Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — każijiet - investigazzjonijet kriminali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat li impjegati mill-Ministeru tiegħu ħadu d-drawwa li jċemplu lil diversi Spetturi fil-Korp tal-Pulizija u jsaqsuhom fejn u f’liema stadju waslu investigazzjonijiet kriminali ta’ ċerti każijiet li jirreferu għalihom bl-isem tal-persuna suspettata b’mod li juri li dawn l-impjegati jkunu jafu min qed jiġi investigat (mhux akkużat) u dwar x’hiex? Jekk fl-affermattiv, qatt ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għal dan l-aġir?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-allegazzjoni kif imsemmija fil-mistoqsija hija nfondata u mhux veritjera.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25502, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' passi dixxiplinarji ttieħdu fil-konfront tat-tliet uffiċjali msemmija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-passi dixxiplinarji għadhom ma ġewx konklużi.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25158 u 25579, jista' l-Ministru jgħid hijiex għaddejja investigazzjoni interna dwar allegat tixħim li seħħ sabiex jinxtraw jew jibda l-proċess biex jinxtraw numru ta' beacon lights għall-vetturi tal-pulizija, liema allegazzjonijiet ġew irrappurtati fin-news portal “newsbook.com.mt” fl-4 ta' April 2016? Jekk għaddejja investigazzjoni, jista' jgħid fiex waslet din l-investigazzjoni, minn min qed titmexxa u jekk ġewx sospiżi xi uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija sakemm jintemmu dawn l-investigazzjonijiet? Jista' jikkometti ruħu li ġaladarba tintemm kwalunkwe investigazzjoni li għaddejja, huwa jpoġġi r-rapport finali dwar l-istess fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 25158.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew rappurtati reati ta’ serq minn Marzu 2015 sa Marzu 2016? Jista’ jindika wkoll kemm ġie kommess serq minn djar privati?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li n-numru globali ta’ serq rapportat lill-Pulizija mill-1 ta’ Marzu, 2015 sal-31 ta’ Dicembru, 2015 kien ta’ sebgħa t’elef, sebgħa mija u sitt (7706) każi, filwaqt li mill-1 ta Jannar 2016 sal-31 ta’ Marzu, 2016 kien jammonta għal-elf, sittt mija u wieħed u ħamsin (1651) każ. Dan hu total ta’ disa t’elef, tlett mija u sebgħa u ħamsin (9357) każ, matul imsemmi perjodu. Is-serq minn residenzi f’kull lokalita bejn l-1 ta’ Marzu u 31 ta’ Dicembru 2015 jammonta għal-sitt mija u sitta u għoxrin (626) każ, filwaqt li bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Marzu 2016 l’ammont kien ta’ mija u erbgħa u ħamsin (154) kaz. Dan kien total ta’ sebgħa mija u tmenin (780) każ. Informazzjoni aktar dettaljata qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm persuni li kienu immigranti irregolari ġew rilokati lejn pajjiżi oħra bejn Marzu 2015 sa Marzu 2016 u jista’ jindika ta’ liema nazzjonalità kienu u lejn liema pajjiż ġew hekk rilokati?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn Marzu 2015 u Marzu 2016 ġew risistemati (resettled) 503 persuni lejn l-Istati Uniti, li minnhom 355 huma mis-Somalja, 128 mill-Eritrea, 17 mis-Sudan, 2 mill-Etijopja u 1 mill-Iraq. Dan l-eżerċizzju jsir bi sħab mal-awtoritajiet Amerikani, il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni.
L-awtoritajiet Maltin huma mgħarrfa b’numru żgħir ta’ persuni oħra li matul dan il-perjodu ġew aċċettati minn pajjiż ieħor fuq bażi ta’ sponsorship programmes li għandu dan il-pajjiż.
Uffiċjali fiċ-ċentri ta’ detenzjoni awtorizzati li jġorru arma tan-nar
Question
Jista’ l-Ministru jinforma kemm kien hemm uffiċjali fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni li tul dawn l-aħħar tliet snin kienu awtorizzati li jġorru arma tan-nar u kemm kien hemm każijiet fejn dawn l-armi ttieħdu d-dar magħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ħadd mill-persuni li jaħdmu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni m’għandhu l-permess li jġorr arma tan-nar (jew xi tip ta’ arma oħra), ħlief il-ftit membri tal-Forzi Armati ta’Malta li huma mislufa mas-Servizz ta’ Detenzjoni. Dawn il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta la huma awtorizzati u lanqas ma jġorru arma tan-nar fuqhom waqt xogħol fiċ-ċentru. Is-servizz ta’ detenzjoni m’għandhux u qatt ma kellu armi tan-nar, għallanqas taħt din l-amministrazzjoni.
