Segertarjat Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku — ingaġġ ta' individwu
Question
Jista’ l-Ministru, f’isem is-Segretarju Parlamentari jgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħu, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 16515.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — konsulenza lil individwu
Question
Jista l-Ministru jgħid l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru li hu jmexxi tawx xi forma ta' konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandu konsulenza fil-MITA u fil-MGA.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — ingaġġ ta' individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, u filkas liema, entitajiet, bordijiet, awtoritajiet, dipartiment u simili li għalihom huwa responsabbli fid-dekasteru tiegħu, ħatrux, appuntawx jew innominaw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xi kariga, uffiċċju, jew ħatra, hi liema hi, mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienet il-ħatra, uffiċċju jew kariga? X’kien il-ħlas għaliha?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inħatar nhar l-24 ta’ Marzu 2014 sabiex imexxi medjazzjoni bejn Koperattivi Malta u l-Malta Co-operative Federation. Il-Ħlas għal din il-kariga kien ta’ €1,062 (VAT inkluż).
Malta Industrial Parks – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15611 u jgħid x’remunerazzjoni għandha, inklużi l-perkaċċi kollha, il-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks (MIP)? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — persuni impjegati
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17047 jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta' impjiegi fil-gradi kollha li saru mill-entitatjiet (bħal Dipartimenti, Kunsilli, Awtoritajiet, Kummissjonijiet, Aġenziji eċċ.) kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-perjodu indikat? Kemm minn dawn l-impjegi kienu ta' persuni rikonuxxuti uffiċjalment bħala persuni b'diżabilità?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jelenka l-kumpaniji li ġew reġistrati minn Marzu 2013 li fihom il-Gvern ta’ Malta jew xi Dipartiment tal-Gvern, jew Korporazzjoni jew enti oħra tal-Gvern ta’ Malta, għandu/għandhom sehem, hu kemm hu dak is-sehem? F’liema data ġew reġistrati u min huma l-azzjonisti kollha f’kull każ?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
MIMCOL – Chairman u Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15609 u jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Chairman u Kap Eżekuttiv tal-MIMCOL? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Chairman tal-MIMCOL/MGI ma jokkupax kariga eżekuttiva u għalhekk huwa intitolat għal honoraria li hemm imniżżla fiċ-ċirkulari tal-OPM fuq l-honoraria tad-diretturi li jservu fuq il-bordijiet ta’ kumpaniji tal-Gvern. Huwa għandu ukoll użu tal-karozza tal-kumpanija.
Il-Kap Eżekuttiv għandu remunerazzjoni annwali u perkaċċi li b’kollox jammontaw għal €119,599 annwali. Il- ħatra tiegħu saret direttament mill-Gvern preċidenti fl-2011 wara li ġie sospiż il-Kap Eżekuttiv ta’ qabel u ntlaħaq qbil bejn dan ta’ l-aħħar u l-MIMCOL li wassal għat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu. Ma saritx sejħa biex timtela’ din il-kariga u minnflok, il-Kap Eżekuttiv preżenti li kien diġa’ mpjegat tal-MIMCOL fil-pożizzjoni ta’
Manager
, ingħata l-pozizzjoni fuq l-istess kundizzjonijiet li kien igawdi ta’ qablu.
Malta Enterprise – Chairman u Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15610 u jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Chairman u Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Eks Malta Shipbuilding – persuni ingaġġati bħala security
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17198, 16639 u 15879 u jgħid kemm hemm nies li ġew ingaġġati sabiex iservu bħala security fuq is-sit magħruf bħala l-Malta Shipbuilding fil-Marsa minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kif ġew ingaġġati dawn in-nies, ma’ liema entità governattiva ġew ingaġġati, x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, x’inhi l-paga li qed jirċievu u kif inhuma x-xiftijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid kienx hemm sejħa pubblika għal dawn il-postijiet tax-xogħol? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ismijiet kollha tan-nies li ġew ingaġġati bħala security fis-sit imsemmi minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid mil-liema distretti elettorali ġejjin dawn in-nies li ġew ingaġġati?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda ħaddiema li huma ngaġġati biex jaħdmu bħala security fuq is-sit magħruf bħala Malta Shipbuilding.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern waqqaf Fort Security Services Ltd C70135?
Response (CARDONA, CHRIS)
Il-kumpanija Fort Security Services Limited ġiet imwaqqfa biex tagħti servizzi ta' sigurtà lil-kumpaniji tal-Gvern, sabiex jiġu imħarrsa l-assi tal-istess Gvern.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Itrapriżi Żgħar — persuni impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni impjegati ma' xi dipartiment jew kwalunkwe entità oħra li taqa' taħtu minn Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu persuni uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b'diżabilità?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jiċċara x’jifhem eżatt b’persuni impjegati ma' xi dipartiment jew kwalunkwe entità oħra.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – ingaġġ ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’irwol kellha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw b’mod separat f’xi kumpanija, bord, entità, awtorità, aġenzija, dipartiment, fondazzjoni, korporazzjoni, tribunal li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu bejn l-2008 u Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk inħatritx b’sejħa jew b’għażla diretta? Jista’ jgħid kemm damet tokkupa kull kariga b’mod separat? Jista’ jgħid x’kien il-pakkett ta’ rimunerazzjoni li kellha, inkluż il-perkaċċi kollha?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Dr.Simon Galea Testaferrata ġie appuntat bħala Segretarju tal-Bord tal-Koperattivi permezz ta’ ittra ta’ ħatra datata 2 ta’ Awissu 2007 mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji zgħar u self Employed ta’ dak iz-zmien, l-Onor.Edwin Vassallo.
