Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex jitfassal pjan nazzjonali strateġiku għat-turiżmu? Jista' jgħid fiex wasal ix-xogħol li jitfasslu pjani strateġiċi nazzjonali settorjali, segment b'segment fit-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol biex jitfassal Pjan Strateġiku ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu għas-snin 2006-2008 jinsab fi stadju avanzat.
Ġew imfassla proposti dwar il-Missjoni, Objettivi u Strateġiji flimkien ma' profili dettaljati dwar is-segments kollha li l-Awtorita' identifikat bħala importanti għall-iżvillup tat-turiżmu f'Malta. Dawn il-profili kienu l-bażi ta' konsultazzjoni estensiva li saret kemm internament ġewwa l-Awtorita' kif ukoll esternament ma' assoċċazzjonijiet, organizzazjonijiet u individwi involuti fit-turiżmu.
Issa li qegħdin fl-aħħar fażi ta' konsultazzjoni, ix-xogħol fuq id-dokument miexi ukoll. Il-Pjan Strateġiku ser jagħti direzzjoni u jistabbilixxi l-framework, li madwaru jissawru l-Business Plans ta' l-Awtorita' għas-snin 2006-2008.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx verita' f'rapporti li ċertu xiri ta' prodotti u servizzi minn Heritage Malta qed isir mingħajr ma jinġiebu kwotazzjonijiet varji u/jew alternattivi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi Heritage Malta timxi skond il-Public Contracts Regulations kif ukoll skond il-Procurement Regulations tal-Gvern fejn dejjem ġew rispettati it-thresholds stabbiliti. Fejn inħass il-bżonn għal xi direct orders, Heritage Malta dejjem talbet il-permessi kollha meħtieġa mill-entitajiet konċernati biex tkun tista' tagħmel dan.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi żvilupp dwar parkeġġ fin-naħa tal-Cottonera biex jaqdi l-bżonnijiet ta' l-operaturi fil-waterfront, u jekk dak li suppost isir taħt il-ground ta' l-iskola ta' Bormla għadux fil-pjanijiet? X'qed iżomm lill-gvern biex dan isir? Jista' jgħid kellux xi proposta mill-istess operaturi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor. interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17318 u jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartimenti tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex, sena sena minn din is-sena sa l-2008?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-programmi, l-inizzjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħolijiet ta’ l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-reponsabbilta’ tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura minn din is-sena sa l-2008 huma kif ġej:
Heritage Malta
Heritage Malta ser tkompli bil-programm ta' upgrading fis-siti u l-mużewijiet immexxija minnha bil-għan li l-gżira Għawdxija toffri esperjenza aktar interessanti u memorabbli lill-viżitaturi.
Dan ser jinkludi xogħol ta' manutenzjoni, ir-reviżjoni u l-upgrading tal-wirjiet permanenti, il-ħolqien ta' diversi faċilitajiet moderni, u t-titjieb infrastrutturali f’mod ġenerali. Fil-fatt, kull sit jew mużew immexxi minn Heritage Malta ser jibbenefika min dawn ix-xogħolijiet u inizzjattivi.
Fost dawn hemm il-progett għall-ħolqien ta' Interim Visitors' Unit, il-bini ta' walkways ġodda, u r-rijabilitazzjoni tal-madwar tal-Ġgantija. Ser jitlesta ukoll ir-refurbishment tal-Mużew ta' l-Arkeoloġija, u ser jitkompla l-proċess tal-bdil tal-vettrini tal-Mużewijiet l-oħra li jinsabu fiċ-Ċittadella.
Fl-istess waqt, Heritage Malta ser tkun qed taħdem fuq numru ta' applikazzjonijiet għall-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropeja, b'mod partikolari b’konnessjoni mat-Tempji tal-Ġgantija u maċ-Ċittadella.
Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali
Proġetti Kapitali
1. Tfassil ta’ l-Inventarju Nazzjonali tal-Patrimonju Kulturali
2006 – Tlestija tax-xogħol ta’ programming tas-sistema informatika li se tmexxi l-Inventarju tal-Patrimonju Kulturali.
