Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7352 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Hypogeum - Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili li jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4875 tas-Seduta Numru 69?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ttieħdu l-miżuri mieħtieġa b'riżultati sodisfaċenti.
Leg 9 PQ #7353 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Imdina — Sur - Tindif

Question

Jikkonsidra l-Ministru li l-parti tas-sur ta' l-Imdina li tinsab fuq ix-xellug inti u dieħel mill-entratura prinċipali ta' l-Imdina, titnaddaf mill-ħaxix li tħalla jikber matul is-snin? Jaħseb il-Ministru li jkun utili li titwaqqaf unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Mużewijiet bl-iskop speċifiku li jindukraw u jnaddfu s-swar f'Malta u Għawdex b'mod sistematiku u regolari?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #7386 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Postijiet Arkeoloġiċi u storiċi

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6599?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-siti arkejoloġiċi kkurati mid-Dipartiment tal-Mużewijiet li preżentement m'humiex miftuħa għall-pubbliku fuq bażi regolari huma dawn: Tempju ta' Ħaġrat u tempju ta' Skorba, fl-Imġarr, Malta. Minħabba d-domanda żgħira kif ukoll in-nuqqas ta spazju biex wieħed jintroduċi faċilitajiet mingħajr ma jagħmel impatt negattiv fuq dawn is-siti, dawn it-tempji jinfetħu biss b'arranġament mad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Fil-fatt arranġamenti bħal dawn qegħdin isiru aktar spissi, u saru wkoll sensiela ta' żjarat bħala parti mill-programm ta' ħarġiet kulturali organizzati mid-Dipartiment tal-Kultura, li huma immirati prinċipalment lejn il-Maltin. Katakombi tal-Mintna, Mqabba. Dawn il-katakombi, li kienu ilhom magħluqa għal żmien twil, reċentement infetħu fl-ewwel ħadd ta' erba' xhur konsekuttivi f'kollaborazzjoni sħieħa mal-Kunsill Lokali ta' l-Imqabba. Tempju ta' Kordin. Dan it-tempju wkoll kien sa ftit ilu jinfetaħ biss b'arranġament mad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Reċentement pero`, sabiex ikun jista' jitgawda dejjem aktar, speċjalment minn nies li jgħixu fil-lokalitajiet madwar dan is-sit, inbdiet kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Wirt Artna, li qegħda tikkura l-post u tiftħu għall-pubbliku darba fix-xahar fuq bażi esperimentali. L-Ipoġew ta' Ħal Saflieni. Hawnhekk proġett estensiv ta' restawr issa wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu. It-tibdil tal-katusi ta' l-ilma u tad-drenaġġ fit-toroq kollha madwar dan is-sit tlesta' reċentement, u diġa' qegħdin jidhru effetti pożittivi ħafna ġewwa l-Ipoġew. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet qiegħed jagħmel ħiltu kollha sabiex dan is-sit jinfetaħ mill-aktar fis-possibbli. Is-Santwarju ta' Ġuno, tas-Silġ. Dan is-sit fil-preżent ma jistax jinfetaħ għall-pubbliku minħabba l-ħsara kbira li ssir lis-sit meta jirfsu n-nies fuqu. Bħalissa, pero`, qegħdin isiru sforzi biex tinġieb għajnuna finanzjarja u teknika mill-Gvern Taljan sabiex wieħed ikompli jibni fuq ix-xogħol siewi li sar mill-Missjoni Arkejoloġika Taljana mis-snin sittin, bil-għan li dan is-sit jiġi preżentat għall-pubbliku b'mod li ma jagħmilx ħsara. Villa Rumana, San Pawl Milqgħi. Bħalissa qiegħed isir xogħol ta' manutenzjoni u diserbazzjoni fuq dan is-sit. Meta jkun hemm l-istaff meħtieġ, dan is-sit għandu jerġa' jibda jinfetaħ ta' l-anqas ġurnata fil-ġimgħa. Villa u Ċisterna Rumana ta' Kaċċatura, limiti ta' Birżebbuġa. Fil-preżent dan is-sit għandu aċċess diffiċli ħafna. Huwa proġettat li fl-2001 isir proġett ta' titjib fl-aċċess u fil-preżentazzjoni ta' dan is-sit. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studju qasir dwar uħud mill-problemi li qegħdin jaffetwaw dan is-sit fil-preżent, u kif jistgħu jiġu solvuti. Ċirku tax-Xagħra, Għawdex. Dan is-sit għadu qiegħed jiġi skavat, u għalhekk għadu mhuwiex preżentat għall-pubbliku għal raġunijiet ta' sigurta`, tas-sit kif ukoll tal-viżitatur. Ħarġa ta' Sansuna, fix-Xagħra, Għawdex. Dan is-sit mhux qed jinfetaħ għall-pubbliku, pero` jista' jitgawda minn barra r-reċint. Possibilta` għall-futur hi li jinħoloq reċint ġdid li jippermetti li dan is-sit jitgawda aħjar minn barra.
Leg 9 PQ #7387 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Mużew tal-Fine Arts - Sala

