Legislature:
Category:
Reset
Active:

Menqa tal-Marsa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar dwar il-Menqa tal-Marsa bħala parti mill-proġett kontra l-għargħar ta' l-ilma tax-xita li jolqot lil Marsa u lil Ħal Qormi partikolarment? Din tnaddfet? Hemm ħsieb li titwessa'?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-Menqa f'Xatt il-Mollijiet, jiġifieri f'dik iż-żona maġenb Cassar Shipyard, tħammlet sal-fond meħtieġ. Sabiex jgħin l-isfog ta' l-ilma tax-xita għall-ġewwa l-Menqa, sejra tiżdied fergħa oħra mill-kanal prinċipali li wkoll għandha sfog ġewwa l-Menqa tax-Xatt il-Mollijiet. Ix-xogħol fuq dan il-watercourse ġdid diġa nbeda.

Marsa — Ħitan ta' għalqa fi Triq Ħal Qormi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jiġu rranġati l-ħitan ta' l-għalqa li hemm fi Triq Ħal Qormi, il-Marsa (biswit il-Maltapost faċċata tal-fabbrika ta' l-għaġin) u fil-parti ta' fejn il-korsa taż-żwiemel minħabba li dan l-aħħar iġġarrfu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħlijiet rikjesti mill-Onor. Interpellant jaqgħu taħt ir-responsabilta' ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta (ADT). Madanakollu, sitt xhur ilu kienu saru xi tiswijiet fuqhom, pero' wara xi ħbit minn xi karozzi fuq l-istess ħajt, reġa' kien hemm bżonn xi tiswijiet. Dawn it-tiswijiet issa tlestew.

Riżorsi u Infrastruttura — Safar minn uffiċjali pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-ammont total ta' l-ispejjeż kollha involuti f'safar (trips abroad) minn uffiċjali pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kif ukoll minn uffiċjali li jaħdmu f'enti pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru għas-snin 2003, 2004 u 2005 sal-lum?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-ammont totali li ntefaq fuq safar uffiċjali matul is-snin 2003, 2004 u 2005 (sa l-aħħar ta' Ġunju) minn entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi huwa kif jidher hawn taħt:- 2003 2004 2005 (sa l-aħħar ta' Ġunju) Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Lm19,566 Lm20,344 Lm11,142 Taqsima tax-Xogħlijiet Lm21,603 Lm10,668 Lm6,486 Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi Lm6,034 Lm13,323 Lm8,156 Irrid niċċara li, fil-każ ta' l-ispiża tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u t-Taqsima tax-Xogħlijiet, l-ammonti ndikati juru n-nefqa li tidher taħt it-Travel Vote (Item 28) tal-Estimi. Irrid inżid ukoll li peress li parti minn dan is-safar kien konness ma' laqgħat ta' l-Unjoni Ewropea, l-ammont ta' Lm12,236 diġa ġie jew għandu jiġi mogħti lura (refunded) lill-Gvern Malti.

Riżorsi u Infrastruttura — PSC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' każi li fil-preżent tressqu quddiem il-public service commission? Kemm ilha l-aktar talba li hija pendenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm ħames (5) każi mressqa quddiem il-Public Service Commission. It-talba l-aktar pendenti ilha mill-1 ta’ April, 2005.

Manikata — Triq fuq raba' saqwi

Question

Jista' il-Ministru jinformana bil-pożizzjoni tal-Ministeru dwar il-proposta li fil-Manikata tinfetaħ u tiġi żviluppata triq fuq raba' saqwi? Il-Ministeru huwa favur jew kontra dan l-iżvilupp fuq raba' saqwi? Pjanti ta' l-area imsemmija qed jintbagħtu separatament.

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Slipway f'Pembroke

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu dwar l-ittra tal-kunsill lokali ta' Pembroke tas-6 ta' Ġunju, 2005 dwar slipway f'Pembroke?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li wara diversi konsultazzjonijiet mal-MEPA, WSC u l-Kunsill Lokali fost l-oħrajn, ġie deċiż li jinstab sit alternattiv għall-slipway proposta. Dan is sit alternattiv ġie propost mil-Kunsill Lokali nnifsu. Għaldaqstant sar survey mit-Taqsima tax-Xogholijiet u fil-prezent qed jiġi mfassal id-disinn tas-slipway. Sussegwentement, dan jiġi ppreżentat lill-MEPA u jkompli l-proċess sabiex eventwalment joħrog il-permess meħtieg.

