Legislature:
Category:
Reset
Active:

Konsli Ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il konslu ġdid ġie maħtur tul is-sena li għaddiet biex jirrappreżenta lil pajjiżna u jekk huwa possibbli jagħti l-lista ta’ liema huma?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2013 ġew maħtura 12-il Konslu Onorarju u Konslu Ġenerali biex jirrappreżentaw lil pajjiż barra minn Malta. Dettalji dwar dawn il-Konsli jinsabu hawn taħt : Konsli Onorarji maħtura matul is-sena 2013 Isem Belt Pajjiż Ħatra Gokhan Dogan Antalya Turkija 4 ta’ Jannar 2013 Henry Cappello Phoenix Stati Uniti 22 ta’ Jannar 2013 Victor Tanti Edmonton Kanada 31 ta’ Jannar 2013 Ricardo Schembri Bogotá Kolumbja 18 ta’ Frar 2013 Arshad Mansoor Manzini Swaziland 19 ta’ Frar 2013 Rocky J Pesik Jakarta Indonesja 28 ta’ Frar 2013 Geert Sciot Korrtenberg Belġju 17 ta’ April 2013 Claudio Marciano di Scala San Marino San Marino 14 ta’ Mejju 2013 Jyandra Ragavoodoo Port Louis Mauritius 27 ta’ Mejju 2013 Michele Pons Cagliari Italja 28 ta’ Mejju 2013 Stephan Erbe Basel Svizzera 20 ta’ Awissu 2013 Alois Sundl Graz Awstrija 24 ta’ Diċembru 2013 Konsli Ġenerali maħtura matul is-sena 2013 Victor Grech Melbourne Awstralja 1 ta’ Ottubru 2013
Leg 12 PQ #7918 Sitting 122 2014-02-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — bordijiet - membri nisa

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fuq il-bordijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin hemm mija u dsatax (119) membru li minnhom erbgħa u erbgħin (44) huma nisa.

Bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija — Ambaxxati u Konsolati Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6371, u jgħid kemm-il talba kellhom l-ambaxxati u konsolati Maltin madwar id-dinja dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija? Jista' jgħid liema kienu l-iktar ħames ambaxxati u konsolati Maltin li rċevew talbiet mill-pubbliku dwar din il-materja?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ambaxxati u l-Konsli Maltin madwar id-dinja rċevew 277 talba dwar il-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija. L-iktar Ambaxxati li rċevew talbiet kienu Moska, Pariġi, Ruma, Istanbul u Dubai.

Ambaxxaturi – Benefiċċji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6372, jista' l-Ministru jgħid kienx hemm tibdil fir-rigward tal-benefiċċju taċ-children's allowance fir-rigward tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u dan peress illi fit-tweġiba illi ngħatat kien hemm miktub "not yet"?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma kienx hemm tibdil fir-rigward tal-benefiċċju taċ-Children's Allowance mir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6372 s'issa.
Leg 12 PQ #7669 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — xogħlijiet lill-kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħataw il-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2008 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid ix-xogħol fiex kien jikkonsisti u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (VELLA, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpaniji msemmija, mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħtu fil-perijodu indikat.

Korp Diplomatiku – taħditiet dwar immigrazzjoni illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx membri tal-Korp Diplomatiku illi bdew taħditiet dwar l-immigrazzjoni irregolari mal-pajjiżi illi għalihom inħatru? Jekk iva, jista’ jgħid min huma?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin iżomm rwol attiv ħafna f'dak kollu li għandu x'jaqsam mas-suġġett tal-immigrazzjoni rregolari u dan permezz ta' kooperazzjoni kostanti u kontinwa ma' Ministeri u entitajiet lokali oħra kkonċernati. Il-Gvern Malti qiegħed iwassal il-messaġġ tiegħu dwar dan is-suġġett permezz ta' membri tal-Korp Diplomatiku f'diversi karigi u f'kull opportunita' xierqa, u mhux biss permezz tax-xogħol tal-Ambaxxaturi mal-pajjiżi li għalihom huma akkreditati. Peress li pajjiżna għandu nteress li jaqsam bl-aktar mod wiesa' l-pożizzjoni ta' Malta, u b'mod speċjali d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom, huwa mpossibbli li wieħed jelenka dawk l-istanzi kollha fejn il-Korp Diplomatiku, inklużi l-Ambaxxaturi akkreditati, li b'xi mod jew ieħor daħlu f'taħdidiet jew iddiskutew it-tema tal-immigrazzjoni kemm ma' pajjiżi oħra kif ukoll ma' Istituzzjonijiet Inter-Governattivi.