2007-2009 – Ġbir ta’ data dwar il-patrimonju kulturali, u inputing ta’ din l-informazzjoni ġewwa s-sistema tal-Inventarju Nazjonali.
Dan ix-xoghol, kemm ta’ programming u ta’ data collection, qed isir fuq livell nazzjonali u se jkopri t-terittorju Għawdxi kollu, kif wkoll l-ibħra tiegħu.
Proġetti Rikurrenti Principali
1. Proġett f’Wied ta’ Mgarr Ix-Xini 2006-2007
Programm ta’ riċerka arkeoloġika b’kollaborazjoni mal-Kunsilli Locali tax-Xewkija u tas-Sannat, parti minn proġett iffundjat mill-UE.
2. Proġett Wirt Lokali Xagħra 2006-2008
Program f’kollaborazjoni mal-Kunsill Locali tax-Xagħra għall-konservazzjoni u l-istudju tal-patrimonju kulturali f’din il-Lokalita`. Parti minn dan il-proġett jinvolvi il-preparazzjoni ta’ Att ta’ Kurazija għal Ċentru ta’ Attivita` Kulturali f’din il-Lokalita`.
3. Cittadella – Pjan ta’ Management u Konservazzjoni
Xogħol li qed isir fuq talba ta’ u b’kollaborazjoni mal-Ministeru għal-Għawdex. Dan jinvolvi il-reparazzjoni ta’ abbozz ta’ Pjan għall-Management u għall-Konservazzjoni taċ-Ċittadella t’Ghawdex.
Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti
Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti qiegħed f’negozjati mal-Ministeru għal Għawdex dwar ko-ordinazzjoni ta’ attivitajiet bejn il-Kumitat tal-Kultura ta’ Għawdex u l-Kunsill. In-negozjati waslu fi stat avvanzat fejn diga sar ftehim dwar bdil ta’ gruppi ta’ għannejja.
L-Orkestra Nazzjonali f’Ghawdex matul ix-xahar ta’ Ottubru ittella’ opri maż-żewg teatri ewlenin filwaqt li l-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita ta’ San Gakbu għandha l-ħsieb li jsiru xi progetti f’Ghawdex iżda dawn ghadhom qed jigu diskussi.
Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta
Titkompla l-iskema għas-settur privat tat-turiżmu li kienet mnieda fl-2004. Tlettax il-kumpanija Għawdxija qed jibbenefikaw minn din l-iskema. Sa Settembru ta’ l-2006 dawn il-kumpaniji jridu jlestu l-proġetti approvati.
Taħrig għas-settur turistiku li huwa parti minn proġetti finanzjati mill-fondi strutturali.
Bħalissa għaddejja l-konsultazzjoni dwar il-proġetti u l-iskemi li jistgġu jiġu finanzjati minn fondi ewropej u x-xoghol preparatorju għal dawn il-proġetti u l-iskemi.
Jintefgħu applikazzjoniniet għal finanzjament minn programmi ewropej.
Promozzjoni tal-program ewropew Kultura 2000, Media u għal relevanza għas-settur turistiku, kulturali u awdjoviziv.
Żvilupp tal-politika kulturali għal Malta li tinkorpora dirrettament lil Għawdex.
Żvilupp tal-politika għat-turiżmu, li parti minnha hija ta’ relevanza għal Għawdex.
Evalwazzjoni u żvilupp tal-pożizzjoni ta’ Malta fuq proposti leġislattivi Ewropej li jistghu jaffettwaw kemm lil Malta u kemm lil Għawdex fil-qasam turistiku u kulturali.
