Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lukanda Windsor — Ħlas ta' pagi

Question

Filwaqt li napprezza l-azzjoni li beħsiebu jieħu d-Dipartiment tax-Xogħol kontra s-sidien tal-lukanda Windsor fil-qrati Maltin dwar dewmien esaġerat tal-pagi tal-ħaddiema, jista' l-Ministru jinvestiga mill-ġdid rapporti li wasluli li huwa biss issa li tħallsu l-pagi ta' Jannar? Apparti minn hekk, ħafna ħaddiema għad iridu jitħallsu bejn ħames u sitt xhur overtime filwaqt li allegatament il-manager tal-lukanda qed javviċina lill-ħaddiema biex jistaqsihom jekk minflok ikomplux jaħdmu full time humiex lesti li jaqilbu part time biex b'hekk jiffranka l-kontribuzzjoni tal-bolla u ħlas ta' benefiċċji oħra.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn investigazzjonijiet dwar dan il-kaz irrizulta li l-pagi ta’ Jannar 2007 tħallsu fl-14 ta’ Mejju 2007, minbarra fil-kaz ta’ zewġ ħaddiema li l-paga tagħhom għadha pendenti. Ta’ min jinnota li f’din il-lukanda l-overtime li jkun inħadem f’xahar partikulari, jitħallas mal-paga tax-xahar li jkun imiss. (ez. is-salarju ta’ Frar jinkludi fih l-overtime li jkun inħadem fix-xahar ta’ Jannar.) Id-Dipartiment xorta għadu qiegħed jinvestiga dwar pagi li jistgħu jibqgħu ma jkunux tħallsu fiz-zmien dovuti u li għalihom għadha ma ħargitx akkuza. Id-Dipartiment ser jieħu l-passi kollha neċessarji jekk jirrizulta li jkun hemm xi irregolaritajiet oħra rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-impjegati. Deċizjoni rigward bdil fil-kuntratt tax-xogħol iridu jittieħdu permezz ta’ ftehim bejn l-employer u l-impjegat.

Facilitators Għawdxin

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26225, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawk il-facilitators Għawdxin li ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex u jindika d-data tat-trasferiment?

Response (GALEA, LOUIS)

Le, mhux il-kaz li t-tagħrif jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Facilitators Għawdxin

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26227 u għar-risposta relattiva, jista' l-Ministru ġentilment jirrispondi għat-tieni parti tad-domanda u jgħid f'liema skejjel f'Malta qegħdin posted il-125 facilitator Għawdxin?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lingwa Ingliża

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25749, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li nfurmaw lill-Bord li jissorvelja l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż bħala lingwa barranija fl-ewwel erba' xhur tas-sena? Kemm saru korsijiet fl-istess żmien u kemm kien hemm studenti f'kull kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn is-sitt skejjel li jgħallmu l-Ingliz bħala lingwa barranija, fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2007, infurmaw li saru korsijiet tat-TEFL għall-għalliema prospettivi: Bell International (Malta) Centre; European Centre (Malta); EF International School of English; Inlingua School of Languages; Institute of English Language Studies u Skylark - Mediterrenean School of English. Saru sitt korsijiet li fihom kien hemm 167 student. Informat ukoll li b'kollox bejn l-1 ta' Jannar 2007 sat-30 ta' April 2007, 167 student attendew għal dawn is-sitt korsijiet.

Skejjel ta' l-istat — Assenteiżmu

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 25744 u 24803 u jagħti dettalji dwar l-assenteiżmu fit-tieni term tas-sena skolastika fl-iskejjel ta' l-istat imqassma fi primarji u sekondarji? Jista' jagħti wkoll informazzjoni f'liema skejjel kien hemm persentaġġ għoli ta' assenteiżmu? X'passi konkreti qed jittieħdu fil-konfront ta' studenti li qed ikunu assenti b'mod regolari?

Response (GALEA, LOUIS)

Tingħata tweġiba f'xi Seduta oħra.