Huwa rrezenja mill-kariga permezz ta’ ittra datata 3 ta’ Jannar 2012.
L-Onorarja tiegħu kienet ta €1,631 fis-sena.
Jista’ l-Ministru jispeċifika min qiegħed jikkontribwixxi fir-Responsible Gaming Foundation u l-ammonti rispettivi li qed jagħtu lil dan il-Fond?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kontributuri tar-Responsible Gaming Foundation huma primarjament tlieta, il-Maltco, il-Malta Gaming Authority u Operaturi li jaħdmu fis-settur, b’dawn ta’ l-aħħar jikkontribwixxu fuq bażi volontarja.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15432 u jgħid jekk il-kariga ta’ chief security officer jew simili, fil-Freeport hijiex okkupata minn membru tal-Korp tal-Pulizija. Jekk iva, dan sar wara sejħa pubblika jew le?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kariga ta' Chief Security Officer mal-Malta Freeport Corporation Ltd hija okkupata minn membru li ġie sekondat mill-Korp tal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15433 u jgħid fuq liema bażi s-surġent tal-pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, qed jaħdem il-Freeport? X’inhuma l-kwalifiki li jagħmluh idoneu għax-xogħol ta’ security li qed iwettaq? X’inhi l-kariga li qed jokkupa?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-surġent tal-pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jiġi mpjegat on secondment mill-Korp tal-Pulizija fil-kariga ta' Chief Security Officer. Ir-rwol u l-ħidma tiegħu fil-Korp tal-Pulizija jagħmluh idoneu għal din il-poziżżjoni.
Wieħed ifakkar li s-Sur Ernest Tonna kien inħatar Chief Security Officer bħala person of trust mill-amministrazzjoni precedenti.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — positions of trust
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15444, 14740 u 14170 u jelenka liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Responsible Gaming Foundation – benefiċjarji u ammonti allokati
Question
Jista’ l-Ministru jelenka separatament l-benefiċjarji u l-ammonti allokati għalihom li gawdew mir-Responsible Gaming Foundation , mit-tnedija tiegħu sal-lum?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-benefiċjarji tar-responsible gaming foundation huma dawk in-nies li sfortunatament jkollhom problema bil-logħob. Madanakollu l-fondazzjoni nediet “Corporate Social Responsability Programm” sabiex għaqdiet u organizzazzjonijiet oħra joffru attivitajiet alternattivi għal-logħob ta’ l-azzard jkunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi allokati. Dan il-programm gie mniedi permezz ta’ konferenza stampa fid-19 ta’ Dicembru 2015. Is-sejħa ghal-applikazzjonijiet kienet miftuħa bejn 2 ta’ Frar 2015 u 27 ta’ Frar 2015 u kienet reklamata fuq il- gazzetti lokali, fuq is-sit soċjali Facebook u fuq il-website tal-Fondazzjoni. B’kollox daħlu 31 applikazzjoni li minnhom ġew magħzula 21 b’total ta’ €92,650.84.
Eks Malta Shipbuilding – persuni ingaġġati bħala security
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16639 u 15879 u jgħid kemm hemm nies li ġew ingaġġati sabiex iservu bħala security fuq is-sit magħruf bħala l-Malta Shipbuilding fil-Marsa minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kif ġew ingaġġati dawn in-nies, ma’ liema entità governattiva ġew ingaġġati, x’inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, x’inhi l-paga li qed jirċievu u kif inhuma x-xiftijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid kienx hemm sejħa pubblika għal dawn il-postijiet tax-xogħol? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ismijiet kollha tan-nies li ġew ingaġġati bħala security fis-sit imsemmi minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid mil-liema distretti elettorali ġejjin dawn in-nies li ġew ingaġġati?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn mobile phone users f'Malta? Kemm-il linja hawn?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-istatistika miġbura mill-Awtorità ta' Malta għall-komunikazzjoni, fi tmiem l-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, in-numru ta' abbonati għas-servizz tat-telefon ċellulari kien jammonta għal madwar ħames mija, erbgħa u ħamsin elf (554,000).
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16663, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kunfindenzjalità toħroġx mill-ftehim stess?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim tal-'Concession for the Rights of the National Lottery of Malta' iffirmat fis-27 ta' Ġunju 2012 bejn il-Gvern u l-Maltco Lotteries Limited huwa dokument kunfidenzjali u għalhekk ma jistax jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il- kunfidenzjalita toħroġ mid dokument innifsu.