Legislature:
Category:
Reset
Active:

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 22863 u jgħid matul is-sena 2006, kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-ministeru, dipartimenti, dekasteri, enti eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali fuq mobile phones fil-Ministeru u d-Dipartimenti fl-2006 tammonta għal Lm14,717. Infurmat ukoll li n-nefqa globali ta' kull entita kummerċjali li taqa taħt ir-responsabilita tiegħi hija kif tidher fuq it-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar iż-żewġ impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ li wieħed minnhom, dak fl-inħawi tal-Mellieħa, diġa' qed jitwettaq, u l-ieħor li se jsir fin-naħa t'isfal ta' Malta? X'mistenni jkun l-investiment f'dawn iż-żewġ impjanti u kemm minnu se jkun finanzjat mill-Unjoni Ewropea? Barra minn dawn it-tnejn, jikkonfermax ukoll li se jsir xogħol infrastrutturali kbir biex tiġġedded il-pumping station tal-Marsa? Fiex jikkonsisti dan il-proġett, kemm se jiswa u jekk dan hux se jkun finanzjat mill-UE wkoll? Hemm xi upgrading ta' pumping stations oħra xi jrid isir b'konnessjoni maż-żewġ impjanti tat-tisfija msemmija qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-Impjant tal-Mellieħa huwa mistenni jitlesta f'Awwissu din is-sena. L-impjant huwa iffinanzjat mill-Protokol Taljan bi stima ta' 5.3 miljun EWRO. Il-proġett jikkonsisti ukoll fit-tisħiħ ta' żewġ pumping stations, dawk tal-Pwales u Għajn Znuber. L-impjant fin-Nofsinhar ta' Malta ser jissokta b'sejħa għall-offerti li ser tiġi ippublikata f'Marzu ta' din is-sena. L-impjant huwa stmat li ser jiġi jiswa madwar 50 miljun EWRO. Huwa ikkonfermat li ser isir tisħiħ infrastrutturali tal-pumping station tal-Marsa, proġett li ser jinkludu ukoll pressure main ta' madwar kilometru tul u mina ta' 'l fuq minn erbgħa kilometri lejn ir-Rinella minn Paola. Dan il-proġett huwa stmat li ser jiġi jiswa madwar 7.4 miljun EWRO. 73 fil-mija ta' dan il-proġett ser jiġi iffinanzjat minn fondi ta' l-Unjoni Ewropeja. Ix-xogħol inbeda fi Frar din is-sena u ippjanat jitlesta sa nofs is-sena 2008.

Mosta — Substation

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi ttieħdet deċiżjoni li se ssir substation f'garage ta' karozza waħda fi triq privata f'College Street, Mosta meta ħajt ma' l-istess garaxx fejn se ssir substation, joqogħdu n-nies u hemm saħansitra kmamar tas-sodda?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-każ ġie riferit lill-Ombudsman, jidhirli li mhux għaqli nirrispondi f'dan l-istadju.

Tas-Sliema — Pressa ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma għandhiex ilmenti dwar il-pressa ta' l-ilma fiz-zona ta' Tas-Sliema? B'mod partikolari, għal kemm-il sular għoli l-korporazzjoni tagħti xi forma ta' garanzija għas-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sistema tad-distribuzzjoni ta’ l-ilma tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma f’ tas-Sliema hi maqsuma fi tnax-il żona differenti u għaldaqstant jista jkun hemm differenzi fil-pressa bejn żona u oħra kif ukoll differenzi skond il-pożizzjoni ta’ kull triq u għoli tal-bini. F’xi inħawi din il-pressa tista titla sa 6 bar. Bħalissa l-Korporazzjoni qegħdha f’diskussjonijiet ma’ l-Awtorita’ Maltija tar-Rizorsi (MRA) biex tkun stabbilita’ l-pressa minima li għandha tkun assigurata fid-dħul ta’ kull meter privat. Din mistennija tkun bejn 1 u 1.5bar; li normalment ifisser pressa adekwata biex l-ilma jitla’ minn 3 sa 5 sulari. Madankollu jekk l-Onor Interpellant jaf b’xi problema partikolari, nitolbu jindikaha biex il-Korporazzjoni tkun tista tinvestigaha.

Allokazzjoni ta' Fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24101 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim tal-kirja li sar jew isir ma' min jiġi allokat fabbrika? Kemm kienet il-kirja għal lok industrijali fis-sena 2000 u kemm hi llum?

Response (GATT, AUSTIN)

Infurmat li m’hemmx dokument uniku li jirregola kull tip ta’ allokazzjoni u li jista’ jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li r-rati applikabbli għal postijiet industrijali ivarjaw skond it-titolu li taħtu tingħadda l-propjetà. Madankollu, fis-sena 2000, ir-rati applikabbli għal kirjiet kienu regolati mill-Kap 325 tal-Liġijiet ta’ Malta filwaqt illi llum il-ġurnata, ir-rati applikabbli għal kirjiet ivarjaw skond il-propjetà partikolari li tkun ġiet allokata.

