Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbugia — Problema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara li tiġi nvestigata u rimedjata l-problema ta' drenaġġ quddiem ir-residenza ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-ħsara msemmija qiegħdha fil-'private connection' tad-dar li tmiss ma' dik tal-persuna msemmija. Għalhekk m'hix fil-kompetenza tal-Korporazzjoni Għas-Servizzi ta' Ilma li ssolvi dil-problema. Dan diġa kien spjegat lil din il-persuna minn uffiċċjali tal-Korporazzjoni.

San Pawl il-Baħar — Appartamenti ta' l-awtorita' tad-djar - xogħol ta' dawl u ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet ta' dawl, drenaġġ u ilma fl-appartamenti ta' l-Awtorita' tad-Djar f'San Pawl il-Baħar? Jaf li l-istess kompraturi intrabtu bil-kuntratt li jidħlu jgħixu fl-appartament f'mhux aktar minn sitt xhur minn meta jsir il-kuntratt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Rabat — Raba Nemel - Bozza

Question

Jista' il-Ministru jara li titwaħħal bozza pubblika fis-sit Raba Nemel, l/o Rabat kif muri fis-site plan li qed tintbagħat separatament, peress li f'dawn l-irziezet joqogħdu diversi anzjani u mal-lejl ikun hemm ħafna dlam bil-konsegwenza li lanqas jissugraw joħorġu mid-djar tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ir-responsabilita' tat-twaħħil ta' lampi ġodda issa għaddiet f'idejn il-Kunsilli Lokali.

Web Phones

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1682 u cioe' jista' il-Ministru jikkonferma li hemm web phone installat f'kull villaġġ kif ippjanat?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li hemm wed phone installat f'kull vilaġġ kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex b'eċċezzjoni ta' Ħaz Zabbar u l-Mdina li se jiġu nstallati iktar tard.

Microsoft Source Code Deal

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1681 u cioe' jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi wara r-rispons negattiv dwar il-Microsoft source code deal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li d-diskussjonijiet mal-Microsoft fuq din l-inizzjattiva għadhom għaddejin.

Registration & Authentication — Sistema (R&A)

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamenatri numru 1680 u ċioe' jikkonferma jekk is-sistema (R&A) tar-Registration and Authentication li kellha tiddaħħal fix-xahar ta' Settembru iddaħlitx kif ippjanat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-iżvilupp tekniku tas-sistema tar-Registration and Authentication huwa komplut. Il-Gvern kien ħa deċiżjoni li biex isaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-użu ta' dan il-mekkanizmu, ma jkunx hu li jħaddem dan il-mekaniżmu, iżda jgħaddih lil entita privata. Għalhekk saret sejha pubblika għal dan ix-xogħol mid-dipartiment tal-kuntratti lejn nofs is-sena l-oħra. Madankollu kien il-ġimgħa li għaddiet li ntgħazel il-kuntrattur ma min għandhom jibdew in-negozjati.

Income Tax Related Services — IT On Line Services

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsia parlamentari numru 1679 u cioe' jgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' l-IT għas-servizzi on line ta' l-income tax related services, VAT services u social security service? X'medda ta' żmien hemm ikkontemplata għall-introduzzjoni tas-servizzi li għadhom ma daħlux?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-iżvilupp ta' dawn is-servizzi huwa komplut. Fadal biss l-integrazzjoni tagħhom mas-sistema tar-Registration and Authentication fejn, sfortunatament, ilna xhur imwaħħlin fil-Kumitat tal-Kuntratti.

Gozo Channel — Time table

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1740, peress li fir-risposta li ngħatat ma kien hemm ebda referenza għall-Għawdxin u l-bżonnijiet tagħhom, permess li s-servizz tal-Gozo Channel huwa primarjament servizz soċjali għall-Għawdxin, jista' jgħid il-Ministru jekk sarux xi konsultazzjonijiet qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni dwar it-tnaqqis ta' trips? U peress li ġiet mitluba r-raġuni li għaliha nħarġet time table li mbgħad ġiet irtirata, liema raġuni baqgħet ma ngħatatx jista' il-Ministru jgħid jekk l-analażi tal-figuri mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra saritx qabel ma nħarġet l-ewwel time table jew wara?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Medigrain — Provvista ta' materja prima

Question

B'riferenza għad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq waħda mill-aktar kumpanniji tal-poplu li rendiet kemm mil-lat ta' profitt kif ukoll f'dak li huwa price stabilisation, jista' il-Ministru jassigura lill-Kamra li pajjiżna jibqa' ikun sostnut bis-sorsi tal-materja prima in kwestjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Qmuħ u ċereali — Importazzjoni