San Pawl il-Baħar – rapporti ta’ vjolenza domestika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ vjolenza domestika, fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa, matul l-aħħar 12-il xahar, xahar b’xahar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Is-Swieqi, San Ġwann, Msida u San Ġiljan – CCTV Cameras
Question
B'referenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari li ressaqt inkluż mistoqsijiet supplimentari, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġu nstallati CCTV cameras fil-lokalitajiet tas-Swieqi, San Ġwann, l-Imsida, San Ġiljan u l-madwar fejn l-aktar hemm problemi ta' sigurtà kif anke ġie mwiegħed fl-2013, kif ukoll CCTV cameras f'lokalitajiet oħra kif tħabbar mill-Ministru stess fl-2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 18998.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hijiex policy tal-Korp tal-Pulizija sabiex applikanti li jkunu jridu jidħlu fil-Korp tal-Pulizija, jiġu esklużi milli jiġu aċċettati peress li jkollhom tpinġija (tattoo)? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma li din il-policy tapplika wkoll għal min jiġi re-instated fil-Korp tal-Pulizija wara li jkun intlaqgħu l-ilmenti mill-Grievance Board?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li skond l-aħħar avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 19,536 datata 16 ta’ Frar, 2016, għall-post ta’ Kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, l-artiklu 4.1(viii) kien jgħid illi “applikazzjonijiet minn kandidati li jkollhom fuq il-persuna tagħhom tatwaġġi u/jew body piercing eċċessiv ma jiġux ikkunsidrati. Applikanti li jkollhom tatwaġġi oħrajn jiġu kkunsidrati skont il-każ”. Madankollu ma hemmx policy rigward ir-re-instatements u d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Grievances Unit, fejn jikkonċerna tatwaġġi.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-irwol tal-Pulizija ta’ Malta fil-kontroll tat-traffiku f’pajjiżna?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-rwol tal-Pulizija fil-kontroll tat-traffiku f’pajjiżna huwa ferm varjat, speċjalment dak ta’ Pulizija tas-sezzjoni tat-Traffiku, però fil-qosor hu prinċipalment li jassistu kull tip ta immaniġjar ta’ traffiku f’dawn il-gzejjer. Fost diversi doveri dawn ikunu postijiet strateġiċi biex f’ħinjiet fejn it-traffiku jiżdid kemm filgħodu kif ukoll fil-għaxija, biex jassistu fit-tmexxija tal-vetturi jew f’dawk il-postijiet fejn ikun hemm xogħol fuq proġetti prinċipali tat-toroq. L-istess pulizija jkunu ħafna drabi minn tal-ewwel li jasslu fuq il-postijiet ta’ inċidenti stradali għal kull għajnuna u kontroll tat-traffiku u waqt ir-ronda tagħhom jassistu sewwieqa u pedestrians kif meħtieġ. Dan biex kemm jista jkun jipprevenu inċidenti barra li jaraw li tinżamm l-ordni fis-sewqan u jinvestigaw kontravenzjonijiet fit-toroq bi ksur ta’ liġijiet relatati mat-traffiku. Il-Pulizija tat-Traffiku huma wkoll responsabbli mix-xogħol ta’ skorta bil-mutur, waqt zjarat ta’ persuni distinti, f’dawn il-gzejjer.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif inhuma regolati jew liċenzjati l-bouncers li jaħdmu ġo stabbilimenti f’pajjiżna? Jista’ jgħid jekk dawn għandhomx xi poteri mogħtija mil-liġi Maltija u sa fejn jaslu dawn il-poteri?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ir-regoli dwar persuni liċenzjati biex jagħmlu xogħol ta’ gwardjani privati f’postijiet ta’ divertiment (bouncers), joħorġu mill-provedimenti tal-Kap 389 tal-Liġijiet ta’ Malta, dwar Gwardjani Privati u Lokali. Din il-liġi telenka wkoll il-kwalifiki meħtieġa minn dawn il-gwardjani kif ukoll il-provedimenti fuq ħruġ ta’ liċenzji tagħhom. Dwar il-poteri ta’ l-istess gwardjani, dawn huma elenkati wkoll fil-ligi msemmija u speċifikament fil-paragrafu 12A ta’ l-istess liġi.
