Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għat-tweġiba f'PQ 29596, ma jħossx il-Ministru li jekk inkunu membri fl-UE, din timponi fuq il-Maltin u l-Għawdxin kontrolli fuq l-importazzjoni tal-materja prima ta' l-ikel u tal-prodotti ta' l-ikel importati mill-pajjiżi li mhumiex memrbi ta' l-UE fosthom it-TARIC, Tariff Quotas u s-special saveguards provissions li huma reġistrati mal-WTO?
Fid-dawl tal-mistoqsijiet preċedenti u ta' l-iżviluppi riċenti, jista' l-Ministru jinformani bl-aħħar pożiżżjoni tas-sitwazzjoni msemmija?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'hemm xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 29596.
Jista' l-Ministru jgħid minn fil-fatt approva t-tneħħija ta' l-Ex-segretarju permanenti tal-Ministeru u b'seħħ minn meta ġie nfurmat uffiċjalment l-persuna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 29902.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl li s-segretarju permanenti tal-Ministeru twarrab, jista' l-Ministru issa jwieġeb għad-dikjarazzjonijiet li għamel is-segretarju parlamentari George Pullicino dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali ta' San Lucian?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidher li d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Parlamentari George Pullicino fir-rigward tas-sitwazzjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali ta' San Luċjan kienu jirriferu għall-produzzjoni ta' ħut (fingerlings) fuq skala kummerċjali għall-bejgħ. Dan ix-xogħol ma għadux isir fiċ-Ċentru għar-raġuni li m'hux sew li nipproduċu ħut li jiswielna 6ċ5 kull waħda meta l-prezz fis-suq illum huwa ta' 6ċ biss. Il-ħut li jiġi mfaqqas u mrobbi fiċ-Ċentru hu għal finijiet ta' xogħol xjentifiku u ta' riċerka biss u jekk ikun hemm xi ħut żejjed dan jista' jinbiegħ flok jinqatel.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għat-tweġiba f'PQ 29596, ma jħossx il-Ministru li la l-UE ma timponi ebda kontrolli fuq l-importazzjoni ta' l-ikel tal-popli membri m'hemmx il-ħtieġa li jsiru t-talbiet għas-supply measures?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li ma' pajjiżi barra minnha, l-Unjoni Ewropeja għandha reġim ta' protezzjoni msejjes fuq diversi mekkaniżmi. Għal ħafna raġunijiet Malta tħoss li l-kundizzjonijiet tal-ħtiġijiet tagħha ta' importazzjoni barra mill-Unjoni għandhom jiġu rikonoxxuti minħabba ċ-ċokon u ċ-ċirkustanzi ta' Malta. Dan iwassal għall-ħtieġa ta' talba għal suppy measure.
B'referenza għat-tweġiba f'mistoqsija parlamentari nru. 29597, ma jħossx il-Ministru li la l-UE ma timponi ebda kontrolli fuq l-importazzjoni ta' l-ikel tal-popli tal-pajjiżi membri m'hemmx il-ħtieġa li jsiru t-talbiet għas-supply measures?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li tkun fl-interess ta' pajjiżna li Malta timporta ċerti ħtiġijiet tagħha minn pajjiżi barra l-Unjoni fuq il-kundizzjonijiet preżenti ta' importazzjoni. Għaldaqstant, talba għal supply measure hi ġġustifikata.
B'referenza għat-tweġiba f'mistoqsija parlamentari nru. 29597, ma jħossx il-Ministru li ġa ladarba bis-sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE se jkun hawn il-liberalizzazjoni fil-kummerċ u se jitneħħew il-levies ta' protezzjoni tal-biedja f'pajjiża, m'hemmx għalfejn il-ħtieġa li napplikaw u naħlu ż-żmien ninnegizjaw is-supply measures ma' l-UE sabiex niportaw materja prima ta' l-ikel u prodotti ta' l-ikel li diġa nimportaw bla dazju meta ninsabu barra mill-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li b'supply measure nifhmu provvista ta' prodott bi prezz aktar kompetittiv, fil-preżent, ngħidu aħna l-prezz dinji. Din hi konsiderazzjoni li tmur aktar 'il fuq minn dazji u mizuri oħra ta' protezzjoni.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru. 29597, ma jħossx il-Ministru li jekk inkunu membri fl-UE, din timponi fuq il-Maltin u l-Għawdxin kontrolli fuq l-importazzjoni tal-materja prima ta' l-ikel u tal-prodotti ta' l-ikel importati mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE fosthom it-TARIC, Tariff Quotas u s-special saveguards provisions li huma reġistrati mad-WTO?
Fid-dawl tal-mistoqsijiet preċedenti u ta' l-iżviluppi riċenti, jista' l-Ministru jinformani bl-aħħar pożizzjoni tas-sitwazzjoni msemmija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Proprju special supply measure jevita dak kollu li qed isemmi. U għal darba oħra nserrah ras l-Onor. Interpellant li n-negozjati żgur li jirrispettaw it-talbiet għall-ħtiġijiet tagħna.
