Jista' il-Ministru jindika jekk skond il-liġi l-bejgħ ta' holiday tours għandux jiġi riklamat f'ammont ta' flus li jeskludi l-ammont ta' taxxi inklużi jew jekk dan l-ammont jistax jeskludi l-ammont ta' taxxi dovuti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-bejgħ ta' holiday tour jista jiġi rreklamat kemm bl-ammont bit-taxxa ta' l-ajruport jew tal-port marittimu inkluża, kif ukoll mingħajr it-taxxa nkluża, taħt kundizzjoni pero li għandu dejjem jitniżżel ċar f'kull każ, jekk il-prezz jinkludiex din it-taxxa, jew jekk mal-prezz tridx tiġi miżjuda din it-taxxa.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni għadha ma ġietx indirizzata l-problema tal-konsenturi fil-moll il-ġdid fiċ-Ċirkewwa u dan meta dan jista' ikun ta' periklu kbir u minkejja li nġibdet l-attenzjoni kemm-il darba dwar dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond il-perit responsabbli mid-disinn tal-moll il-ġdid, il-konsentura fl-istess moll mhix waħda ta' natura strutturali. Minkejja dan, l-istess konsentura mistennija tissewwa fil-ġimgħat li ġejjin bħala parti minn programm ta' manutenzjoni regolari.
Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Safar minn uffiċjali pubbliċi
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-ammont total ta' l-ispejjeż kollha involuti f'safar (trips abroad) minn uffiċjali pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kif ukoll minn uffiċjali li jaħdmu f'enti pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru għas-snin 2003, 2004 u 2005 sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ghadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jindaga u jara x'kienet ir-raġuni li biha ġie konċess permess nru. 36/302 u 36/303 fuq site no. 1 u no. 2 f'Xatt is-Sajjieda Marsaxlokk meta f'distanza ta' ftit piedi hemm bejjiegħ ieħor tat-triq u meta dan jikkostitwixxi ksur ta' l-Art 30 ta' l-Avviż Legali 102 tas-sena 2002?
X'passi se jieħu l-Ministru sabiex dan il-hawker ma jarmax bi ksur tal-liġi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-dipartiment tal-Kummerċ joħroġ liċenzji għal Market Hawker.
Jien infurmat ukoll li fil-każ indikat mill-Onor. Interpellant, il-Market Hawker fuq il-post imsemmija talab u ngħata l-permess biex jibdel il-ġeneru tal-bejgħ.
Madankollu il-posti fejn joperaw il-Market Hawkers jiġu allokati mill-Kunsill Lokali tal-lokalita' fejn hu lokaliżżat dak il-monti partikolari.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' każi li fil-preżent tressqu quddiem il-public service commission? Kemm ilha l-aktar talba li hija pendenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dan il-Ministeru flimkien mad-Dipartiment u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu kollha rraportaw illi m'għandhomx każi li tressqu quddiem il-Public Service Commission.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13296, li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x’passi qed jittieħdu għal ċerti abbużi li qed isiru fl-għoli ta’ ċerti pilloli li qed jiġu mportati mill-kumpannija li l-isem tagħha qed jingħata separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta jasallu xi lment jew jirrizultalu, permezz tal-monitoring li jsir, li jista' jkun hemm xi abbuż fil-prezz ta' xi mediċina partikolari, tittieħed l-azzjoni neċessarja biex il-prezz ta' dik il-mediċina tinżel għall-prezz ġustifikat jekk jirrizulta li kien hemm abbuż fil-prezz.