Jista' il-Ministru jieħu inizjattiva biex ikun hemm iżjed kordinazzjoni u ħidma id f'id bejn l-uffiċjali ta' l-infurzar ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u l-uffiċjali tad-dipartiment tas-sanita' li huma obbligati li jissorveljaw il-beach kiosks li hemm fl-Għadira, Mellieħa għal infurzar aħjar tal-liġijiet dovuti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorita' tat-Turiżmu kif ukoll id-Diviżjoni tas-Saħħa jikkolaboraw f'kull qasam li jirrigwarda l-iġene f'lukandi u stabbilimenti ta' l-ikel li jinkludu beach kiosks. Qed nassumi li l-Onor interpellant qiegħed jirreferi għall-beach kiosks fissi li huma liċenzjati mill-Awtorita tat-Turiżmu u mhux għal-hawkers ta' l-ikel li huma liċenzjati mid-Dipartiment tal-Kummerċ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' turisti li qattgħu btala f'Għawdex xahar b'xahar għall-perijodu ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2006? Tista' tipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-aktar statistika riċenti ta' turisti li qattgħu btala f'Għawdex tkopri l-perjodu bejn Jannar u Marzu 2006. It-total ta' turisti kien ta' 3,769. Fis-sena 2005, it-total ta' turisti li qattgħu btala f'Għawdex f'dan il-perjodu kien ta' 3,965.
Statistika għas-snin preċedenti ma kinitx pubblikata mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika.
L-Istatistika dwar Għawdex ma tiġix ppublikata xahar b'xahar mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika, iżda b'mod kummulattiv.
Filwaqt li l-gvern għandu jgħin lil min jorganizza attivitajiet kulturali, inkluż lil dawk l-enti li jġibu kantanti u gruppi hawn Malta, jista' il-Ministru jgħid jekk teżistix xi policy dwar dan u kif jingħataw dawn l-għajnuniet? Jekk le, jaħsibx li wasal iż-żmien, ħalli anke ninċentivaw lil dawn il-kumpanniji jkomplu jorganizzaw dawn it-tip ta' attivitajiet, li jkollna policy ċara?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jikkonsidra kull talba li ssirlu għall-għajnuna minn entitajiet li jġibu kantanti u gruppi barranin. Il-politika tal-Gvern hi li fil-limiti ta' l-budget available u skond in-natura tal-attivita' proposta jgħin lill-dawn l-entitajiet sakemm l-attivita' tgħin lit-turiżmu jew tkun ta' valur kulturali.
Wied il-Għajn — Triq Marina - Permess għal ħruġ ta' imwejjed
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx saret talba biex fi Triq Marina, Wied il-Għajn fuq il-bankini jinħarġu mwejjed minn tal-ħwienet? Jekk le, hemm xi ħsieb li jsir dan?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jirriżulta mir-records ta' l-Awtorita tat-Turiżmu li fi Triq Marina, Marsascala ħames stabillimenti talbu u ingħatalhom il-permess neċessarju sabiex jitqiegħdu mwejjed u siġġijiet barra. Ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq permessi simili ħlief li tiġi osservata l-proċedura amministrattiva li hi neċessarja sabiex joħroġ dan it-tip ta' permess.
Tempji tal-Ġgantija — Inawgurazzjoni ta' l-Audio Information Pod
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li waqt l-inawgurazzjoni ta' l-Audio Information Pod fit-tempji tal-Ġgantija, ingħataw numru ta' pods bħala donazzjoni lil Heritage Malta? Kemm-il pod ingħataw u jekk hux b'xejn? Minn min ingħataw? Jista' jgħid jekk dawn hux biżżejjed biex ikopru l-ammont ta' viżitaturi li jkun hemm f'ħin wieħed?
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kumpannija li tat il-pods b'xejn, hux qed tikkompeti f'tender simili ta' Heritage Malta fit-tempju ta' l-Imnajdra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Audio Information Pod li ġie installat fit-tempji tal-Ġgantija ġie moghti mingħajr ebda ħlas minn Exalta Projects. Dan ser iservi sabiex joffri spjegazzjoni ta’ ħames minuti u b’sitt lingwi differenti dwar l-istess tempji. L-imsemmi Audio Information Pod huwa intenzjonat għall-użu minn visitaturi individwali.
Exalta Projects wiegħdet Audio Information Pod ieħor lill-Heritage Malta. Għad irid jiġi deċiz l-aħjar sit fejn ser jitqieghed.
M’hemm l-ebda tender għal provvista ta’ apparat simili fit-tempji ta’ l-Imnajdra.