Korp Diplomatiku — Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ukrajina

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6680, jista' l-Ministru jgħid jekk intlaħaqx ftehim fuq l-Ambaxxatur ta' Malta għall-Ukraina? Jekk intlaħaq ftehim, jista' jinforma lill-Kamra min ġie akkreditat?

Response (VELLA, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant, b'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6680, illi s-Sur John Debono ġie nnominat mill-Gvern Malti u ingħata l-Agrément mill-Gvern Ukren, bħala l-Ambaxxatur il-ġdid tar-Repubblika ta' Malta, akkreditat għall-Ukraina. Dan il-ftehim wasal f'dan il-Ministeru fl-14 ta' Diċembru 2013. Sal-lum is-Sur John Debono għadu ma ppreżentax il-kredenzjali tiegħu fil-kapitali Ukrena.

Ambaxxaturi — Spejjeż fuq trasport ta’ oġġetti personali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm spejjeż, marbuta ma’ trasport ta’ oġġetti personali ta’ ambaxxaturi u uffiċjali oħra addetti fl-ambaxxati tagħna f’pajjiżi barranin minn pajjiżna lejn pajjiżi oħra u viċe versa tul is-sena li għaddiet?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispiża fuq trasport ta' oġġetti personali matul l-2013 telgħet għal €206,226.01. Dan l-ammont ikopri l-ispejjeż involuti fiċ-ċaqlieq ta' 39 uffiċċjal (Ambaxxaturi u Staff).

Rapport — implimentazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk kemm-il darba xi partijiet mir-rapport li ġie minnu kommissjonat tul s-sena li għaddiet taħt t-tmexxija tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ġewx implimentati u jekk iva liema?

Response (VELLA, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar. Risposta tingħata f'seduta oħra.

adozzjoni ta' tfal

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum of understanding li għadu kif ġie ffirmat dwar l-adozzjonijiet tat-tfal mal-Islovakkja? Jista' jinforma lill-Kamra kemm-il ftehim hemm u ma' liema pajjiż dwar l-istess suġġett?

Response (VELLA, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza d-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — persuni li rriżenjaw jew ġew trasferiti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-kamra kemm-il-persuna rriżenjat jew ġiet trasferita mill-Ministeru tul is-sena li għaddiet u l-bidu ta' din is-sena?

Response (VELLA, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi miġbura. Risposta tingħata f'seduta oħra.