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 6598?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-sala fejn ikunu esibiti l-iskulturi ta' Antonio Sciortino kellha tingħalaq f'Awissu 1998 fuq parir tal-perit wara indaġini li saret fuq is-saqaf u l-ħitan ta' din is-sala, li nstabu f'qagħda perikoluża. L-iskulturi ġew mill-ewwel merfugħin fil-Mużew stess, għalkemm diversi skulturi għadhom esibiti fi swali differenti tal-mużew. Il-pjanijiet preżenti huma li din is-sala terġa' tinbena mill-ġdid billi l-ħsara ma setgħetx tiġi rranġata. Hemm l-idea wkoll li x-xogħol kollu ta' Antonio Sciortino jittieħed fil-Mużew ta' l-Arti Moderna li qed jiġi ppreparat fil-palazz li jmiss mal-Mużew ta' l-Arti. Ġejt assigurat li l-Mużew ta' l-Arti qed jieħu l-miżuri kollha biex l-iskulturi ta' Antonio Sciortino jkunu konservati u merfugħa f'post biex tkun assigurata konservazzjoni sħiħa. Il-parir hu li ma tkunx idea f'lokha li l-iskulturi ta' Antonio Sciortino jiġu separati mill-bqija tal-kollezzjoni nazzjonali li tagħha jagħmlu parti intima.
Leg 9 PQ #6996 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm matul it-tieni term tas-sena skolastika: 1) ingħataw permess li joħorġu studenti mill-iskola qabel għalqu s-16-il sena; kemm kienu bniet; 2) kemm minn dawn kienu minn skejjel privati jew tal-knisja; 3) x'kienu r-raġunijiet prinċipali li ngħata permess; 4) jista' jgħid x'inhu t-total kollu ta' permessi li ngħataw matul din is-sena skolastika s'issa?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #6997 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Każ ta' student

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiġi nvestigat l-ilment tal-ġenituri ta' l-istudent, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament) li ġie ttrattat ħażin minn għalliem tax-xjenza? X'rimedji qed jiġu suġġeriti għal din il-problema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-omm kif ukoll in-nanniet ta' l-istudent tkellmu mas-Surmast kemm fuq it-telefon kif ukoll personali, u l-ilmenti tagħhom ġew investigati u risolti fl-iskola fl-istess ġimgħa. L-istudent imsemmi ma ġiex ittrattat ħażin mill-għalliem, iżda l-għalliem intervjena biex iferraq lill-istess student waqt ġlieda fil-klassi. Jista' jkun li l-istudent intlaqat aċċidentalment. L-istudent qiegħed jattendi b'mod regolari għall-lezzjonijiet kollha.
Leg 9 PQ #7023 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Istat - Fiera tar-Rebbiegħa

Question

Jista' jkun hemm inizjattiva mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex is-sena li ġejja aktar skejjel tal-gvern jieħdu sehem fil-Fiera tar-Rebbiegħa bħala solidarjeta' attiva' ma' l-adoloxxenti u żgħażagħ ta' pajjiżi oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Għaddejt is-suġġeriment lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u lid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għall-konsiderazzjoni tagħhom.
Leg 9 PQ #7024 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Midweek Project

Question

Minn Settembru, 1998 sa April, 1999, jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa ġiet organizzata mid-Diviżjoni jew/u mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex jevalwaw il-Midweek Project fl-iskejjel primarji u biex jiżguraw li qed jagħti l-frott mixtieq? X'impenn sostanzjali - mhux verbali biss - hemm biex dan il-proġett jitkompla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li saret laqgħa waħda. Informat li ġew allokati riżorsi finanzjarji li se jintużaw għal żvilupp tal-proġett fuq il-linji tal-kurrikulu l-ġdid.
Leg 9 PQ #7223 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitators

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal f'Malta u f'Għawdex li għandhom facilitator fl-iskola? Hemm xi pjan biex jerġa' jinfetaħ il-kors ta' diploma għal facilitators sabiex ilaħħqu mad-domanda li hawn issa u li għad ikun hemm? X'inhi s-sitwazzjoni bħalissa dwar tfal li qegħdin fi skejjel indipendenti u li għandhom bżonn facilitator? Hemm previst li l-policy dwar il-facilitators tinbidel għal dawn it-tfal, speċjalment issa li l-Eden Foundation se tieqaf tgħin lill-ġenituri tagħhom billi kienet tħallas nofs il-paga tal-facilitator? Dan meta tqis li f'xi każi, l-unika option li dawn il-ġenituri ikollhom ikun li jibagħtu lit-tfal fl-iskejjel tal-gvern, li jfisser li l-gvern irid iħallas ukoll għall-edukazzjoni, trasport u kotba minbarra l-paga tal-facilitator.

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx inġabar, inwieġeb f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #7240 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tagħlim tal-Franċiż

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm hemm u kien hemm studenti u għalliema jitgħallmu u jgħallmu l-Franċiż fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern fis-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7241 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kalkara — Bieb is-Salvatur - Restawr

Question

In vista ta' mistoqsija parlamentari numru 3776, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk irriżultax li l-awtoritajiet kompetenti għamlu studju jew rapport rigward l-ispejjeż involuti fir-restawr ta' Bieb is-Salvatur fil-Kalkara?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #7242 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sta. Luċija — Kappella

Question

In vista ta' mistoqsija parlamentari numru 4051, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba huwiex possibbli għad-dipartiment li jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet eklesjastiċi sabiex issir il-manutenzjoni tal-Kappella ta' Sta. Luċija li qiegħda fit-triq minn ħdejn Tal-Barrani għar-raħal tal-Gudja?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #7267 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Parapetics

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn tfal neqsin mis-smigħ ġew mċaħħda mill-għajnuna tal-Parapatetics biex jgħinuhom jaqraw waqt li kienu qed jagħmlu eżami tal-Junion Lyceum fil-Furjana fi skola ħdejn Sarria? Jista' l-Ministrtu jgħid għalfejn meta l-ġenituri ta' l-istess tfal marru d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni dakinhar stess (21/5/99) ma ħadux sodisfazzjon ta' dak li ġara? Jaħseb il-Ministru li dan hu l-mod kif għandhom jiġu trattati tfal b'diżabilita' meta l-iskola tibbaża l-futur ta' dawn it-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-eżami kollu għad-dħul fil-Junior Lyceums, li sar bejn is-17 u 21 ta' Mejju 1999, it-tfal neqsin mis-smigħ ingħataw il-firxa kollha ta' arranġamenti speċjali li huwa korrett li jingħataw. It-tfal kienu assistiti mill-'communicators' tagħhom. Dawn imxew fedelment mal-linji ta' gwida li fuqhom huma mfassla l-imġieba u l-metodi tal-'communicators' u t-tfal kienu mdorrija sew għall-'communicators' kif ukoll għall-metodi tagħhom. Dan intqal ukoll lill-ġenituri meta dawn, fit-tmiem ta' l-aħħar eżami fil-21 ta' Mejju, marru fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #7279 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assistent Kap

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7123, jista' l-Ministru jispeċifika jekk is-Sur Carmel D'Amato, fit-18 ta' Settembru, 1997, intbagħatx jagħmel xogħol ta' Assistent Kap ta'skola f'Sir Luigi Preziosi Girls' Secondary School St. Andrews?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li Mr D'Amato kellu dawn l-isturzzjonijiet. "Please note that pending your appointment as Assistant Head your services will be required in the following school/s with effect from 18th September 1999".
Leg 9 PQ #7287 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Abram Gatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri bl-istudenti ta' l-Iskola Abram Gatt, issa li jidher li ttieħdet id-deċiżjoni li din tispiċċa minn skola?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Leg 9 PQ #7321 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Education Welfare Unit — Rapporti finali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6153, jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti ta' din il-mistoqsija, jiġifieri: "Jista' l-Ministru jqiegħed ir-rapport finali tas-survey li sar mill-Education Welfare Unit fuq il-Mejda tal-Kamra"?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju mogħti l-parir li r-rapport jiġi mirqum sabiex pjan ta' azzjoni jekk jiħaddem minn Settembru 1999.
Leg 9 PQ #7323 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina nazzjonali — Ħaddiema