Laboratorji tax-xjenza — ERDF

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal il-programm li kien sar fuq il-laboratorji tax-xjenza fl-iskejjel sekondarji li għalihom kien hemm fondi ġejjin mill-ERDF? Jista' jgħid ukoll jekk tlestiex l-audit tal-laboratorji f'Diċembru 2006 u Jannar 2007? Jekk fl-affermattiv jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-programm tal-fondi Ewropej 2007-2013 li jista' jkopri l-laboratorji għad iridu jsiru s-sottomessjonijiet tal-proposti la darba toħroġ is-sejħa. Bi preparazzjoni għat-tfassil tal-proġett imsemmi sar Gap Analyse mid-Dipartiment tal-Kurrikulu, liema eżerċizzju hu intern.

Skola Sir Adrian Dingli — Tuck Shop

Question

Jista' l-Ministru jara li abbuż li qed isir fit-tuck shop ta' l-iskola Sir Adrian Dingli f"Pembroke ma jibqax isir fejn jinbiġħu prodotti skaduti u anke qed titneħħa l-expiry date minn fuqhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fit-Tuck Shop imsemmi saret spezzjoni mill-amministrazzjoni ta' l-iskola. Kien hemm prodott wieħed biss li ma kellux data fuqu u dan ġie mneħħi minnufih.

Universita' ta' Malta — Boroż ta' studju

Question

Peress li ta' kull sena, l-Universita' ta' Malta tagħti numru ta' boroż ta' studju (scholarships) lill-impjegati tagħha, kemm fi gradi akkademiċi kif ukoll dawk mhux akkademiċi, bil-għan li dawn ikomplu jitħarrġu u jtejbu l-kwalifiki tagħhom fuq il-post tax-xogħol u peress li l-Universita' hija ffinanzjata mill-fondi ta' l-istat, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dettaljata, sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, kemm kien hemm impjegati ta' l-Universita' ta' Malta li applikaw u kemm ibbenefikaw minn din l-iskema? Jista' jagħti l-ispiża annwali ta' kull individwu, il-kriterji ta' l-għażla u tagħrif ieħor ġenerali fuq l-istudji u l-grad/post tax-xogħol ta' l-applikanti? Għaldaqstant, jista' jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-perijodu bejn l-1997 u s-sena 2007 skond dawn id-dettalji li ġejjin? 1. X'inhuwa n-numru ta' applikanti (maskili u femminili) għall-boroż ta' studju maħruġa mill-iStaff Development & Scholarships Committee tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta' l-Universita' ta' Malta għal matul il-perijodu 1997 sa l-2007? 2. X'inhu n-numru ta' applikanti magħżula u minn liema Dipartiment u/jew Istitut u/jew Fakulta' dawn kienu ġejjin għal matul il-perijodu 1997 sa l-2007? 3. X'kienu ċ-ċertifikati, diploma jew degrees universitarji li ġew miksuba fi tmiem il-kors jew riċerka ta' kull applikant magħżul/a għall-perijodu bejn l-1997 u s-sena 2007? 4. X'kienu l-perijodi tal-korsijiet jew riċerka, u jekk l-istudju kienx fuq bażi full-time jew part-time għal dan l-istess perijodu? 5. Liema huma l-istituzzjonijiet (universita', kulleġġ, eċċ) fejn sar jew qed isir l-istudju? 6. Kemm mill-impjegati rnexxielhom jiggradwaw u kemm irriżenjaw matul dan il-perijodu? 7. X'kienet u/jew x'inhi l-ispiża annwali ta' kull kors (safar, tuition fees, eċċ) 8. X'kienu u x'inhuma l-kriterji li fuqhom issir l-għażla ta' l-applikanti għal dawn il-korsijiet, studju u/jew riċerka?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li x-xogħol meħtieġ biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jieħu ħafna żmien, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Facilitators Għawdxin

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26225 u għar-risposta relattiva, jista' l-Ministru ġentilment jirrispondi t-tieni parti tad-domanda u jgħid kienx hemm xi raġuni għal dan it-trasferiment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-raġuni hi l-esiġenzi tas-servizz u bzonnijiet oġġettivi.

