-sena (2002) id-dipartiment riċentement nieda kampanja Ż omm il-bogħ od mill-kanċ er li wkoll rabtet fiha l-importanza ta' dieta tajba. Dan il-materjal dejjem ġie mqassam fl-iskejjel kollha. Dettalji ta' nfieq f'reklamar dwar dan it-topiku matul l-aħħar 5 snin, sena b'sena jinsabu fil-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #32319 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Triq Karmenu Dimech

Question

Peress li fl-inħawi ta Triq Karmenu Dimech u new street in bridge street, Mosta (Triq il-Ħtajriet) nħolqu ħafna ġrieden kawża tal-fawran tad-drenaġġ u trabijiet, ħmieġ u żgombru ieħor li hemm f'dawn l-inħawi tal-Mosta, jista' l-Ministru jinvestiga u jirrimedja għas-sitwazzjoni? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li wara spezzjoni li saret fl-inħawi ta` Triq Karmenu Dimech u Triq Ġdida fi Triq il-Pont (Triq il-Ħtajriet), Mosta mill-ispettur tas-Saħħa tar-Reġjun xi jiem ilu ma deherx li kien hemm xi fawran ta` drenaġġ. Probabbilment, l-Interpellant qiegħed jirreferi għal ilma li nġema` mal-ġenb ta` Triq il-Pont wara li għamlet ix-xita. Ma ġiex innutat xi skart jew żibel. Pero`, ġie kkonfermat li hemm akkumulu ta` trab u makkinarju fi triq ġdida fi Triq il-Pont, Mosta (li mhix asfaltata) fejn qiegħed jinbena rain water culvert mill-Gvern Ċentrali. FIl-jiem li għaddew ħaddiema mis-Sezzjoni tal-Pest Control wettqu trattament intensiv ta` tqegħid ta` velenu fit-toroq indikati. Trattamenti simili oħra kienu saru fl-istess inħawi fil-bidu ta` din is-sena. Il-problema ser tibqa` tiġi segwita sakemm l-infestazzjoni ta` ġrieden tiġi taħt kontroll.
Leg 9 PQ #33748 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tas-Saħħa

Pilloli Out of Stock

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33595, u jgħid fix-xhur ta' Marzu, April u Mejju liema kienu l-pilloli li kienu out of stock u kemm damu out of stock?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Leg 9 PQ #33766 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Pazjenta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-pazjenta anzjana li isimha qiegħed jintbagħat separatament li qiegħda fl-isptar San Luqa M6, ma hiex qiegħdha tuża sodda apposta biex jiġu evitati lilha bed soars bħal ma qed jingħataw pazjenti oħra u meta din ġa ilha fl-isptar 3 xhur shah?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.