Question

B'riferenza għad-deċiżjoni tal-gvern li jagħlaq il-kumpannija Medigrain, jista' il-Ministru jispjega lill-Kamra kif l-importazzjoni tal-qmuħ u ċereali f'pajjiżna se tibqa' tkun waħda kompetittiva fix-xhur u fis-snin li ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Provvisti ta' l-ikel — Sussidju

Question

B'riferenza għad-deċiżjoni tal-Gvern Nazzjoanlista li jagħlaq il-kumpannija tal-poplu Medigrain, jista' il-Ministru jinformani jekk hux se jkunu garantiti lill-poplu Malti u Għawdxi s-sussidji meħtieġa minn żmien għal żmien sabiex il-provvisti ta' l-ikel essenzjali bħal ħobż u dqiq u ikel tat-tjur u l-bhejjem jibqa' ikollhom prezzijiet li jifilħu għalihom il-bwiet tal-familji tal-ħaddiema?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Malta Shipbuilding Co. Ltd.

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1659 fejn intqal li t-telf proġettat fil-business plan għaż-żewġ Tarznari għas-sena 2002 kien ta' Lm19.5 miljun meta t-telf attwali kien ta' Lm26.2 miljun, jikkonferma l-Ministru illi fl-outline restructuring plan li ngħata lill-membri tas-task force tat-Tarznari nhar il-11.11.01 it-telf proġettat għaż-żewġ Tarznari għas-sena 2002 kien ta' Lm16.745 miljun - devjazzjoni ta' aktar minn 15% tal-figura fil-business plan u 36% differenza mir-riżultat attwalment miksub? Jekk dan huwa minnu, f'liema stadju tas-sena finanzjarja l-management tat-Tarzna intebaħ li kien se jkun hemm din id-devjazzjoni kollha? X'inhuma l-miżuri konkreti l-oħra apparti mill-early retirement schemes li ttieħdu s'issa bħala parti mir-ristrutturar tat-Tarznari u x'hemm ipproġettat għall-ġejjieni qarib? Il-projections għas-sena finanzjarja 2002 li ntbagħatu l-Unjoni Ewropea x'ammont ta' telf kienu qed jipprevedu?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-previzjonijiet finanzjarji li hemm fil-Business Plan huma differenti minn dawk li hemm fl-Outline Restructuring Plan minħabba li meta kien ippreparat dan l-aħħar dokument ċerti spejjez kienu għadhom ma ġewx diterminati. Il-Business Plan hu dokument aktar reċenti u l-previzjonijiet finanzjarji tiegħu qed jintuzaw biex jitqabblu mar-rizultati attwali. Ir-riżultati attwali taż-żewġ tarżni huma sostanzjalment differenti minn dawk previsti fil-Business Plan minħabba tliet raġunijiet prinċipali: a. Il-Business Plan kien qed jassumi li kellu jsir ristrutturar finanżjarju taż-żewġ tarżni li kien jinkludi l-maħfra tad-dejn tat-tarżni mal-Gvern. Il-Malta Shipbuilding waħedha qed tħallas interessi ta' 'l fuq minn LM 5 miljunu kull sena għal djun akkumulati matul dawn l-aħħar 20 sena. Billi r-ristrutturar finanżjarju għadu ma sarx (għax għad ma hemmx qbil fuq il-pakkett kollu ta' riformi bejn il-partijiet involuti) il-Malta Shipbuilding fl-2002 iddebitat il-Profit and Loss tagħha b'aktar minn LM 5 minjuni. Dan jispjega aktar minn LM 5 miljunu tad-differenza bejn ir-riżultati attwali u dawk ibbaġitjati għall-2002, u fil-fatt mingħajr dan il-fattur id-differenza bejn ir-riżultati attwali u awditjati u dawk previsti fil-Business Plan kienet tkun ta' LM 0.5 miljuni. b. Il-Business Plan kien qed jassumi wkoll li fis-sena 2002 kellhom jidhlu riformi fondamentali fil-prattiċi tax-xogħol fit-tarzni. Dawn ir-riformi jagħmlu parti mill-Ftehim Kollettiv il-ġdid li s'issa għadu ma ġiex iffirmat għax ma' hemmx qbil fuqu. Kif wissewna experti barranin li rraputaw fuq il-qagħda tat-tarzna xi snin ilu, qabel jidhlu dawn ir-riformi fil-prattiċi tax-xogħol ir-rizultati tat-tarzna ma jistgħux jitjiebu. c. It-tarzni qed jikkompetu f'suq kompettitiv ħafna u anki jekk norganizzaw ruhna tajjeb irridu nikkompetu għal xogħol ma' tarzni oħrajn li daqsna huma għatxana għax-xogħol. Is-suq tat-tiswija u l-konverzjoni tal-vapuri fl-2002 kien aktar diffiċli minn dak tal-2001. Fl-2002 it-tarzni tagħna ma rebhux kuntratti kbar li jagħmlu differenza kbira fir-riżultati tat-tarżni. Għal raġunijiet imsemmija aktar 'l fuq ma kien hemm l-ebda sorpriza għall-management f'dawn ir-riżultati. Is-sitwazzjoni qed tkun issorveljata kontinwament iżda ħadd ma jistenna li r-riżultati jitjiebu jekk id-deċizjonijiet ta' riformi li hemm bżonn jittieħdu fil-fatt ma jittieħdux u ma jkunux implimentati. Sa issa ma hemmx qbil bejn l-istake holders involuti fit-tarzna biex dawn ir-riformi jsiru. Jekk jibqa' ma jkunx hemm qbil fi' żmien qasir ħafna, jista' jkun li jkun tard wisq biex il-qagħda tat-tarżna titjieb. Il-Management tat-tarżna qed jimxi fuq dak li rrakomandaw l-esperti ta' Appledore fir-Rapport tagħhom tal-1997, b'mod partikulari dik is-sezzjoni tar-rapportat intitolata Annex B: Best Practice Ship Repair Yard. Dan ir-rapport jelenka ir-riformi meħtieġa fil-prattiċi tax-xogħol li għandha bżonn it-tarżna biex tkun tista' tikkompeti fis-suq tat-tiswija tal-vapuri. Permezz ta' dawn ir-riformi tkun tista' titjieb il-produttivita tat-tarżna, tonqos id-dipendenza fuq l-overtime, u tidħol flessibilita ġenwina li tagħmel lit-tarżni tagħna kompettitivi. Dan hu biss il-bidu għax fl-aħħar mill-aħħar irridu nikkompetu f'suq diffiċli ħafna fejn għal kull għadma hemm mitt kelb. L-UE ingħata kopja tal-Business Plan u għalhekk taf li il-previżjonijiet għat-telf tat-tarżni għall 2002 huma ta' LM 19.5 miljun.