Sponsorship

Question

Meta xi student jew student jirbaħ sponsorship bħal fil-każ ta' xebba li ntgħażlet għal xi żmien taħt scholarship Taljan mal-Collegio Del Mondo Unito Dell'Adriatico tal-United World Colleges, il-Gvern Malti ma jistax jħallas jew għall-inqas jissussidju parti mill-ispejjeż taż-żewġ vjaġġi bir-return li hi ntitolata li tagħmel fis-sena minn u lejn pajjizha?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li kif jaf l-Onor. Membru l-Gvern jagħti għajnuna mill-akbar lill-istudenti biex ikomplu l-istudji tagħhom, inkluz permezz ta' scholarships, kazijiet bħal dak imqanqal mill-Onor. Membru jista' jiġi trattat biss fuq il-merti tiegħu wara li jkun konsidrat mill-Bord għall-għotjiet ta' Manteniment lil studenti kif jitolbu r-Regolamenti.

Tfal ta' refuġjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal ta' refuġjati li qegħdin jattendu skejjel ta' l-Istat f'pajjiżna? F'liema skejjel qed jattendu? Hemm xi tfal li qed jattendu skejjel tal-knisja? Jekk fl-affermattiv, kemm huma?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm 77 tfal ta' refuġjati li qegħdin jattendu fl-iskejjel ta' l-Istat u 4 f'dawk tal-Knisja.

Rapport tal-MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwar xi proposta jew oħra li kienet saret fir-rapport fuq il-MATSEC? Jekk iva, liema kienu u meta huwa maħsub li jibda jseħħ it-tibdil?

Response (GALEA, LOUIS)

Bħalissa qed isir xogħol biex jissaħħu l-istrutturi tal-MATSEC bl-iskop li jkunu jistgħu jitwettqu Rakkomandazzjonijiet oħra li hemm fir Rapport imsemmi.

Xogħol part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies li għandhom xogħol part-time barra x-xogħol prinċipali tagħhom? Kemm huma nisa u kemm irġiel? Kemm minn dawn huma taħt il-25 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, sa l-aħħar ta’ Novembru 2006 kien hemm 19,608 persuni li kellhom xoghol part-time barra x-xoghol prinċipali taghhom. Minn dawn 14,291 kienu irġiel u 5,317 kienu nisa. Kien hemm 3,195 persuna taħt il-25 sena.

Skejjel primarji — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm klassijiet f'kull skola primarja separatament u kemm hemm studenti f'kull klassi separatament għal kull skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' tfal f'kull klassi ivarja skond il-bżonn u ċ-ċirkostanzi fil-parametri tal-Ftehim Kolletiv ta' l-għalliema.

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema fil-livell primarju skond is-sena li qed jgħallmu fiha skola, skola? Jista' jgħid ukoll kemm hemm għalliema fl-iskejjel sekondarji u jagħti din l-informazzjoni skond is-suġġetti li qed jgħallmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat hekk : Sena Primarja 1 128 2 135 3 137 4 143 5 151 6 150 7 18 Nru. ta' għalliema: 862 Fil-livell sekondarju statali hemm 2,015 għalliema għad-diversi suġġetti, filwaqt li fil-livell post-sekondarju hemm 97 għalliema.

Giovanni Curmi Higher Secondary — Apparat tal-laboratorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jintbagħat l-apparat tal-laboratorji tal-Bioloġija fiż-żewġ laboratorji li jinsabu fil-parti l-ġdida ta' Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar? Jista' jgħid ukoll meta ħarġet it-tender? Meta huwa maħsub li l-apparat ikun f'postu u jibda jintuża mill-istudenti u l-għalliema tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa qed issir verifika ta' l-ispecifications ta' l-apparat konċernat bl-iskop li jsiru l-proċeduri meħtieġa ħalli l-laboratorji jkunu funzjonabbli fis-sena skolastika li jmiss.

Lukanda Windsor — Ħlas ta' pagi

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li hemm ħaddiema tal-lukanda Windsor f'Tas-Sliema li wara li damu sa tmiem April biex tħallsu l-pagi ta' Novembru u Diċembru tas-sena l-oħra, sad-data li fiha qed nagħmel din il-mistoqsiha għadhom ma tħallsu ebda salarju għax-xogħol kollu li għamlu din is-sena? Fi kliem ieħor, sa nofs Mejju għadhom lanqas biss ħadu l-paga ta' Jannar 2007? Jekk din l-allegazzjoni hija fl-affermattiv x'passi konkreti ser jieħu l-Ministeru tiegħu u d-dipartiment tax-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta’ l-Impieg jaf b’dan il-kaz u l-investigazzjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat. Ser tittieħed kwalunkwe azzjoni necessarja bil-Qorti.