Forum for Security Cooperation — chairmanship

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra xi preparazzjonijiet u x'programmi se jiġu segwiti minn pajjiżna issa li għandna ċ-chairmanship tal-Forum for Security Cooperation fl-OSCE tul d-dekorrenza taghha?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Kamra li Malta ħadet iċ-Chairmanship tal-Forum for Security Cooperation tal-OSCE nhar l-1 ta’ Jannar 2014 għal perjodu ta’ erba’ xhur. Is-sessjoniji uffiċjali tal-ftuħ saret fl-24 ta’ Jannar meta bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin indirizzajt dan il-Forum. Fl-indirizz tiegħi, jiena għamilt referenza għall-prijoritajiet ta’ Malta matul dan iċ-Chairmanship bil-prijorita’ prinċipali tkun dik dwar is-sigurta’ fir-reġjun tal-Mediterran. Taħt dan il-qafas, il-lenti ser tkun ukoll fuq l-hekk imsejjaħ Code of Conduct on Politico-Military Aspects of Security tal-OSCE kif ukoll fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi. Ser ikun hemm b’kollox tmien djalogi mmexxija minn Malta, fejn esperti internazzjonali minn diversi pajjiżi membri ta’ din l-Organizzazzjoni jippreżentaw qasam ta’ interess dwar temi li għandhom x’jaqsmu mas-sigurta’ internazzjonali, speċjalment dik Ewropea. Wieħed minn dawn id-djalogi li sar fid-29 ta’ Jannar li għadda kien propju ppreżentat minn żewġ kelliema Maltin, l-Onor. Chris Fearne MP u l-Prof. Stephen Calleya, u ttratta s-suġġett tal-Kontroll demokratiku u l-Iskrutinju Parlamentari tal-Forzi Armati u tas-Sigurta’ li jaqa’ taħt il-Code li rreferejt għalih qabel. Matul dan l-irwol ta’ Malta ser ikun hemm ukoll attenzjoni sabiex jitkompla x-xogħol taċ- Chair ta’ qabel, jiġifieri tal-Lussemburgu kif ukoll iż-żewġ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-laqgħa Ministerjali tal-OSCE li saret f’Kiev f’ Diċembru li għadda. Diskussjonijiet oħra ser isiru fuq il-kontribuzzjoni li l-Forum jista’ jagħti lill-proċess Helsinki + 40 . Għandha ssir wkoll laqgħa konġunta bejn il-Forum u l-Kunsill Permanenti tal-OSCE li, bi ftehim bejn Malta u l-Isvizzera bħala Chair-in-Office tal-OSCE, ser titratta s-suġġett tal-isfidi għas-sigurta’ fil-Mediterran. Nixtieq insemmi wkoll li l-programm mfassal minn Malta għall-dan iċ- Chairmanship ġie milqugħ tajjeb ferm mill-pajjiżi l-oħra membri tal-OSCE kif ukoll mill-pajjiżi msieħba tal-Mediterran ( Mediterranean Partners for Cooperation ). Tant hu hekk li bħal qatt qabel, il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran saru jkunu attivi u parteċipanti b’mod regolari fil- Forum for Security Cooperation taħt ic- Chairmanship ta’ Malta, u dan qed ikun innotat u apprezzat mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra tal-OSCE. Ninnota wkoll li fi stqarrija maħruga, l-Unjoni Ewropea wkoll wriet qbil mal-għanijiet u l-programm taċ- Chairmanship ta’ Malta.

Stitut tal-Ġustizzja — arranġamenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x’arranġamenti saru u x’ftehim ġie ffirmat mal-Istati Uniti tal-Amerika għat-twaqqif tal-Istitut tal-Ġustizzja f’pajjiżna?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-taħdidiet dwar it-twaqqif tal-iStitut tal-Ġustizzja u l-iStat tad-Dritt jinsabu fi stadju avvanzat ħafna bl-aħħar żvilupp ikun iż-żjara ta' uffiċċjal mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan f'dawn l-aħħar ġranet sabiex jiġu diskussi aspetti loġistiċi u amministrattivi tal-proġett. Dan wara li f'Novembru li għadda ltaqgħu f'Malta numru ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġu diskussi fid-dettall, l-għanijiet tal-iStitut u l-kontributi ta' dawk kollha interessati. Bħalissa għaddej ukoll xogħol konġunt mal-imsieħba l-oħra f'dan il-proġett sabiex jiġi maqbul u ffinalizzat Host Country Agreement li jirregola l-preżenza ta' dan l-iStitut f'Malta kif tipprovdi l-liġi.
Leg 12 PQ #7561 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, u xahar b’xahar?

Response (VELLA, GEORGE)

In-nies ġodda li ġew ingaġġati fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Jannar 2012 sat-8 ta' Marzu 2013 huma kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Date/Month of Employment No. Of Newly Employed Personnel Jannar 2012 11 Frar 2012 7 Marzu 2012 2 April 2012 8 Mejju 2012 7 Ġunju 2012 8 Lulju 2012 3 Awwissu 2012 4 Settembru 2012 6 Ottubru 2012 1 Novembru 2012 6 Diċembru 2012 11 Jannar 2013 3 Frar 2013 2 Marzu 2013 1

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — top Management Positions

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7492, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm persuna waħda li kienet tokkupa top management position fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u twaqqaflu l-kuntratt minħabba li ħa kariga ġdida. Id-dettalji ta' din il-persuna huma kif jidhru hawn taħt : Name & Surname Grade Victor Grech Assistant Director L-uffiċjali li ġew appuntati f' top management positions mid-9 ta' Marzu 2013 s'issa huma kif jidhru hawn taħt : Name & Surname Grade Remarks Joseph Cole Permanent Secretary Fiona Jayne Formosa Director Mario Buttigieg Director Angele Azzopardi Director Re-appointed Annabelle Shawish Mifsud Assistant Director Sharon Scicluna Assistant Director John Peter Buttigieg Assistant Director Mariel Sacco Assistant Director

Washington – Ambaxxata Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'xogħlijiet u xi spejjeż saru tul is-sena li għaddiet fl-Ambaxxata Maltija f'Washington?

