Legislature:
Category:
Reset
Active:

Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għas-safar tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, in-nefqa globali għas-safar fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet ta' Lm211,294.10 (li minnhom Lm82,925.34 jiġu rifużi mill-Unjoni Ewropea u entitajiet oħrajn). Fil-każ ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) in-nefqa kienet ta’ Lm78,290 (li minnhom Lm20,399 ġew rifużi mill-Unjoni Ewropea) filwaqt li għall-WasteServ Malta Ltd in-nefqa kienet ta’ Lm12,414.03.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Fuels

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali tal-fuels tal-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, in-nefqa globali għall-fuels fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet ta' Lm262,197 (Lm68,340 minnhom għall-użu ta’ vetturi/trasport). Fil-każ ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) in-nefqa kienet ta’ Lm28,397 filwaqt li għall-WasteServ Malta Ltd in-nefqa kienet ta’ Lm38,014.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Telephone

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal użu tas-servizzi tat-telephone fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, in-nefqa għall-użu tas-servizz tat-telephone fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet ta' Lm86,810.65. Fil-każ ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) in-nefqa kienet ta’ Lm65,652 filwaqt li għall-WasteServ Malta Ltd in-nefqa kienet ta’ Lm16,670.41.

Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2006? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Kiri ta' Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali għal kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, in-nefqa globali għal kiri ta' karozzi u vetturi fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet ta' Lm73,410. Fil-każ ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) in-nefqa kienet ta’ Lm117,723 filwaqt li għall-WasteServ Malta Ltd in-nefqa kienet ta’ Lm3,772.80.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-Ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2006, in-nefqa globali f’mobile phones fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu kienet ta' Lm Lm29,931.49. Fil-każ ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) in-nefqa kienet ta’ Lm16,217 filwaqt li għall-WasteServ Malta Ltd in-nefqa kienet ta’ Lm9,758.36.

Urban Conservation Area

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu aġġustati l-boundaries tal-UCA fil-Pjani Lokali li ħarġu fit-3 ta' Awissu li għadda wara li rriżulta li hemm diversi anomaliji li hemm bżonn li jiġu kkoreġuti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema anomaliji qiegħed jirreferi.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qamet kull safra (spejjeż kollha nklużi) li saret matul l-2006 fejn kien involut hu u s-Segretarju Parlamentari separatament, safra b'safra? Meta sar dan is-safar? Kemm damu ljieli? Fejn kienet id-destinazzjoni? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjaw lilu jew lis-Segretarju Parlamentari u x'karigi għandhom? Ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom għal akkomodazzjoni f'kull safra separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba. Ma tinżammx informazzjoni dwar il-lukandi li marru fihom għall-akkomodazzjoni l-Ministru u s-Segretarju Parlamentari u d-delegazzjonijiet tagħhom.

Kontijiet tat-telephone

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006? Min huma l-persuni li huma ntitolati għal ħlas tat-telephone privat fir-residenza tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa f’kontijiet tat-telefon ta’ residenzi ta’ uffiċċjali governattivi kienet Lm3,627.74 fl-2005 u Lm4,047.68 fl-2006. Ma narax li hija prudenza li nsemmgħu l-ismijiet fil-Parlament.

Għawdex — Ilma għat-tisqija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li hu l-bżonn ta' ilma kuljum għat-tisqija fl-agrikoltura f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 21183.

MEPA — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet sospiża mix-xogħol tagħha fil-MEPA? Din il-persuna għadha sospiża u jekk fl-affermattiv, b'liema rata ta' paga qiegħda titħallas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija għadha sospiża u dan wara li l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet infurmata li l-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontriha u li dawn il-proċeduri kienu jirrigwardaw materji ta’ ċertu gravità. Skond il-proċeduri ta' dixxiplina applikabbli skond il-ftehim kollettiv, meta impjegat ikun mixli b'reat kriminali, l-impjegat jista’ jiġi sospiż imma l-ebda passi dixxiplinari m’għandhom jittieħdu sakemm ikunu għadhom għaddejin il-proċeduri fil-Qorti. Għalaqstant l-impjegat jibqa’ jitħallas il-paga tiegħu. Ta’ min wieħed iżid li skond il-Ftehim Kollettiv jekk il-persuna tinstab ħatja jinħatar Bord tad-Dixxiplina li jiddeċiedi x’provvedimenti għandhom jittieħdu kontra l-persuna.

Ta' Qali — Park

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tal-park ta' Ta' Qali kif se jiġi mkabbar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-applikazzjoni ta’ l-estensjoni għadha pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Ħ'Attard — Wied Inċita

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23085 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u li issa ġiet riferuta lilu, jista' l-Ministru jara li jsir parking għall-ħaddiema ta' Wied Inċita, f'Ħ'Attard peress li dan qed ikun ta' problema għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Gvern ma rċieva l-ebda rapporti ta' xi problemi fuq il-parking mingħand il-ħaddiema. Il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom jafu li l-Gvern għandu bord apposta, il-Malta Embellishment and Landscaping Project (MELP), fejn huma jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom. Jekk il-ħaddiema għandhom xi problema tajjeb li jressqu l-ilment tagħhom fl-uffiċċju tal-bord f'Sant'Anton.