Msida — Arblu tad-dawl

Question

Jista' jitneħħa l-arblu li hemm f'G.Cali' Street, Msida/Ta' Xbiex ftit aktar 'l isfel minn Princess Flats, fi Princess Margaret Street, Msida qabel taqbad G. Mitrovich Street, billi l-bankina hija dejqa u persuna lanqas tista' tgħaddi bil-mixi jew b'pushchairminħabba fih?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-każ imsemmi, l-bankina saret ftit ta’ żmien ilu u b’hekk l-arblu spiċċa fin-nofs tagħha. Il-Kunsill Lokali ġie notifikat u ngħata l-istima biex jiċċaqlaq l-arblu pero’ s’issa l-Kunsill Lokali għadu m’għamel l-ebda talba biex jipproċedi.

Pembroke — Sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tispostja l-parti pubblika tas-sistema tad-drenaġġ minn appartament li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex jiġi evitat kull inkonvenjent għall-familja li tgħix f'dak il-bini?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed tistudja l-possibilita’ li tiġi spostjata s-sistema tad-drenaġġ imsemmija.

Lukandi — Kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali tal-kontijiet pendenti għall-konsum ta' l-ilma u d-dawl tal-lukandi privati dovuta lil Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kontijiet pendenti mill-lukandi privati dovuti lill-Enemalta huma ta Lm2,523,900 liema somma tinkludi l-kontijiet kollha kurrenti u konsegwentament is-somma mhix indikazzjoni ta' kontijiet arretrati.

Stabilimenti kummerċjali — Kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali tal-kontijiet pendenti għall-konsum ta' l-ilma u d-dawl tar-restaurants, bars u stabilimenti kummerċjali ta' l-ikel u x-xorb dovuta lil Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru : 23822

Kumpanniji privati — Kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus globali tal-kontijiet pendenti għal konsum ta' l-ilma u d-dawl ta' kumpanniji privati dovuta lil Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru: 23822.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kiri ta' vannijiet u trakkijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vannijiet u trakkijiet bid-driver u mingħajr, mill-ministeru u enti oħra li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 sal-lum, xahar b'xahar, u jgħid l-ispiża x'kienet f'kull każ u mingħand min saret il-kirja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Ħal Qormi — Servizz ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata s-servizz ta' l-ilma lir-residenti fi N/S off Valletta Road, Ħal Qormi u dan meta diġa' ingħataw is-servizz tad-dawl?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm diffikultajiet tekniċi biex ikun estiż il-mejn ta’ l-ilma biex ir-residenti msemmija jkunu jistgħu jingħataw is-servizz. Biex isir dan ix-xogħol, l-estensjoni tal-mejn trid tgħaddi minn propjeta’ privata f’parti fejn din it-triq għadha ma gietx ifformata. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma se titlob lid-Dipartiment ta’ l-Artijiet biex tingħata servitu’ u b’hekk dan ix-xogħol ikun jista jsir. Din il-proċedura li trid twassal għal dikjarazzjoni tal-President dwar is-servitu’ normalment tieħu ż-żmien.

Negozjati mat-TECOM

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex waqt in-negozjati bejn it-TECOM u l-Gvern il-VIP scheme ġiet ċeduta, u fil-fatt l-ex ministri u chairpersonsm'għadhomx jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji li kienu jgawdu minnhom qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-iskema li qed jirreferi għaliħa fil-mistoqsija tiegħu hi ta' natura kummerċjali u għaldaqstant hija prerogattiva kompleta tal-kumpanija jekk u trid toffrija.

EneMalta — Vakanza ta' Chief Security Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li l-vakanza ta' chief security officerfl-EneMalta qed jintalab li persuni li japplikaw irid ikollhom esperjenza fil-managementjew inkella kors fil-management, hiex se tfisser li qed jiġu esklużi b'mod awtomatiku, dawk il-persuni li applikaw, u li filwaqt jista' m'għandhomx esperjenza fil-management, iżda għandhom esperjenza twila fil-qasam tas-sigurta'? Jekk iva, ma jidhirlux li l-mod kif ħarġet it-talba għall-applikazzjoni se toħloq diskriminazzjoni ċara bejn dawk li jistgħu jkunu eliġibbli għal din il-kariga?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

WSC/Enemalta — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 24520 u jgħid x'se jiġri mill-ħaddiema li bħalissa huma mpjegati f'setturi li huma affettwati mill-privatisation tal-metering and billing systems tal-WSC u Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-mudell li fiħ ser ikunu qegħdin joperaw il-ħaddiema imsemmija mill-Onor Interpellant ser jiġi definit wara li l-korporazzjonijiet jlestu l-evelwazzjoni tagħhom tas-sejħa għall-offerti ta' l-IUBT. Madanakolu, irrispettivament mill-mudell li ser jiġi stabilit, dawn il-ħaddiema ser jibqgħu jżommu l-pożizzjoni li għandhom jew ser ikollhom mal-korporazzjonijiet rispettivi tagħhom.