Korporazzjoni Enemalta — Każ dwar ċitazzjoni nru. 853/98/FDP

Question

Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-korporazzjoni Enemalta ma tridx tottempora ruħha mis-sentenza tad-9 ta' Frar, 2001 fl-ismijiet (ara l-informazzjoni li qed tintbagħat separatament) Ċitazzjoni Nru. 853/98/FDP stante illi din il-pendenza ma ġietx regolata xort'oħra? Jista' jara li d-drittijiet tal-persuna ndikata - id-dettalji ta' l-istess persuna qed jintbagħtu separatament - ma jibqgħux jiġu kalpestati?

Response (GATT, AUSTIN)

Wara li l-Korporazzjoni tilfet il-kawża fil-Qorti dwar il-bini ta' din is-substation ippruvat tasal bi ftehim amikevoli mal-persuna konċernata. Iżda dan permezz ta' l-avukat tiegħu ma aċċettax l-offerti li għamlitlu l-Korporazzjoni u baqa jinsisti għall-Lm70,000 li kien qed jitlob għal dan il-plot. Billi l-Korporazzjoni ħasset li dan kien prezz esaġerat għal plot ta' substation, hija bdiet tfittex sit alternattiv biex tirreloka din is-substation. Fil-fatt diġa bdew proċeduri fuq sit ieħor fil-viċinanzi, li hu teknikament aċċettabbli u diġa nħareġ il-permess mill-MEPA fuq dan is-sit. Wieħed għandu japprezza li l-Enemalta ma tistax toħroġ minn din is-substation u tħalli l-akkwati kollha mitmugħa minnha, inkluża r-residenza tal-persuna konċernata, mingħajr elettriku sakemm ma jkollha substation oħra fil-viċinanzi.

WSC — Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni fil-każ - id-dettalji qegħdin jintbagħtu separatament - stante illi l-persuna li min għandu qiegħed jintalab il-ħlas kien ħareġ minn negozju tant illi l-kont jidher fuq isem ġdid li kien ġie mogħti wara l-ħruġ tiegħu mill-istess?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-ammont mitlub jirrapprezenta l-kontijiet li ħalla pendenti l-konsumatur meta telaq mill-post fis-7 ta' Settembru 1999.

Income tax related services — IT on line services

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' l-IT għas-servizzi on line ta' l-income tax related services, VAT services u social security services? X'medda ta' żmien hemm ikkontemplata għall-introduzzjoni tas-servizzi li għadhom ma daħlux?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Gozo Chasnnel — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Gozo Channel tnaqqsu u għaliex mhux qed jingħata overtime lill-ħaddiema? Tista' il-Ministru jgħid jekk hemmx pjanti xi sensji ta' ħaddiema?