Ġarr tat-tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ġarr tat-tiġieġ f'Malta u Għawdex isir b 'mod li jkun ferm aħjar? Jaf il-Ministru li jinżlu trakkijiet b'gaġeġ mimlija tiġieġ li jkunu kważi mgħaffġa fuq xulxin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li meta t-tiġieġ jaslu fil-biċċerija tat-tigieg ikun hemm uffiċjali veterinarji li jaċċertaw li l-kundizzjoni ta’ dawn it-tjur tkun rispettata skond il-liġijiet tas-saħħa u l-ħarsien ta’ l-annimali. Il-ġarr tat-tiġieġ huwa responsabbiltà tal-produtturi. Mill-ispezzjonijiet li jsiru meta jaslu fil-biċċeriji privati, in-numru ta’ imwiet fost it-tjur huwa minimu u kkunsidrat normali fit-trasport ta’ tiġieġ. Dan jindika li ma jeżistix stress aktar min-normal fit-trasport tat-tiġieġ.

Ħaddiema tas-Servizz Pubbliku — Użu ta' vettura

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk il-ħaddiema (il-grad) taċ-ċivil li huma ntitolati għal karozza? Kemm spiċċaw ħaddiema f'dan il-grad tul dawn l-aħħar ħames snin u kemm minnhom baqgħu jgawdu minn din il-karozza anke meta spiċċa? X'tip ta' karozza kienet f'kull każ u s-sena ta' reġistrazzjoni għal kull karozza?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent l-uffiċjali fil-gradi msemmijin hawn taħt huma ntitolati għal karozza: - Segretarju Permanenti - Diretturi Ġenerali - Diretturi F’dan l-aħħar ħames snin (mill-2002 sa l-2006) spiċċaw seba’ uffiċjali fil-gradi msemmija. Minnhom sitta xtraw il-karozza mingħand il-Gvern meta spiċċaw mis-Servizz Pubbliku minħabba li laħqu l-età ta’ l-irtirar kif stipulat fil-proċedura tas-servizz pubbliku. Dettalji dwar is-sitt vetturi mixtrija minn dawn l-uffiċjali huma kif ġej:

Fishfarms

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn fishfarms joperaw f'pajjiżna? Xi kwalita' ta' ħut ikabbru? Kemm hi kalkulata l-produzzjoni kull sena? Kemm, bejn wieħed u ieħor, qed iħallu flus f'pajjiżna dawn il-fishfarms?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fl-2006 kien hemm dawn il-kumpaniji joperaw: - Fish and Fish Company Ltd li kellha tliet tipi ta' ħut, li kienu l-awrat, l-ispnott u t-tonn. - Malta Fish Farming Ltd kellha l-istess tipi ta' ħut kif ukoll l-aċċol fuq bażi ta' riċerka flimkien mal-Fergħa tas-Sajd u ta' l-Akwakultura. - P2M Company Ltd għandha wkoll tliet tipi - l-awrat, l-ispnott u l-gurbell ( meagre ). - AJD Ltd għandha t-tonn waqt li l- AJD 2 m'għandha xejn. - Mare Blu kellha t-tonn waqt li Ta' Mattew ma kellu xejn. Il-produzzjoni kull sena hija kif tidher fir-rapporti annwali tal-Fergħa tas-Sajd u ta’ l-Akwakultura. Fis-sena 2005 kien stmat li kien hemm produzzjoni ta' 772 tunnellata ta' awrat u ta' spnott. Il-produzzjoni ta' l-awrat kienet ta' 567 tunnellata li minnhom ġew esportati 529 tunnellata, waqt li dik ta’ l-ispnott kienet ta' 205 tunnellata li minnhom 174 tunnellata ġew esportati. Il-produzzjoni totali għall-esportazzjoni u għall-bejgħ lokali kienet stmata li tlaħħaq il-Lm1.9 miljun. Il-produzzjoni tal-griebel għadha limitata ħafna waqt li l-produzzjoni tat-tonn fl-2006 kienet ta' 5,421,669 kili, li huma stmati li jiswew 54,216,690 ewro jew Lm23.28 miljuni. Ħafna minn dawn il- farms joħolqu impjieg u kummerċ sostanzjali. L-ammont eżatt li huma jħallu fl-ekonomija Maltija mhux magħruf b’mod preċiż.

EU — Għajnuniet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ammontat l-għajnuna li ngħatat lill-bdiewa, raħħala u produtturi tal-majjali u lis-sajjieda kull sena mill-2004 sal-lum? Għal liema skop ngħatat din l-għajnuna u kemm minnha ġiet mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Mosta — Triq il-Poeta - Bring-in Sites

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju tpoġġew il-bring-in sites dwar riċiklaġġ ta' l-iskart fi Triq il-Poeta, Mosta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li l-għażla tas-siti għall-Bring-In Sites hija f’idejn il-kunsilli lokali rispettivi. Sadanittant jien infurmat li fi Triq il-Poeta ma tqiegħdu l-ebda bring-in sites, u dan minħabba l-ilmenti tar-residenti li tressqu quddiem il-Kunsill Lokali. Però is-sit għandu l-permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex tkun tista’ titpoġġa bring-in site. Dan għaliex is-sit huwa konformi ma’ l-Avviż Legali 152 ta’ l-2004.

Tkabbir tad-dwieli għall-inbid

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdied it-tkabbir tad-dwieli għall-inbid kull sena mis-sena 2000 'il hawn u x'għajnuna finanzjarja ngħatat s'issa għat-tkabbir tad-dwieli, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Kemm minn din l-għajnuna ġiet mill-Unjoni Ewropea? Kemm hawn persuni reġistrati li qed ikabbru d-dwieli għall-inbid, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 14205. Nista’ nżid li fis-sena 2006 kien hawn reġistrati 910 ettari jew madwar 8,100 tomna u madwar 3000 bidwi rreġistrati. L-għajnuna finanzjarja li ngħatat s’issa għat-tkabbir tad-dwieli kienet ta’ Lm826,150.40. Minnha Lm 113,667.20 ġew mill-Unjoni Ewropea.