B'riferenza għall-każ ta' diplomatiku Malti fi Tripli, fejn jien ma għedtx li hu ma ngħatax diplomatic passport - għax dak ingħata mill-awtoritajiet Maltin - iżda li ma ngħatax għarfien mill-awtoritajiet Libjani, jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jiġi recalled Malta x-xahar id-dieħel?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Iva, dan id-diplomatiku għandu jirritorna Malta f'Novembru.
Fid-dawl tat-tibdiliet li għaddejjin fil-Libja, jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux qed jikkonsidra li għandu jagħmel rethinking ta' l-istrateġija tagħna lejn dan il-pajjiż permezz ta' re-positioning xieraq? Jekk iva, jikkonferma li dan għandu jsir b'konsultazzjoni ma' l-istakeholders kollha konċernati, inkluż is-settur privat?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Gvern Malti, permezz tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, qed jifformola l-miri strateġiċi tal-politika barranija ta' Malta fis-settur politiku, ekonomiku u soċjali. Il-politika barranija li tirrigwarda l-Libja hija inkwadrata f'dan il-kuntest ġenerali imma wkoll, b'mod partikolari, tieħu in konsiderazzjoni t-tibdiliet li qed iseħħu f'dak il-pajjiż f'diversi oqsma.
F'laqgħat riċenti tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tajt relazzjoni ta' kif il-Gvern qed jaħdem biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet ta' Malta mal-Libja, u kif ir-rilevanza ta' din ir-relazzjoni għandha tkompli tikber fil-kuntesti l-ġodda kemm ta' Malta kif ukoll tal-Libja. Konsultazzjoni ma' l-istakeholders inkluż is-settur privat diġa bdiet issir permezz ta' laqgħat mal-Kamra tal-Kummerċ kif ukoll mal-Kmamar tal-Kummerċ Maltija-Libjana u Għarbija-Libjana. Dan huwa proċess 'on going' u laqgħat oħrajn isiru skond il-bżonn.
EU — Rappreżentant Permanenti Malti - Mobile Phone
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa tar-rappreżentant permanenti Malti fl-Unjoni Ewropea fuq il-mobile phone/s li juża personalment, mill-ħatra tiegħu sal-lum?
Response (FRENDO, MICHAEL)
In-nefqa mħallsa mill-Ministeru kienet ta' LM75.98.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7407 dwar id-double taxation agreement ma' l-Istati Uniti, jista' il-Ministru jikkonferma x'kienet ir-reazzjoni tal-gvern Amerikan permezz tas-segretarju ta' l-Istat Colin Powell meta l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin qajjem dan is-suġġett waqt il-laqgħa li kellu miegħu?
Fuq liema livell qed ikomplu d-diskussjonijiet dwar dan il-ftehim?
Kemm saru laqgħat, meta saru u ma' min saru mil-laqgħa tal-Ministru ma' Mr Powell 'il hawn?
X'kien is-sehem ta' l-Ambaxxatur Malti f'Washingon dwar dan kollu?
Huwa minnu li l-gvern Amerikan huwa tal-fehma li sta għall-gvern Malti u għall-kumpanniji Amerikani interessati li jinvestu Malta biex jagħmlu l-lobbying meħtieġ f'dan ir-rigward?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Is-suġġett tad-Double Taxation Agreement tqajjem mill-Ministru John Dalli fiż-żjara li għamel fl-Istati Uniti fejn iltaqgħa, fost oħrajn, mas-Segretarju ta' l-Istat Amerikan Colin Powell fl-Amerka. Id-diskussjonijiet dwar Double Taxation Agreement għadhom għaddejjin.
Dawn id-diskussjonijiet qed jitkomplew fuq livell diplomatiku bejn iż-żewġ pajjiżi, ma' l-Istate Department Amerikan.