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, fil-futur qarib Malta tibda n-negozjati formali, fosthom it-talbiet tagħna għal supply measures.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti barranin u maltin li tħarġu fiċ-Ċentru Malti għat-Taħriġ fix-Xjenzi tal-Ħut matul dawn l-aħħar tliet snin sena b'sena? Liema suġġetti u kemm kien jinvolvi l-perjodu ta' żmien dan it-taħriġ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-istudenti Maltin u barranin li tħarrġu u qed jitħarrġu fiċ-Ċentru Malti għat-Taħriġ fix-Xjenzi tal-Ħut mill-1999 sal-lum kienu:
1999
15-il student Libjan ħadu taħriġ fl-Akwakultura għal perjodu ta' sena.
Student Grieg mill-Universita' ta' Plymouth għamel riċerka għal tliet xhur.
Żewġ studenti Franċiżi għamlu riċerka għal tliet xhur.
Żewġ studenti Maltin għamlu r-riċerka tagħhom għal tliet xhur.
2000
13-il student Malti bdew l-kors ta' sentejn fl-HND Fisheries Sciences for Mediterranean Countries.
Il-grupp ta' studenti Libjani komplew u spiċċaw il-kors li kienu bdew fl-1999.
Seba' studenti mil-La Agronica sc ta' Palermo tħarrġu għal ħmistax-il ġurnata.
Studenta Franċiża għamlet perjodu ta' tliet xhur.
Żewġ studenti mill-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura għamlu taħriġ f'dan iċ-Ċentru.
2001
Tmien studenti Maltin qed ikomplu l-HND kors.
Sitt studenti oħra Maltin mill-Kulleġġ ta' l-Agrikultura qegħdin jitħarrġu f'aspetti diversi ta' l-Akwakultura.
Membri tal-Forzi Armati ta' Malta ngħataw korsijiet qosra fiċ-Ċentru.
Studenta Ġermaniża għamlet xahar taħriġ fl-akwakultura inġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kumpaniji/agenziji/universitajiet eċċ barranin li użaw iċ-Ċentru Malti għat-taħriġ fix-Xjenzi tal-Ħut u tar-riċerka fir-reġjun tal-Mediterran matul dawn l-aħħar tliet snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-tagħrif mitlub hu dan:
1999
Il-kumpannija barranija Biomar.
Aquaculture Vaccines Ltd. (AVL)
SIPAM (Aġenzija tal-FAO)
COPEMED / FAO
Ghent University
2000
Aquaculture Vaccines Ltd. (AVL)
SIPAM (Aġenzija tal-FAO)
COPEMED / FAO
Le Geussant (Kumpannija)
University of Plymouth
Edexcel (Kumpannija)
2001
Aquaculture Vaccines Ltd. (AVL)
SIPAM (Aġenzija tal-FAO)
COPEMED / FAO
University of Plymouth
Edexcel
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti tal-Biedja li mistennija jsibu swieq ta' l-esportazzjoni fis-swieq ta' l-UE? X'preparazzjoni saret bejn id-dipartiment tal-Biedja u l-bdiewa u raħħala dwar dan l-għan matul dawn l-aħħar snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prodotti tal-biedja li jistgħu jiġu esportati kemm fi swieq ta' l-UE kif ukoll barra mill-UE, huma varji u jekk issirx esportazzjoni jew le, jiddependi ħafna minn fatturi kummerċjali fosthom prezzijiet, kemm fis-suq lokali kif ukoll fi swieq internazzjonali, iż-żmien ta' meta tilħaq il-produzzjoni, l-ispejjeż għat-trasport, għall-ippakkjar, reklamar, etċċ.
Ta' min jgħid li meta d-domanda lokali tkun tajba u għalhekk il-prezzijiet lokalment ikunu tajbin, il-bdiewa jippreferu jbiegħu l-prodotti tagħhom fis-suq lokali. Jeżistu iżda possibbiltajiet ta' esportazzjoni ta' prodotti agrikoli lokali bħal per eżempju patata, inbid Malti, etċċ. u l-Ministeru tiegħi lest li jagħti kull għajnuna, kemm teknika kif ukoll finanzjarja, lil dawk l-għaqdiet tal-bdiewa li jkunu lesti jesportaw il-prodotti agrikoli mkabbra lokalment dment li l-affarijiet isiru sew u l-interessi tal-bdiewa jkunu salvagwardati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa numru ta' ħaddiema li jiffurmaw u jmexxu l-Office of Review fi ħdan il-Ministeru tal-Biedja u Sajd? Kemm-il żjara għamlu barra l-pajjiż dawn il-membri u għal-liema għan?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Office of Review jikkonsisti mid-Direttur, Koordinatur dwar l-UE, Koordinatur għall-Customer Care, u Skrivana.