Jista' il-Ministru jinvestiga għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx imġedda t-tourist guide licence tagħha sempliċement għaliex m'għaddietx lecture wieħed tas-CPD programme għal raġunijiet mediċi li ġew notifikati lill-MTA? Meta mistennija tinħareġ il-liċenzja lill-gwida konċernata ħalli l-pożizzjoni tagħha tiġi regolarizzata, aktar u aktar billi n-nuqqas ta' attendenza tagħha għall-programm imsemmi ma saritx b'kapriċċ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-gwida li għaliha hemm riferenza fl-interpellanza bagħtet ittra fejn spjegat ir-raġuni għala ma setgħetx tattendi l-aħħar lecture u li lesta tattendi lecture ekwivalenti sabiex tkun tista' takkwista it-tiġdid tal-liċenzja ta' gwida.
L-Awtorita' laqgħet it-talba tagħha u se ġġedded il-liċenzja meta din il-gwida tattendi din il-lecture ekwivalenti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew turisti f'Malta f'dawn l-aħħar sentejn fi żmien il-Milied, komparat ma' żmien il-Għid? Jekk qed jiġu iktar fi żmien il-Għid, dan għaliex qed isir reklamar għal dawn il-festi tradizzjonali f'Malta u Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-total ta' turisti li jiġu Malta fi żmien il-Għid huwa aktar minn dak ta' żmien il-Milied. It-total ta' turisti li ġew Malta fi żmien il-Għid, jiġifieri ix-xhur ta' Marzu u April 2005 kien ta' 159,556 filwaqt li fis-sena 2004 it-total kien ta' 158,165.
Fi żmien il-Milied jiġifieri fix-xhur ta' Diċembru 2004 u Jannar 2005, it-total ta' turisti kien ta' 94,310 filwaqt li t-total ta' turisti li ġew Malta fix-xhur ta' Diċembru 2003 u Jannar 2004 kien ta' 90,441.
It-traffiku fi żmien il-Għid huwa sostanzjalment aktar min dak ta' żmien il-Milied u dan jimxi ma' kif it-turiżmu ivarja fl-Ewropa u fil-Mediterran. Malta tiġi reklamata kemm għal-festi tal-Milied kif ukoll għat-tradizzjonijiet ta' l-Għid.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw flus lill-organizzaturi li ġabu xi kantant jew grupp matul is-sena 2005 minn xi struttura jew oħra li taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru, taħt xi nefqa jew oħra, b'isem jew ieħor?
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed isir reklamar apposta għas-siti arkeoloġiċi f'Malta u Għawdex? Tinżamm statistika ta' kemm turisti jżuru dawn is-siti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi Heritage Malta tieħu kull opportunita biex tkabbar il-kuxjenza favur is-siti arkeoloġici u storiċi kemm f’Malta u kemm f’Għawdex u fl-istess waqt tirreklama dawn il-mużewijiet u s-siti li l-aġenzija għandha f’idejha. Heritage Malta żżomm statistika ta’ kemm kull sit f’Malta u Għawdex ikollu viżitaturi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għalqu lukandi f'dawn l-aħħar ħames snin? Xi grad kellhom? Kemm infetħu fl-istess żmien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Mis-sena 2001 ’il hawn għalqu erbgħa u tletin lukanda: 2 ta’ 5 stilel, 7 ta’ 4 stilel, 14 ta’ 3 stilel, 9 ta’ 2 stilel u 2 guest houses; u fetħu sittax-il lukanda ġdida: 4 ta’ 5 stilel, 7 ta’ 4 stilel u 5 ta’ 3 stilel. Irid jingħad iżda li f’Diċembru 2001, in-numru ta’ sodod liċenzjati kien ta’ 38,701 filwaqt illi f'Mejju ta’ din is-sena, n-numru ta’ sodod huwa ta’ 39,919.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18542 u jgħid kemm ingħataw flus l-organizzaturi li ġabu lill-kantant Elton John f'Malta minn xi struttura jew oħra li taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru, taħt xi nefqa jew oħra, b'isem jew ieħor?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-organizzaturi li ġabu l-kantant Elton John f'Malta ingħataw Lm1,500 sponsorship mill-Awtorita' tat-Turiżmu.