Tindif ta' country roads

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13160, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema responsabbli mit-tindif tal-country roads li jintużaw u jiġu reklamati bħala country walk fil-gżejjer ta' Malta u Għawdex separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Infurmat li ma hemmx xi sezzjoni jew ħaddiema assenjati ad hoc għal dan ix-xogħol. Pero' inżid ngħid li l-Works Division għandha programm dwar tindif ta' diversi lokalitajiet u widien bħala parti mill-proġett ta' prevenzjoni ta' l-għargħar.

Riżorsi u Infrastruttura — Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema/uffiċjali, eċċ. li jaħdmu taħt id-dipartimenti u/jew dekasteri u /jew korporazzjonijiet eċċ. li weġġgħu jew korrew fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-ewwel xhur tas-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi mill-bidu tas-sena sal-lum, fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ġew irrappurtati 18-il każ ta’ ħaddiema/uffiċjali li weġġgħu jew korrew fuq il-post tax-xogħol u li ssottomettew Injury Report.

Qutgħ ta' ħaxix ħażin u tindif ieħor

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu possibbli li l-qtugħ ta' ħaxix ħażin u tindif ieħor f'toroq arterjali jsir f'ħinijiet kmieni jew f'ħinijiet fejn ikun hemm anqas traffiku, u dan biex jonqos il-periklu għall-istess ħaddiema?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-qtugħ ta’ ħaxix ħażin u tindif ieħor f’toroq arterjali diġa’ qiegħed isir f’ħinijiet meta jkun hemm l-inqas traffiku u dejjem jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji ta’ traffic management sabiex titħares is-saħħa u s-sigurta’ ta’ l-istess ħaddiema, u b’mod li jkun hemm l-inqas inkonvenjent għas-sewwieqa li jgħaddu mit-toroq imsemmija.

Gudja/Ħal Far — Track

Question

Possibbli li l-ħaddiema inkarigati jerġgħu jnaddfu ftit it-track ta' mar-runway (bejn il-Gudja u Ħal Far) li tintuża minn għadd ta' nies minħabba li reġgħet imtliet b'ħaxix ħażin li fi bnadi minnhom kważi għalaq l-aċċess għat-track?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li t-tindif tat-track ta’ mar-runway (bejn il-Gudja u Ħal Far) isir regolarment mid-Dipartiment tas-Servizzi ta' l-Indafa. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-qtugħ ta’ ħaxix u t-tindif neċessarju se jibda fis-7 ta’ Lulju 2005.

Mellieħa — żbir ta' siġar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jistgħux jinżabru s-siġar tat-telgħa tal-Mellieħa mill-Għadira u ċ-Ċirkewwa għax kibru b'mod goff u qed ikunu ta' periklu għall-vetturi li jgħaddu mill-inħawi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żbir ta’ siġar fiż-żoni msemmija mhumiex responsabbilta’ ta’ dan il-Ministeru. Għalhekk nitolbu sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Taqsima tax-xogħlijiet — Promotions

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati tal-promotions li ngħataw fit-taqsima tax-xogħlijiet fid-diversi gradi u li ġew ippubblikati fil-gazzetta tal-gvern tas-17 ta' Ġunju, 2005?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-promotionsli ngħataw fit-Taqsima tax-Xogħlijiet fid-diversi gradi u li ġew ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern tas-17 ta’ Ġunju, 2005.

Riżorsi u Infrastruttura — Safar

Question

Jista' il-Ministru jagħti statistika ta' kemm saru trips ta' safar matul l-2002, l-2003, l-2004 u l-2005 sal-lum minn persuni fis-settur pubbliku kollu, cioe' persuni li mhux biss jaħdmu fiċ-ċivil imma wkoll fis-settur pubbliku kollu, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onorevoli Membru, li tkopri medda ta' erba' snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin tal-uffiċċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista' jintuża aħjar.

Żurrieq — Xogħlijiet bejn Vjal Blue Grotto u l-bini ta' Tal-Bebbux

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni u jara li forsi x-xogħlijiet neċessarji fil-passaġġ li jinsab bejn Vjal il-Blue Grotto u l-bini tal-Bebbux fiż-Żurrieq, preċiżament appena tħalli l-lights biex tinżel għall-Estate tal-bebbux indikat, billi: a) l-art tal-passaġġ tiġi mogħtija wiċċ tal-konkos; u b) jitneħħa l-periklu billi l-ħitan tal-ġnub jiġu mogħtija erba' pulzieri konkos sabiex jorbtu l-ġebel ta' fuq?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi x-xogħlijiet imsemmija jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tal-Kunsill Lokali.