Minn meta ltaqa' il-Ministru Dalli mas-Segretarju ta' l-Istat Amerikan Powell, il-kwistjoni tad-Double Taxation Agreement ġiet diskussa waqt laqgħa li nżammet fl-Ambaxxata f'Washington fid-19 t'Awwissu 2004 bejn l-Ambaxxatur John Lowell u s-Sur Glyn T Davies, Deputat Assistant Segretarju għall-Affarijiet Ewropej fl-Istate Department Amerikan.
L-istess kwistjoni ġiet diskussa wkoll f'laqgħa li l-Ambaxxatur kellu fl-Ambaxxata nhar it-13 ta' Settembru 2004 ma' Ms Kathleen Allegrone, Direttur għall-Affarijiet Ewropej u Reġjonali fl-Istate Department Amerikan u Ms Jane Zimmerman, id-Deputat Direttur.
Fis-6 t'Ottubru 2004 kelli laqgħa ma' l-ex Senatur Amerikan Birch Bayh. Għal din il-laqgħa attendew uffiċċjali mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Ambaxxatur ta' Malta f'Washington. L-Ambaxxatur Malti f'Washington ikkoordina din il-laqgħa.
Matul is-sena 2003 l-Ambaxxatur John Lowell żamm żewġ laqgħat fuq din il-kwistjoni mat-Teżor Amerikan.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-rappreżentant permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea jagħmilx użu minn karozza bullet proof fi Brussels? Jekk fl-affermattiv, kemm inxtrat din il-karozza?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija numru 7409.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-indirizz tar-residenza uffiċjali tar-rappreżentant permanenti ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Kemm qiegħed jinkera dan il-post kull xahar?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt fil-Mistoqsija numru 6904.
Ambaxxata Maltija fl-Awstralja — Każ ta' Sexual Harassment
Question
Billi l-Ministru għarrafna li fil-każ ta' l-allegat każ ta' sexual harassment konness ma' staff member ta' l-Ambaxxata Maltija fl-Awstralja l-akkuża kienet ġenerika u mhux ipprovata, jista' jikkonferma li l-persuna li allegatament kienet sexually harassed ġiet offruta severence pay minn uffiċjal għoli ta' l-ambaxxata biex titlaq bil-kwiet u l-każ imut fuq ommu?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Jiena nfurmat li ma jirriżultax li l-persuna li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaliha ingħatat, jew ġiet offerta, xi severence pay.
Brussells — Rappreżentanza permanenti ta' Malta fl-UE
Question
Jista' il-Ministru jgħid min hu responsabbli fir-rappreżentanza permanenti ta' Malta fl-Unjoni Ewropea fi Brussell biex isegwi dak kollu li hu relatat mat-turiżmu li huwa qasam tant importanti għall-ekonomija ta' pajjiżna?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Qasam tat-Turiżmu m'għandux kompetenza Komunitarja diretta fl-Unjoni Ewropea iżda huwa qasam li jiġi regolat mill-pajjiżi Membri.
L-iktar Council Formation qrib tal-qasam tat-Turiżmu huwa l-Competitiveness, li fost responsabbiltajiet oħra, jamminsitra l-acquis fejn jirrigwarda l-Intrapriżi żgħar u medji, li taħtu huwa kkunsidrat li jaqa t-Turiżmu. Għalhekk, fir-Rappreżentanza Permanenti, ir-resonsabbilta għas-settur tat-Turiżmu taqa' taħt il-Competitiveness Unit.
Ser ikun hemm Technical Attache' ġdida f'dan il-Unit b'effett mill-ewwel ta' Novembru, 2004.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jieħu biex fl-għoti ta' permessi biex vapuri tal-gwerra jżuru pajjiżna għas-sena d-dieħla, tingħata konsiderazzjoni lill-wasla fostna ta' vapuri tal-passiġġieri biex dawn ta' l-aħħar jingħataw iżjed importanza mill-vapuri tal-gwerra u ma jibqax ikollna każi fejn vapuri tal-gwerra jorbtu fl-aħjar postijiet waqt li tal-passiġġieri jintbagħtu f'postijiet mhux addattati u li jagħmlu ħsara lill-isforzi li qed isiru biex Malta ssir ċentru ta' żjajjar ta' vapuri tal-passiġġieri?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Id-deċiżjoni ta' fejn jintrabtu il-vapuri tal-gwerra ma taqgħax taħt ir-responsabbilita ta' dan il-Ministeru.