Response (GATT, AUSTIN)

Kif jigri dejjem fix-xitwa, l-ħinijiet tal-ħaddiema jonqsu, minħabba s-skeda ridotta tax-xitwa. Madankollu, l-ħaddiema dejjem baqgħu jitħallsu 'in full'. Overtime, kif dejjem ġara, jingħata skond il-bżonn. M'hemm l-ebda 'ban' fuq l-overtime. M'hemmx pjanijiet li se jiġu ssensjati xi ħaddiema.

Gozo Channel — Time table

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex wara li kienet diġa ġiet distribwita t-time table tax-xitwa tal-Gozo Channel din ġiet irtirata u nħarġet oħra li fiha inqas trips?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat mill-Gozo Channel Company Ltd li t-tibdil fl-iskeda tal-vjaġġi fil-għaxija fix-xitwa inbidlu għal żewġ raġunijiet: 1) Biex jitjieb il-livell ta' servizz mogħti lill-passiġġieri u l-klijenti tal-Gozo Channel; 2) Biex tinqata' ħela li kienet qed tirriżulta mill-iskeda l-antika. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru n-numru ta' passiġġieri u vetturi, u l-occupancy level tal-vapuri f'Ottubru, Novembru u Diċembru 2002 fil-vjaġġi li tnaqqsu mill-iskeda tax-xitwa. Dawn it-tabelli juru li f'dawn it-tlett xhur il-vjaġġ li kien jitlaq mill-Imġarr fis-sebgħa neqsin kwart ta' fil-għaxija kellu medja ta' 11 % occupancy ta' passiġġieri u anqas minn nofs l-ispazju fil-garaxx tal-vetturi okkupat (45%). Il-vjaġġ li kien jitlaq miċ-Ċirkewwa fid-sebgħa u nofs kellu medja ta' 11% occupancy ta' passiġġieri u aktar minn nofs il-garaxx tal-vetturi vojt. Il-vjaġġ li kien jitlaq mill-Imġarr fit-tmienja u nofs ta' fil-għaxija kellu medja ta' 8% occupancy ta' passiġġieri b'aktar minn żewġ terzi tal-garaxx vojt. Il-vjaġġ li kien jitlaq miċ-Ċirkewwa fid-disgħa ta' fil-għaxija kien ikollu medja ta' 8% occupancy ta' passiġġieri b'żewġ terżi mill-garaxx tal-vetturi vojt. Dan ma kienx l-aħjar użu tar-riżorsi tal-Gozo Channel li huma meħtieġa biex jaqdu l-bżonnijiet essenzjali t'Għawdex u ta' l-Għawdxin. Kull użu ħażin tar-riżorsi tal-Gozo Channel finalment irid jitħallas zejjed minn min iħallas it-taxxi. Bit-tibdil fl-iskeda, l-Gozo Channel qatgħet aktar minn Lm1400 fi spejjeż kull ġimgħa. Jiġifirei bejn Ottubru u Diċembru ser tkun iffrankat aktar minn tmintax-il elf lira li ser jikkontribwixxu biex iżommu vijabbli is-sussidju li jingħataw l-Għawdxin fuq l-użu tal-vapur minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom. Il-passiġġieri tal-vjaġġi ta' fil-għaxija ma ntlaqtu bl-eda mod ħlief li inġabru fi vjaġġi mqassma aħjar matul is-serata. Bit-tibdil fl-iskeda, l-aħħar vapuri minn Malta u minn Għawdex ser ikunu qed jtilqu aktar tard biex jaqdu aħjar l-aktar lis-settur turistiku. Dan għax issa li l-aħħar vjaġġ minn Għawdex minflok fil-ħdax ta' fil-għaxija, issa se jkun fil-kwarta ta' fil-għodu. Kombinat man-noll li jista' jinxtara fil-għaxija miċ-Ċirkewwa li permezz tiegħu b'erba' Liri karozza b'erba persuni, jew bi tlett Liri erba' persuni bil-mixi jistgħu imorru jieklu Għawdex ser jagħmel ir-restoranti Għawdxin aktar attraenti għall-Maltin u t-turisti. Irrid insemmi l-eżempju ta' numru ta' sidien ta' restoranti b'sens partikolarment intraprenditorjali li qed joffru lill-klijenti Maltin tagħhom li jirrifondulhom l-ispiża tal-vapur meta dawn jitilgħu bid-Diners' Group Ticket tal-Gozo Channel. Dan juri kif b'koperazzjoni bejn is-settur turistiku Għawdxi u l-Gozo Channel nistgħu nassiguraw it-tkabbir ta' din l-attivita' ekonomika f'Għawdex. Barra minhekk, l-aħħar vjaġġ minn Malta ser jitlaq fis-siegħa ta' fil-għodu, minflok bħal qabel fil-ħdax u nofs biex b'hekk anqas turisti li jridu jmorru Għawdex ma jkollhom għajfejn jorqdu Malta fl-ewwel lejl tagħhom hawn wara l-wasla tagħhom bl-arjuplan.