Jista' il-Ministru jindika kif dawk li għandhom posta fuq il-monti, jistgħu jassiguraw irwieħhom li ħaddieħor ma jarmalhomx fuq il-post tagħhom, għaliex din qed tiġri ta' spiss?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12930 li saret fis-6 ta' Ġunju, 2005 u li għaliha l-Ministru rrisponda li risposta se tingħata f'seduta oħra, b'riferezna għall-mistoqsija parlamentari 13360 u 13361 li saru dwar l-istess suġġett fis-27 ta' Ġunju, 2005 u li ġew risposti fis-seduta ta' l-4 ta' Lulju, 2005, jista' il-Ministru jgħid allura għal liema raġuni ma rrispondiex għall-mistoqsija parlamentari 12930 li saret xahar ilu meta jidher li fl-4 ta' Lulju, 2005 kien jaf ir-risposta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li normalment domanda li għaliha tingħata risposta "risposta tingħata f'seduta oħra" terġa titqiegħed mill-Onor. Interpellant li jkun għamel dik id-domanda. Fil-fatt il-PQ's 13360 u 13361 huma domandi li saru b'referenza għall-PQ's 13341 u 13342 rispettivament li saru fil-21/06/05 u ġew risposti fis 27/06/05.
Dawn id-domandi reġgħu saru fis-27/06/05 u sa meta waslu għar-risposta, l-informazzjoni nġabret u ngħataw lil Onor.Evarist Bartolo li kien irrepeta domandi oħra tiegħu.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13221 u jgħid jekk hemmx ħsieb li t-terminal ta' l-Imġarr, Għawdex se jingħata f'idejn il-Gozo Channel biex tħaddmu? Hemm ħsieb li meta jiġri dan is-sidien tad-dgħajjes li jġorru t-turisti jkollhom iħallsu Lm30 kull darba li jorbtu hemmhekk biex itellgħu jew iniżżlu t-turisti jew jieħdu l-fuel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Gvern kien ikkonkluda "Public Service Obligations Contract" mal-Gozo Channel Co Ltd għal perjodu ta' sitt snin li jibdew minn April 2004. Il-kuntratt jirrigwardja l-ġarr ta' passigġġieri u merkanzija bejn Mġarr, Għawdex u Ċirkewwa, Malta.
Huwa l-ħsieb li t-terminals tal-Imġarr u taċ-Ċirkewwa fil-fatt jgħaddu taħt il-management tal-Gozo Channel Co Ltd għat-tul taż-żmien tal-Public Service Obligations Contract msemmi aktar 'l fuq.
Fir-rigward ta' ħlasijiet minn operaturi ta' bastimenti li jġorru t-turisti fuq excursions bejn il-gżejjer nixtieq ngħarraf lill-Onor Membru li sa ftit ilu l-Gozo Channel kienet titlob ħlasijiet lil dawn l-operaturi li jimbarkaw jew jiżbarkaw turisti meta jittrakkaw mal-moll ta' l-Imġarr. Din il-prattika issa twaqqfet. Minflok dan il-ħlas ġiet introdotta tariffa (berthing fee) ġusta u adekwata.
Din it-tariffa ġiet ikkalkulata fuq l-użu tal-moll u skond it-tul tal-bastiment jew lanċa, u mhux skond in-numru ta' passiġġieri abbord. Din it-tariffa hija indikata biss għal dawk il-bastimenti li jġorru passiġġieri fuq excursion tours minn Malta u mhux għal dawk il-laneċ li huma residenti u li għandhom rmiġġ f'Għawdex.
Huwa l-ħsieb li meta l-Gozo Channel Co Ltd tieħu f'idejha t-tmexxija tat-terminal ta' l-Imġarr dawn it-tariffi jibdew jinġabru mill-operatur.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13242 u jgħid x'wassal biex l-MMA tibda tiċċarġja ħlas għal dawk li jitrakkaw mal-moll ta' l-Imġarr, Għawdex? Xi ħlasijiet qed jintalbu? B'liema kriterji ġew iffissati? X'impatt se jkollu dan il-ħlas fuq is-settur turistiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 13360.
Jien infurmat li l-Gozo Channel Co Ltd għal snin twal kienet titlob ħlasijiet lill-operaturi ta' bastimenti li jġorru turisti fuq excursions madwar il-gżejjer kull meta dawn il-bastimenti jniżżlu u jgħabbu turisti fil-port ta' l-Imġarr. Din il-prattika issa twaqqfet u l-Awtorita' Marittima Maltija qed tamministra din l-attivita u tintroduċi tariffa amministrattiva għall-użu tal-moll minn dawn il-laneċ tat-turisti.