Jista' il-Ministru issa jirrispondi mistoqsija parlamentari 7104 u cioe' jgħid mill-estimi li għamel il-gvern kemm hu mistenni jonfoq fuq l-ambaxxata Maltija għall-UE f'Dar Malta fi Brussels in konnessjoni ma' l-istallar ta' hi-tech security systems, IT, telecommunications infrastructure u furniture and fittings - separatament?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Ministeru għadu qiegħed jiġbor l-informazzjoni meħtieġa, pero' kif diġa' ddikjara l-Gvern, l-ispiża totali tar-refurbishment tal-bini kollu (li ma jinkludiex biss l-Ambaxxata tal-Belġju u l-Lussemburgu u r-Rappreżentanza Permanenti Maltija għall-Unjoni Ewropea) mhux se taqbeż iż-żewġ miljuni u nofs Maltin
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri tal-gwerra din is-sena? X'tip kienu u ta' liema nazzjonalita'?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Bejn Jannar 2004 u l-11 ta' Ottubru 2004, daħlu 69 vapur militari li ġew mill-Bulgarija, Danimarka, l-Federazzjoni Russa, Franza, Ġermanja, Greċja, l-Ingilterra, Istati Uniti, Italja, Kanada, Marokk, Portugal, Rumanija, Spanja, Svezja u Turkija.
It-tip ta' dawn il-vapuri kienu varji fosthom Destroyers, Frigates, Auxiliaries, Amphibious, Cruisers, Mine Sweepers, Mine Hunters, Corvette, Submarines, Patrol Boats, Tug Boats, Aircraft Carriers, Training Ships, Replenishment Vessels u oħrajn.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-problemi li għad fadal fil-ħruġ ta' visa għal dawk il-Maltin li jixtiequ jivjaġġaw lejn il-Libja? X'hemm ippjanat fil-ġimgħat li ġejjin biex jinħallu dawn il-problemi?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Fl-aħħar żjara li saret fil-Libja minn delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Prim Ministru, n-naħa Maltija ressqet proposta ġdida dwar il-ħruġ tal-Visas, biex taġġorna l-ftehim eżistenti.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-Ministru Dalli kien iltaqa' mas-segretarju ta' l-Istat Amerikan Colin Powell kien tqajjem il-każ tad-double taxation agreement ma' l-Istati Uniti? Jekk iva, xi żviluppi kien hemm minn dak iż-żmien 'il hawn dwar din il-materja?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Malta għandha fis-seħħ 44 ftehim ta' Double Taxation filwaqt li hemm 16-il ftehim ieħor li qegħdin jiġu negozjati bħalissa.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan is-suġġett kien tqajjem mill-Ministru John Dalli waqt il-laqgħa li kellu mas-Segretarju ta' l-Istat Amerikan Colin Powell fl-Amerka. Jien infurmat li fil-każ ta' l-Amerka, id-diskussjonijiet dwar Double Taxation Agreement għadhom għaddejjin.
L-aħħar Double Taxation Agreement li ġie ffirmat kien ma' l-Islanda f'Settembru ta' din is-sena u ninsab infurmat li dan il-ftehim se jħalli impatt pożittiv fuq kumpanniji mill-Islanda li għandhom investiment f'pajjiżna.