Saru żewġ żjarat barra minn Malta mid-Direttur. Waħda kienet żjara ta' studju fi Brussels, u l-oħra parteċipazzjoni f'laqgħa ta' OLAF.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-prodotti li ppruvaw jesportaw il-bdiewa sabiex isibu swieq ġodda? X'varjetajiet u x'kwantitajiet ġew esportati? Fiex fil-fatt intefqu l-Lm 10,000 li ingħataw lill-bdiewa għal dan il-għan u mill-liema vot ittieħdu dawn il-flus?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment tal-Biedja ma kellu l-ebda talba mingħand bdiewa għal xi forma ta' għajnuna biex jiġu esportati xi prodotti agrikoli lokali bl-eċċezzjoni ta' talba waħda għal għajnuna finanzjarja mingħand l-Malta Vines and Wines Association biex ikunu jistgħu jagħmlu kampanja promozzjonali għall-inbid prodott lokalment, u talba oħra għal għajnuna finanzjarja mingħand l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa biex tgħinhom fl-inizjattiva tagħhom biex jinstabu swieq għall-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli lokali. Ġiet approvata wkoll għajnuna finanzjarja lill-Kooperattiva Ċentrali tal-Bdiewa biex jinbena depot għall-prodott tal-bidwi ntiż jew għall-esportazzjoni jew għall-ipproċessar lokalment. Il-flus ittieħdu mill-voti ntiżi għal għajnuna lill-bdiewa.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li l-kontinwazzjoni tax-xogħlijiet fil-parti ta' Slampa f'Wied il-Qlejjqla qed jitkomplew issa meta xogħol kien inbeda qabel il-5 ta' Settembru 1998? Għaliex matul dan iż-żmien kolla ma tkomplewx ix-xogħolijiet? U għaliex qed isir fix-Xitwa meta setgħu saru fis-Sajf?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ix-xogħol fuq il-ħajt li hemm fil-parti ta' Slampa f'Wied il-Qlejgħa kien inbeda f'Marzu 1998 u waqaf f'Ġunju 1998, minħabba li d-Dipartiment dakinhar ħass li l-periklu li kien hemm kien tneħħa u d-Dipartiment kellu prijoritajiet ferm importanti aktar mit-tkomplija ta' dan il-ħajt. Kien għalhekk li meta d-Dipartiment ra li dawn il-prijoritajiet kienu milħuqa ħa ħsieb biex jibda l-proċeduri ħalli tinħareġ tender biex ikun jista' jitkompla x-xogħol fuq dan il-ħajt. It-tender ingħatat fil-5 ta' Ottubru u x-xogħol beda fit-8 ta' Novembru, 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tad-Dipartiment tas-Sajd sabiex jirranġa slipways f'Malta u Għawdex separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant li s'issa ntnefqu ma' l-Lm14,000 f'tiswijiet ta' slipways f'Malta u hemm allokata s-somma ta' Lm20,000 bħala tender, immarkata għat-tindif ta' l-Menqa ta' San Pawl il-Baħar. Tiswijiet ta' slipways f'Għawdex isiru mid-Dipartiment tal-Proġetti ta' Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda full-time separatament li din is-sena applikaw għas-sussidju ta' nofs il-bolla? Jista' jipprovdi l-aħħar 5 snin sena b'sena u preferibilment f'Malta u Għawdex separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dan il-Ministeru qatt ma żamm statistika separata ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li jibbenefikaw mir-rifużjoni tal-kontribuzzjoni tas-sigurta' soċjali u ċ-ċifri tal-benefiċċjari dejjem kienu mogħtija b'mod globali. Fit-tabella jidher l-ammont ta' applikanti għal dawn l-aħħar ħames snin.
Sena Numru ta' applikanti
1996 1,181
1997 1,218
1998 1,109
1999 1,076
2000 1,184
B'referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista nhar it-28 ta' Ottubru 2001, fejn irriżulta li l-posizzjoni tal-Ministru tal-Biedja u Sajd tal-Gvern Nazzjonalista dwar il-qafas tal-Politika Laburista u l-protezzjoni tal-levies tal-biedja (li tirriżulta mill-istess qafas tal-politika laburista) hija differenti minn dik tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, jista' jispjega liema hija l-posizzjoni uffiċjali (cioe jekk hiex dik espressa mill-Partit fil-Gvern jew tal-Ministru?)
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni tal-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd hi kompatibbli ma' dik tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Tajjeb li jingħad ukoll li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tkompli ġġib fix-xejn il-kritika distruttiva u tal-babaw ta' l-Oppożizzjoni Laburista.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru li se jiġu privatizzati? Kemm huwa numru ta' ħaddiema f'dawn id-dipartimenti u x'kundizzjonijiet qed jingħataw kemm il-darba dawn ikunu jridu jibqgħu jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'hemm l-ebda ħsieb li xi dipartiment fil-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd ikun privatizzat. Madanakollu qed tkun kunsidrata l-possibbilta' ta' Public Private Partnership Agreement fir-rigward ta' inizjattivi ta' embellishment u landscaping.