Response (VELLA, GEORGE)

Matul is-sena 2013, ix-xogħolijiet u l-ispejjeż li saru fl-Ambaxxata ta' Malta ġewwa Washington kienu dawk elenkati hawn taħt: It-tibjid tal-ħitan tal-ewwel sular (bl-ammont ta' €379.51) It-tibdil tas-serratura tal-bieb tal-kamra tal-viża (bl-ammont ta' €111.10) It-tiswija ta' difett tal-elettriku fil-kċina (bl-ammont ta' €114.08) L-inklużjoni ta' struzzjonijiet ċari mas-salvavita (bl-ammont ta' €266.00) Ir-rikonfigurazzjoni tas-sistema tas-sigurta' (bl-ammont ta' €244.74) It-twettiq tal-proġett tiswija tas-saqaf (bl-ammont ta' €2,648.22) It-tiswija tas-saqaf (bl-ammont ta' €26,486.15)

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' ideat u proġetti ġodda li se jitressqu mill-aġenziji, l-awtoritajiet, l-azjendi u l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jitwettqu minn fondi Ewropej?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm ebda ideat u proġetti ġodda li se jitressqu mill-aġenziji, l-awtoritajiet, l-azjendi u l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi biex jitwettqu minn Fondi Ewropej.
Leg 12 PQ #7375 Sitting 116 2014-02-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — lista ta' varjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7059 u jagħti, sena b’sena (bejn l-2008 u t-8 ta' Marzu 2013), lista ta’ varjazzjonijiet kollha li ngħataw mill-Ministeru inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jagħti n-natura tal-kuntratt, min ingħata dan il-kuntratt, il-valur oriġinali tal-kuntratt u l-valur finali tal-kuntratt?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Ministeru u d-dekasteru li jaqa' taħtu ma kellux varjazzjonijiet matul is-snin imsemmija.

Ambaxxata fil-Kuwajt – xiri ta’ photocopier

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’kien il-bżonn li fl-ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Kuwajt tinxtara photocopier tiswa €17,755 u din b’ordni diretta? Jista’ jiġi ppreżentat ritratt ta’ dan l-apparat?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kirja tal-photocopier li kien hemm ġewwa l-Ambaxxata ta' Malta ġewwa l-Kuwait kienet waslet biex tiskadi u għalhekk kellu jiġi ffirmat kuntratt ġdid. Għal dan il-għan ġew mitluba 4 stimi għal servizz ta' kiri ta' photocopier. Il-kumpanija li ngħatatilha l-kuntratt kienet dik li tat l-aktar stima baxxa. Ir-rati li ngħataw fl-istimi ġew maħduma fuq perjodu ta' ħames snin, għal 900 kopja kull xahar black and white u 100 kopja bil-kulur kull xahar. Allura t-total ammonta għal €17,755 għal ħames snin għall-kirja u l-kopji magħmula b'din il-magna. Din ingħatat b'Awtorita' mingħand il-Ministeru tal-Finanzi peress li spiża bħal din suppost ġiet ipproċessata b' Departemental Tender li fil-kuntest ta' pajjiżi oħra dan mhux possibbli.

Ambaxxaturi — Spejjeż fuq trasport ta’ oġġetti personali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm spejjeż, marbuta ma’ trasport ta’ oġġetti personali ta’ ambaxxaturi u uffiċjali oħra addetti fl-ambaxxati tagħna f’pajjiżi barranin minn pajjiżna lejn pajjiżi oħra u viċe versa tul is-sena li għaddiet?

Response (VELLA, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi miġbura. Risposta tingħata f'seduta oħra.