Jista' il-Ministru jikkonferma li r-rappreżentant permanenti Malti fl-UE għandu miegħu nies u karozza tas-sigurta' apparti mill-karozza tiegħu - kif kienet id-drawwa li jagħmel f'Malta? Jekk fl-affermattiv, kemm qed jiġi jiswa lill-kaxxa ta' Malta dan is-servizz?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Din l-informazzjoni ma tistax tingħata fil-pubbliku minħabba raġunijiet ta' sigurta'.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern talabx deroga mingħand l-EU biex ma jsirux traduzzjonijiet tal-lingwa Maltija? Jekk fl-affermattiv: 1) għalkemm intalbet din id-deroga; 2) meta ntalbet din id-deroga; 3) x'wassal biex tintalab din id-deroga?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-bżonn għal din id-deroga temporanja nħass wara kuntatti bejn l-awtoritajiet Maltin u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fejn deher ċar li minħabba diffikultajiet biex jiġu reklutati biżżejjed tradutturi Maltin fi żmien relattivament qasir, l-istituzzjonijiet ma kienux se jkunu f'pożizzjoni li jiggarantixxu t-tfassil bil-Malti ta' l-Atti kollha addottati mill-istituzzjonijiet.
Id-deroga tagħti lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea perjodu transitorju ta' tlett snin li bdew jiskorru mill-1 ta' Mejju 2004 li matulhom l-istituzzjonijiet mhux se jkunu marbuta bl-obbligu li jfasslu l-Atti kollha bil-Malti u li jippubblikawhom bil-Malti fil-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Din id-deroga ma tapplikax għar-Regolamenti li huma adottati flimkien bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u għalhekk dawn iridu jkomplu jiġu mfassla bil-Malti.
Fi tmiem dan il-perijodu transitorju ta' tlett snin, dawk l-Atti kollha li sa dak iż-żmien ma jkunux ġa ġew ppubblikati fil-lingwa Maltija, għandhom jiġu ppubblikati f'din il-lingwa.
Din id-deroga ma taffettwax bl-ebda mod l-istatus tal-lingwa Maltija bħala lingwa uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-Libja il-ħruġ tal-visas huwiex qed isir mill-ambaxxata jew mill-Konsulat? Meta nfetaħ il-konsulat u jekk għadu ma nfetaħx, x'qed iżommu milli jinfetaħ u meta mistenni li jibda jopera?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Konsolat Malti fi Tripli nfetaħ mill-Prim Ministru waqt iż-żjara tiegħu fil-Libja fil-5 ta' Ottubru. Il-ħruġ tal-Visas issa qed isir mill-Konsolat.
Il-Gvern Malti ħass li għandu jinvesti f'dan il-Konsolat biex ċittadini Libjani li jkollhom bżonn Visa għal Malta jkunu jistgħu jinqdew aħjar.
Il-gvern għandu f'idejh kopja tar-rapport taż-żjara tar-rappreżentant tal-UNHCR li kien għamel f'Malta u jekk iva, dan jista' jitqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Jiena nfurmat li l-Ministeru ma wasallux ir-rapport indikat mill-Onorevoli Interpellant.
Jikkonferma l-Ministru li minkejja li kienet ilha tinġibed l-attenzjoni tal-gvern minn Marzu ta' din is-sena biex isaħħaħ is-sigurta' ta' l-ambaxxata Maltija f'Ġinevra skond il-kriterji ta' Schengen, sa ftit ġimgħat ilu kien għadu ma sar xejn? Meta beħsiebu jaġixxi f'dan ir-rigward u jekk aġixxa diġa', meta ttieħdu l-passi meħtieġa?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Gvern Malti għaddej bi tħejjijiet biex is-sigurta' fl-Ambaxxati Maltin kollha tkun tilħaq il-livelli stabbiliti skond il-kriterji ta' Schengen bi preparazzjoni għal meta fis-snin li ġejjin jibdew jinħarġu "Schengen Visas", u cioe fl-2007/2008.
Jikkonferma l-Ministru li l-appoġġ ta' Israel għall-kandidatura ta' l-imħallef Franco Depasquale għall-kumitat tad-drittijiet tal-bniedem kien ikkondizzjonat minn appoġġ reċiproku Malti għall-Prof. Michael Turner għall-World Heritage Committee tal-UNESCO?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Hija proċedura normali li l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin jagħmel lobbying fejn ikun hemm ċittadini Maltin li ser jikkontestaw għal xi karigi f'organizzazzjonijiet internazzjonali.