Kottonera — Inkonvenjent fl-area tal-marina

Question

Jista' il-Ministru jara li jitneħħa l-inkonvenjent li hemm fl-area tal-marina tal-Cottonera quddiem il-Monument tal-Ħelsien, fejn mill-baħar titla' riħa ta' drenaġġ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Proġett tal-Kottonera

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema xogħlijiet li suppost iridu jsiru mill-ministeru tiegħu marbuta mal-proġett tal-Kottonera, għadhom ma sarux u se jsiru din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħlijiet kollha miftehma u maqbula fil-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għal din is-sena saru jew qed isiru. Ma hemm l-ebda proġett li suppost sar u ma sarx. Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Akwedott ta' Wignacourt

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-restawr ta' l-Akwedott ta' Wignacourt tlestiex għal kollox? Jekk fl-affermattiv, kemm sewa x-xogħol kollu inkluż il-materjal; u kemm minn din is-somma ħareġ il-gvern u kemm il-kunsilli lokali nvoluti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li r-restawr tal-monument innifsu tlesta għal kollox filwaqt li r-rijabilitazzjoni li tinkludi pavimentar u dawl se tibda fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Kunsilli Lokali se joħorġu kumplessivament Lm 40,000, li jkopru l-ispejjeż tal-materjali. Il-Gvern ħallas il-pagi tal-ħaddiema li s’issa swew madwar Lm 70,000. Il-Gvern ħallas ukoll lil Enemalta u lill-Maltacom somma kumplessiva ta’ madwar Lm 18,000 biex jitneħħew il-cables minn mal-monument u li issa tpoġġew taħt l-art.

Riżorsi u Infrastruttura — Studenti li jagħmlu xogħol fis-sajf

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kumpanniji, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li se jimpjegaw studenti għas-sajf? Jekk fl-affermattiv liema huma, kemm se jiddaħħlu u kif se jintgħażlu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm il-ħsieb li mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura se jidħlu 28 student u ser ikunu mqassma kif jidher hawn taħt:- - 6 studenti ta’ l-MCAST ser ikunu jaħdmu mad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Dawn se jkunu magħżula esklussivament mill-MCAST. - 13-il student universitarju li ser ikunu jaħdmu mad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fil-qasam ta’ l-arkitettura u l-inġinerija. Dawn se jkunu magħżula esklussivament mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni flimkien mal-ETC. - 6 studenti barannin ta’ l-IAESTE - 5 minn dawn l-istudenti se jaħdmu mad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, filwaqt li 1 ser ikunu jaħdem mal-VRP. Id-dipartiment ma jidħolx fil-proċess ta’ l-għażla, tant li l-ismijiet tagħhom jingħataw mill-IAESTE MALTA. - 3 studenti Universitarji mill-oqsma ta’ l-I.T., Liġi u Matematika jew Physics ser ikunu jaħdmu mal-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi. Dawn intalbu skond il-bżonnijiet tax-xogħol ta’ l-Awtorita’ u se jkunu magħżula mill-Universita’.

Riżorsi u Infrastruttura — Ħaddiema/uffiċjali

Question

Matul l-ewwel xhur tas-sena, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema/uffiċjali, eċċ. f'entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li tkeċċew/ġew sospiżi mix-xogħol jew immultati xi penali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi mill-ewwel tas-sena s'issa, impjegat wieħed ġie sospiż 5 t'ijiem mix-xogħol u ieħor ġie sospiż 3 t'ijiem wara li ġew misjuba ħatja minn Bordijiet tad-Dixxiplina. Impjegat ieħor ġie nterdett u ieħor ġie mkeċċi mis-Servizz fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku wara li nbdew proċeduri kriminali kontrihom.

Ħ'Attard — Rimi ta' skart f'Mdina Road

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu azzjonijiet neċessarji ħalli ma jitwaddabx żibel u skart fuq sit f'Mdina Road, Ħ'Attard mal-ġenb ta' l-istabiliment Art at Home peress li dan il-ħmieġ qiegħed iġib il-ġrieden u joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tas-Servizzi ta' l-Indafa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura huwa responsabbli biss mit-tindif ta' kull tip ta' skart f'toroq arterjali u żoni pubbliċi bħalma hija t-triq imsemmija. Rigward l-infurzar, dan jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' entitajiet oħra fosthom il-MEPA u l-Pulizija.