Question

Nirriferi lill-Ministru għal dak li ġie kkwotat li qal is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu fil-gazzetta "The Times" ta' ftit ġranet ilu fejn intqal li l-ħaddiema tal-Pixxina Nazzjonali se jingħataw kuntratt ta' xogħol full-time għal sitt xhur, jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux se jseħħ minnufih? X'se jkunu l-kondizzjonijiet ta' xogħol għal dawn il-ħaddiema matul dawn is-sitt xhur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li diġa` bdew il-proċeduri biex il-ħaddiema tal-Pixxina Nazzjonali jingħataw kuntratt ta' xogħol ġdid li jiġi mġedded għal sitt xhur. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol se jibqgħu l-istess bħal dawk tal-kuntratti li kienu ġew iffirmati f'April u Mejju 1998.
Leg 9 PQ #7324 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Edukazzjoni Fiżika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex għas-sena skolastika li jmiss jiżdiedu l-lezzjonijiet ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel ta' l-Istat? Bħalissa kemm hemm lezzjonijiet fil-ġimgħa tal-PE fl-iskejjel primarji u sekondarji? X'qed isir mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex għalliema u ġenituri l-aktar ta' l-iskejjel primarji jiġu konvinti mill-importanza ta' l-isports fil-ħajja tat-tfal tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li i-Timetable ta' l-iskola primarja tipprovdi għal sagħtejn u nofs fil-ġimgħa għall-Edukazzjoni Fiżika li jitqassam skond l-esiġenzi u l-faċilitajiet fl-iskola. Il-lezzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Fiżika fil-ġimgħa fl-iskola Sekondarja huma, tnejn fil-Forms, I,II,III u waħda fil-Forms IV u V. Il-lezzjonijiet ta' l-Edukazzjoni Fiżika fil-Junior Lyceum huma tnejn fil-Form I u II u waħda fil-Form III, IV u V. In-numru ta' lezzjonijiet ta' l-E.F. fl-iskejjel qiegħed jingħata konsiderazzjoni fil-proposti tal-kurrikulu nazzjonali li qiegħed jitħejja u hu relatat mal-ħin allokat għal suġġetti oħra. Qegħdin jitfassslu pjanijiet biex il-quddiem l-E.F. minbarra li tibqa' bil-ħin ta' "core subject" tkun ukoll offruta bħala suġġett "Option". B'dan il-mod il-lezzjonijiet tal-E.F. jiżdiedu għal erbgħa fil-Forms 3, 4 u 5 tal-Junior Lyceum u għal ħamsa fil-Forms 4 u 5 ta' l-Area Secondary Schools. L-għalliema, fil-maġġoranza kbira tagħhom huma konvinti mill-ħtieġa ta' l-isports fil-ħajja tat-tfal, iżda x'uħud fil-primarji minħabba diversi ċirkostanzi, fosthom ħin u spazju, mhux dejjem jagħtu l-importanza xierqa lill-isport edukattiv. Ħafna skejjel jistiednu lill-ġenituri biex jipparteċipaw fl-organizzazzjoni ta' attivitajiet sportivi ġewwa u barra l-iskola.
Leg 9 PQ #7325 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Edukazzjoni Fiżika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel ta' l-Istat? Kemm minnhom huma nisa? Kif inhuma mqassma fi skejjel primarji, sekondarji, eċċ? Kemm minnhom huma għalliema li jridu jieħdu ħsieb aktar minn skola waħda? Dawn jingħataw xi allowance speċjali biex imorru minn skola għal oħra?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #7326 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Edukazzjoni Fiżika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li bħalissa qegħdin jagħmlu l-kors ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-Universita'? Jista' jagħti figuri f'liema sena qegħdin? Kemm hemm għalliema li ggradwaw bħala għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika iżda bħalissa m'humiex qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol? Jista' jgħid allura x'inhu x-xogħol tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li qegħdin jagħmlu l-kors ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-Universita` huwa dan: Bachelor of Education (Hons) Sena tal-Kors Rġiel Nisa Total L-ewwel 16 11 27 It-tieni 13 6 19 It-tielet 12 4 16 Ir-raba' 9 6 15 Informat li t-tagħrif mitlub fl-aħħar żewġ mistoqsijiet ma jinżammx miġbur.