It-tariffa hija din:
Tul tal-bastiment Tariffa kull vjaġġ
(metri) Lm
50 - 40 65
39 - 35 60
34 - 30 50
29 - 20 45
19 - 15 30
14 - 08 20
Dawn it-tariffi ġew kkalkulati fuq it-tul tal-bastimenti u mhux fuq in-numru ta' passiġġieri abbord. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel Co Ltd kienet tapplika t-tariffa uffiċċjali tagħha fir-rigward ta' dawk il-laneċ tat-turisti li jgħabbu jew jiżbarkaw passiġġieri mill-moll ta' l-Imġarr minkejja li dawn ma jkunux użaw is-servizzi tal-kumpanija. Dan ifisser li operatur ta' bastiment ta' 20 metru b'mitt passiġġieri abbord issa tħallas Lm45 jew anqas waqt li jekk kellha tapplika t-tariffa uffiċjali tal-Gozo Channel Co Ltd l-ammont jitla' għal Lm200.
B'hekk, l-effet fuq is-settur turistiku hu wieħed pożittiv meta mqabbel mal-pożizzjoni li kienet titħaddem qabel.
Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Diretturi u chairpersons
Question
Jista' il-Ministru jgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħti statistika ta' kemm saru trips ta' safar matul l-2002, l-2003, l-2004 u l-2005 sal-lum minn persuni fis-settur pubbliku kollu, cioe' persuni li mhux biss jaħdmu fiċ-ċivil imma wkoll fis-settur pubbliku kollu, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onor. Membru, li tkopri medda ta' erba' snin, trid ħafna zmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin tal-uffiċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista' jintuża aħjar.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12987, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li parti minnha ġiet riferuta lilu biex jirrispondi, u jgħid jekk hemmx ħsieb li t-terminal ta' l-Imġarr, Għawdex se jingħata f'idejn il-Gozo Channel biex tħaddmu? Hemm ħsieb li meta jiġri dan is-sidien tad-dgħajjes li jġorru t-turisti jkollhom iħallsu Lm30 kull darba li jorbtu hemmhekk biex itellgħu jew iniżżlu t-turisti jew jieħdu l-fuel?
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex l-MMA tibda tiċċarġja ħlas għal dawk li jitrakkaw mal-moll ta' l-Imġarr, Għawdex? Xi ħlasijiet qed jintalbu? B'liema kriterji ġew iffissati? X'impatt se jkollu dan il-ħlas fuq is-settur turistiku?
Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Ħaddiema/uffiċjali
Question
Matul l-ewwel xhur tas-sena, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema/uffiċjali, eċċ. f'entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li tkeċċew/ġew sospiżi mix-xogħol jew immultati xi penali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda ħaddiem jew uffiċjal li tkeċċa jew ġie sospiż mix-xogħol.
Jien infurmat ukoll li ħaddiem wieħed tnaqsulu Lm2.21 li huma ekwivalenti għal siegħa xogħol mis-salarju skond sezzjoni 3.1.2.5 tal-Public Service Management code.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12465, u jgħid jekk intalabx permess min-naħa tal-MEPA biex jitwaħħlu tabelli tal-ministeru dwar l-industrial estate f'Tal-Ħandaq fit-traffic island li hemm fid-daħla ta' Handaq Road?
Jista' jgħid jekk intalabx il-permess tal-kunsill lokali skond il-bye-law dwar l-għamara fit-toroq maħruġa mill-kunsill lokali, Qormi?
Ma jaħsibx li din it-tabella ġiet perikoluża għall-pedestrians li jaqsmu minn dawn l-inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-permessi u l-proċeduri neċessarji sabiex ikunu jistgħu jitwaħlu tabelli ġewwa ż-żona industrijali ta' Ħal Qormi ġew osservati. Ittieħdet ukoll konsiderazzjoni sabiex dawn it-tabelli ma jkunux perikolużi għal-pedestrians.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12640 u jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeru tiegħu għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dulċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma saru l-ebda riċevimenti formali fil-Ministeru fil-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant.