Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27980 Sitting 598 2001-09-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont (f'siegħat u flus) ta' xogħol 'extra' li sar mill-membri tal-Korp tal-Pulizija mill-1 ta' Jannar 2001? Kemm-il pulizija se jibbenefika minn dan il-ħlas? Hemm pulizija li għad iridu jitħallsu ta' xogħol li għamlu qabel 1 ta' Jannar 2001?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif disponibbli huwa kif jidher fuq it-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi għad hemm dovuti Lm16,425 bħala ħlas ta` extra duty on payment li nħadem qabel Jannar 2001.
Leg 9 PQ #27981 Sitting 598 2001-09-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Reġistri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lukandi (stabbilimenti) kummerċjali u bini ieħor li huwa inmiżżel fuq ir-reġistri tal-Awtorita' tal-Ippjanar li inbnew mingħajr il-permessi meħtieġa? Jista' jelenka liema huma dawk li nbnew mingħajr il-permessi meħtieġa jew li parti mill-proġett ma kellux permess u fejn saret din il-kostruzzjoni fl-1999 - 2000 u 2001 s'issa? X'passi ttieħdu/se jittieħdu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi li bejn is-snin 1999 – 2001 kien hemm 2,263 bini li huma mniżżla fuq ir-reġistri tal-Awtorita` ta` l-Ippjanar u li kellhom xi ħaġa irregolari. Meta wieħed iqis il-permess maħruġ, uħud minn dawn inbnew bla permess. Uħud, għalkemm meta nbew ma kellhomx permess, inħareġ permess wara peress li l-iżvilupp kien wieħed li għalih jista` joħroġ permess. Lista oħra turi sena b`sena mill-1999 sa 2001 dawk l-istabbilimenti kummerċjali li ma kellhomx il-permess meħtieġ jew mhux mibnija skond il-permessi maħruġa, fejn sar il-proġett u x`azzjoni ttieħdet.
Leg 9 PQ #27982 Sitting 598 2001-09-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Xogħol extra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-ditti/banek/individwi eċċ kollha ħallsu għax-xogħol extra li għamlu l-pulizija magħhom mill-1 ta' Jannar 2001? Minn dak li tħallas, kemm diġa' għadda lill-memrbi tal-Korp tal-Pulizija? Jista' jelenka dawk li għadhom ma ħallsux għax-xogħol extra li sar fl-ewwel sitt xhur tas-sena u kemm għandu jagħti kull wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27980.
Leg 9 PQ #27983 Sitting 598 2001-09-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Batterija Ferretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-Dipartiment ta' l-Artijiet irrifjuta talba mill-Kunsill Lokali ta' B'Buġia sabiex propjeta' magħrufa bħala Batterija Ferretti fil-Qajjenza tgħaddi f'idejn l-istess Kunsill Lokali? X'inhi r-raġuni li l-istess dipartiment dam madwar sena u nofs sabiex irrisponda l-ittra mibgħuta mill-Kunsill Lokali ta' B'Buġia? Hemm xi ħadd ieħor li qed juri xi nteress f'din il-Batterija? Jekk iva, min?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-talba tal-Kunsill Lokali ta` Birżebbugia għad-devoluzzjoni favur tiegħu tal-Batterija Ferretti ġiet rifjutata wara li d-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` ikkunsidra l-valur tal-istess proprjeta`, il-potenzjal kummerċjali tagħha u l-ispiża li hemm bżonn biex l-istess Batterija tiġi restawrata u tinżamm fi stat tajjeb. Infurmat ukoll li ma jirriżultax li d-dipartiment qatt dam sena u nofs biex jagħti risposta lill-Kunsill Lokali għal xi talba tiegħu; infatti jirriżulta li kull talba da parti tal-Kunsill ġiet mogħtija risposta għaliha fi ftit ġranet. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, kien hemm sitt talbiet oħra minn individwi għal kiri tal-Batterija fosthom waħda mill-Iscouts Group ta` Birżebbugia, liema talbiet ġew kollha rrifjutati. Peress li sejrin jissejħu offerti biex din il-Batterija tiġi mogħtija b`ċens, mhux prudenti li jissemmew l-ismijiet ta` l-individwi li diġa` wrew interess.
Leg 9 PQ #27985 Sitting 598 2001-09-18 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Stabbilimenti Kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma dak li qal is-Sindku Nazzjonalista, is-Sur Paul Buġeja u li ġie irrapurtat fil-gazzetti fis-26 ta' Awwissu li fid-distrett tiegħi San Pawl il-Baħar/Qawra/Buġibba hemm 1025 stabbilimenti Kummerċjali li 700 minnhomm biss għandhom il-il-permessi meħtieġa bies joperaw? Għaliex l-Awtorita' tal-Ippjanar ma tieħux passi biex tara li dawn l-istabbilimenti jkollom il-permessi kollha?

Response (BORG, TONIO)

Ma nistax nikkonferma iċ-ċifra li ngħatat mis-Sindku ta` San Pawl il-Baħar minħabba li m`għandix informazzjoni ta` kif inħadmet iżda nagħmel referenza għat-tweġiba li jien tajt għad-domanda Parlamentari Nru. 27981 tas-Seduta tal-lum stess.
Leg 9 PQ #27875 Sitting 597 2001-09-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27759?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27759.
Leg 9 PQ #223 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi għar-raba' sular f'Marsalforn, Għawdex, f'toroq li ma humiex faċċata tal-baħar, bejn Mejju tas-sena 1987 u Settembru tas-sena 1996? Jista' jagħti l-ismijiet tat-toroq, l-ismijiet ta' l-applikanti u n-numri tal-applikazzjoni tal-PAPB jew tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar skond il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Is-sistema ta` informazzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma takkomodax din it-tip ta` informazzjoni u għalhekk huwa diffiċli sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni rikjesta.
Leg 9 PQ #224 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn jinstabu l-files ta' l-applikazzjonijiet li kienu jsiru għal permessi tal-bini li ċ-ċittadini Maltin għamlu fl-imgħoddi qabel ma twaqqfet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? F'każ li persuni jkollhom bżonn jagħmli ilmenti fuq xogħol, permessi jew kwalunkwi ħaġa oħra li fl-imgħoddi kien taqa' taħt ir-responsabilita' tal-Bord tal-PAPB, illum fejn jistgħu jsiru ilmenti ta' din ix-xorta? Skond il-liġi illum min hu ir-rappreżentant legali tal-PAPB?

Response (BORG, TONIO)

Il-files ta` l-applikazzjonijiet li kienu jsiru għal permessi tal-bini qabel ma twaqqfet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar jinstabu fil-kustodja ta` l-istess Awtorita`. Ilmenti ta` kull xorta dwar żvilupp jiġu milqugħa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, anke f`dawk il-każi fejn il-permess kien oriġinarjament inħareġ mill-PAPB. Illum il-ġurnata, skond kif ġie ritenut mill-Qrati tagħna, ir-rappreżentant legali tal-PAPB hu l-Ministru responsabbli għax-Xogħolijiet. Ta` min jispjega li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`hijiex is-suċċessura fil-liġi fl-obbligi u fid-drittijiet tal-PAPB ħlief għal dawk l-applikazzjonijiet li kienu għadhom pendenti għand il-PAPB meta twaqqfet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Minn mindu twaqqfet, u ċioe` fl-1992, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħadet taħt il-kustodja tagħha l-files eżistenti dakinhar għand il-PAPB.
Leg 9 PQ #226 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Drain Pipes

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi għandha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament biex tagħmel drain pipes fuq ħajt diviżorju u outflow ta' l-ilma ta' gallerija li jaqa' fuq bieb ta' ġar? Jekk dawn l-affarijiet huma bla permess x'passi ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar jew x'passi se tieħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret fir-residenza tal-persuna indikata mill-Onor. Interpellanti, ma jirriżultax li sar it-tip ta` xogħol kif imsemmi fil-Mistoqsija. Tajjeb li jiġi rramarkat li tali dettalji, ċioe` katusi ma` ħitan diviżorju u ilma li jaqa` minn galleriji, ma jikkonċernawx lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #242 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Triq il-Furnar — Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-vetturi bla pjanċi tan-numru u mitluqin li ilhom żmien twil fi Triq il-Furnar - Ħal Qormi, se jitneħħew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi msemmija mill-Onorevoli Interpellanti, tneħħew.
Leg 9 PQ #278 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni wara d-deċiżjoni li l-overtime lil pulizija tat-traffic reġa' tneħħa fi żmien ġurnata wara li kien għadu kif reġa' ġie ordnat li jibdew jitħallsu għalih?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-overtime lill-pulizija ma twaqqafx.
Leg 9 PQ #284 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Noise Pollution

Question

B'riferenza għal mistoqsijiet parlamentari nri. 25960 u 26351, partikolarment għat-tweġibiet li ġejt mogħtija minn żewġ ministri, jista' l-Ministru jgħid b'liema mod id-dipartiment qiegħed jara li tiġi kkontrollata għal livell aċċettabbli l-problema tan-noise polution, partikolarment f'areas residenzjalii u li huma semi-industrijali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagixxi fuq kull rapport li jista` jkollha dwar ħsejjes li jkunu qed idejqu lin-nies. Barra minn hekk, il-Pulizija wkoll tagħmel konsultazzjoni kemm ma` Dipartimenti Governattivi oħra kif ukoll mal-ġirien, meta tkun qed tipproċessa talbiet għal għoti ta` liċenzja sabiex ikunu eżerċitati xi snajja li jistgħu jdejjqu lill-ġirien.
Leg 9 PQ #286 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament għandhiex il-permessi meħtieġa għal tibdil li għamlet f'dar antika u fil-ġnien ta' l-istess dar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret ma jirriżultax illi sar xi tibdil strutturali ġewwa d-dar li rreferit għaliha l-Onor. Interpellanti, iżda nstab illi s-sid wettaq xi żvilupp fil-ġnien tan-naħa ta` wara ta` l-istess dar. Dan l-izvilupp jikkonsisti fi tqegħid ta` pjattaforma tal-konkos fuq wiċċ il-ħamrija u ta` pilastri vertikali biex iżommu tinda li pero` sa meta saret l-ispezzjoni kienet għadha ma ssaqfitx. Hemm ukoll bdil fl-użu materjali tal-post minn ġnien għal spazju fejn qed jinżamm metal, partijiet minn makkinarju u inġenji. Għaldaqstant ser jinbdew proċeduri ta` infurzar skond l-Att dwar l-Iżvilupp kontra l-persuna responsabbli (ECF 902/01).
Leg 9 PQ #296 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Sta Venera — Triq Carini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inhija klassifikata Triq Carini f'Sta Venera, jiġifieri hiex residenzjali jew inkella semi-industrijali?