Il-Manikata – Sqaq Ħarruba – preżenza ta’ pulizija
Question
Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aktar preżenza tal-pulizija fil-lokalità tal-Manikata, dan anke b'rabta mal-abbużi regolari tat-traffiku li qed ikun hemm speċjalment fiż-żona ta' Sqaq Ħarruba?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-kontenut tat-talba tiegħu diġa ġiet ikkomunikata lill-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku u dawk tad-Distrett, biex minnufih tiżdied il-preżenza tagħhom fil-lokalità msemmija permezz ta' ronda, anke fid-dawl ta' l-allegati abbużi tat-traffiku li jkun hemm fiż-żona indikata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il delitt sar matul is-snin 2013, 2014 u 2015 u li kienu solvuti mill-Pulizija ta' Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta` Jannar 2013 u l- wieħed u tletin ta’ Dicembru 2015 seħħew sittax (16) il-każ ta’ Omiċidju, b’wieħed minn dawn il-każi jkun fih żewġ (2) vittmi. Minn dan l-ammont ġew solvuti sitt (6) każi filwaqt li għall-għaxra (10) l-oħra l-investigazzjonijiet għadhom sejrin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn kien hemm rapporti ta' feriment ta' persuni, f'kull lokalità separatament, , matul l-aħħar 12-il xahar? Kemm kienu l-persuni f'kull każ, li kienu involuti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta` Mejju 2015 u t- tletin t’ April, 2016 ġew rapportati lill-pulizija disa mija u wieħed u għoxrin (921) każ ta’ ferita fuq persuna u li kienu jinvolvu elf u sitta u sebgħin (1076) persuna li kienu reġistrati bħala vittma. Barra min dan kien hemm ukoll sitt mija u tmienja u għoxrin (628) każ ieħor, klassifikati bħala vjolenza domestika u li involvew sitt mija u tmienja u tmenin (688) persuna rreġistrati bħala vittmi li soffrew feriti fuq il-persuna. Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ każijiet skond il-lokalita’ u tip ta’ reat rapportat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx full complement fil-Korp tal-Pulizija? Jekk le, f'liema gradi għad hemm il-vojt? Kemm hemm bżonn reklutaġġi f'kull grad?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-‘compliment’ attwali tal-Korp tal-Pulizijasat-22 ta’ Mejju 2016 huwa kif ġej:
Assistent Kummissarju – 1
Deputat Kummissarju – 0
Assistent Kummissarji – 6
Supretendenti – 21
Spetturi – 103
Surġenti-Maġġuri tal-1 Klassi – 2
Surġenti-Maġġuri tat-2 Klassi – 44
Surġenti – 335
Kuntistabbli – 1467
Kuntistabbli ta’ Riżerva - 96
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx full complement fl-Armata ta' Malta? Jekk le, f'liema gradi għad hemm il-vojt? Kemm hemm bżonn reklutaġġi f'kull grad?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta mhumiex qiegħdin full complement. Id-diskrepanza bejn il-full complement u l-forza presenti hi ta 60 uffiċjal u 704 other rank.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il roadblock sar mill-pulizija matul is-snin 2013, 2014 u 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul is-snin 2013, 2014 u is-sena 2015, il-Pulizija għamlet 2,602 roadblock, f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Dawn kienu mqassma:
Sena
Ammont to roadblocks
2013
861
2014
1050
2015
691
Total
2,602
JIsta' l-Ministru jgħid kemm-il roadblock saret mill-Forzi Armata ta' Malta matul is-snin 2013, 2014 u 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn 2013-2015 ma sarux Vehicle Check Points (VCP) mill-membri tal-Forzi Armati ta Malta. Dawn it-tip ta’ operazjonijet huma parti mir-rwoli secondarji tal-FAM li jsiru fuq talba għal-għajnuna mil-Pulizija. Il-VCPs twaqqfu milli jkomplu jsiru f’Marzu tas-sena 2010.
Jista' l-Ministru jgħid il-pulizija kemm joffru servizzi mill-għases fl-ibliet u l-irħula tagħna?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li barra mis-servizzi fil-komunità li jingħataw mill-Membri tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati fl-Għases fl-ibliet u rħula ġewwa Malta u Għawdex bħala rutina ta’ kuljum, hemm diversi servizzi oħra li jiġu offruti mill-istess membri. Dawn jinkludu fixed points ma’ postijiet fejn ikun hemm bżonn speċifiku - ħarsien tat-tfal waqt dħul u ħrug mill-iskejjel - doveri ta’ għases ma’ banek - kontroll u assistenza fl-immaniġjar tat-traffiku waqt diversi attivitajiet fid-Diviżjon tagħhom u fi grawnds tal-futbol u attivitajiet sportivi oħra, kif ukoll ħruġ ta’ ċertu permessi.