Response (BORG, TONIO)

Iz-zoning ta` Triq Carini m`huwiex indikat fuq l-Iskema ta` Żvilupp għal Santa Venera, u fil-fatt dan iz-zoning lanqas ma kien indikat fuq l-iskemi preċedenti illi jkopru din il-lokalita`. Madankollu huwa nnotat illi l-karattru predominanti ta` din it-triq huwa wieħed residenzjali u għalhekk kwalunkwe proposta ta` żvilupp f`din it-triq trid tkun kompatibbli ma` dan il-karattru.
Leg 9 PQ #297 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Servizzi Sigrieti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba iltaqa' l-Kumitat dwar is-Sigurta' skond kif stipulat fl-Att dwar is-Servizzi Sigrieti f'Malta u wkoll jekk ir-rapport annwali mill-Kap tas-Servizzi Sigrieti f'Malta sarx b'mod regolari kull sena minn meta daħal l-att fis-seħħ?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru ikkonċernat, filwaqt li dwar ir-rapporti annwali ninsab infurmat illi sa issa saru tlett rapporti - wieħed li jkopri l-perijodu 1996 - 1998, wieħed għas-sena 1999 u l-ieħor għas-sena 2000.
Leg 9 PQ #303 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iscrapyards li għandhom permessi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex joperaw fil-Ħandaq, Ħal Qormi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi m`hu rekordjat l-ebda permess mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal ‘scrapyard’ fil-Ħandaq, Ħal Qormi.
Leg 9 PQ #304 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-barrieri f'Tal Ħandaq, f'Ħal Qormi li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tagħhom permess biex jordmu? X'inhuma r-regolamenti li jirregolaw? X'tip ta' irdim jintuża? Kif isir il-monitoring min-naħa ta' l-Awtorita' biex jiġi assigurat li jsir irdim regolat. ie. dwar materjal li jintefa' bħala rdim?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma ħarġet l-ebda permess sabiex isir xi rdim ta` barrieri ġewwa l-Ħandaq, Ħal Qormi. Il-proċedura hija, li s-sidien tal-barrieri antiki li jkunu qattgħu l-barriera bil-liċenzja jistgħu japplikaw għand l-Awtorita` permezz ta` applikazzjoni. Din tiġi proċessata normali b`konsultazzjoni mal-EPD (Environment Protection Dept.). Ir-regolamenti għal din l-attivita` huma l-Kodiċi ta` prattika għal xogħol ta` restawrazzjoni tal-barrieri u riċiklaġġ ta` skart inert. Il-materjal li jintuża huwa terrapien li jiġi mill-Industrija tal-Kostruzzjoni u dan it-tip ta` materjal BISS huwa aċċettabli. Il-monitoring ta` din l-attivita` hija r-responsabbilita` tal-EPD li flimkien ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u l-Water Services Corporation jaraw li l-kundizzjonijiet tal-permessi jiġu rispettati, l-aktar minħabba l-ilma tal-pjan.
Leg 9 PQ #306 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema użu l-ħanut nru 4 fil-Qasam tad-Djar ta' Farżina, Ħal Qormi qed jinkera mill-Gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħanut illi rreferit għalih l-Onor. Interpellanti huwa mikri biex jintuża bħala Hair Dressing Salon.
Leg 9 PQ #314 Sitting 596 2001-09-17 Written · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Eureka Services Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħlasijiet li jsiru għar-riċerki mingħand l-Eureka Services Ltd jirċivhom u jirilaxxja riċevuta d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħlasijiet tat-tariffi jirċivihomx il-Gvern ta' Malta jew il-kumpanija Eureka Services Ltd għaliex sa ftit żmien ilu l-ħlasijiet kienu jsiru lil Eureka Services Ltd direttament? X'inhi r-raġuni li wasslet għal dan il-kambjament?

Response (BORG, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-riċerki msemmija qed jiġu ordnati u maħruġa mir-Reġistru Pubbliku skond l-Avviż Legali 261 tas-sena 2000, u l-ħlasijiet qed isiru a bażi ta` l-Avviż Legali 262 ta` l-istess sena 2000.
Leg 9 PQ #27858 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Persuni fuq Probation

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27716, jista' l-Ministrtu jagħti l-etajiet tal-persuni li huma fuq probation għal kull probation officer kif mogħtija fit-tweġiba msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.