Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu CSA's mad-dipartiment ta' l-anzjani mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Kemm kien hemm irġiel? Is-CSA's li daħlu mil-liema lokalita' ġew? Kemm hemm CSA's irġiel b'kollox?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni qegħda tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.
5.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu id-Diretturi jew Aġenti Diretturi tad-Dipartiment ta' l-Anzjani fis-snin 1996, 1997 u 1998?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kull wieħed minn dawn kemm dam fil-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fis-snin 1996 u 1997 id-Direttur tad-Dipartiment għall-Anzjani kien is-Sur John Buhagiar. Huwa kien ilu Direttur madwar 8 snin. Fl-aħħar tal-1997 u matul l-1998 kien hemm bħala Aġent Direttur is-Sur Lino Attard. Fl-aħħar xhur ta' l-1998 ġie appuntat Aġent Direttur is-Sur Edward D'Agostino.
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fid-Dipartiment ta' l-Anzjani li ġiet imnaqqsa lilhom il-paga għax irrapportaw tard għax-xogħol minn Settembru 1998 sa Jannar 1999?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu jammontaw il-flus imnaqqsa lill-ħaddiema?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mil-liema sections, section b'section ġejjin il-ħaddiema li rrapportaw tard għax-xogħol?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema in kwestjoni ngħatawx ċans jagħtu spjegazzjoni qabel sar it-tnaqqis mis-salarju tagħhom kif ipprovdut fl-Estacode?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. In-numru ta' ħaddiema fid-Dipartiment ta' l-Anzjani li ġiet imnaqqsa lilhom il-paga għax irrapportaw tard għax-xogħol kien hekk:-
Settembru 1998 - 3 persuni
Ottubru 1998 - 3 persuni
Novembru 1998 - 6 persuni
Diċembru 1998 - 3 persuni
Jannar 1999 - xejn s'issa
2. Il-flus imnaqqsa lill-ħaddiema jammontaw għas-somma ta' Lm56.70.
3. Is-Sezzjonijiet tal-ħaddiema li rrapportaw tard għax-xogħol fix-xhur ta' bejn Settembru u Diċembru 1998 huma dawn:-
Intake Section
Home Help Section
Registry Section
Handyman Section
Accounts Section
Inventory Section
Administration
4. Il-ħaddiema li tnaqqsitilhom il-paga kellhom l-opportunita' li jagħtu spjegazzjoni għaliex irraportaw tard għax-xogħol lill-Personnel Section, u fejn kien hemm raġuni valida, ma ttieħdu l-ebda passi.
4.5.99
Dipartiment ta' l-Anzjani — Kontijiet tat-telephone
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu jammontaw il-kontijiet tat-telephone linja b'linja u section b'section fid-Dipartiment ta' l-Anzjani fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma nħossx li għandi naħli l-ħin ta' l-uffiċjali tad-Dipartiment sabiex tinġabar din l-informazzjoni kif mitluba u għal tant snin b'lura. Din tirrekjedi ħafna xogħol. Pero' se nagħti l-ammont globali li ntefaq f'kontijiet tat-telephone ta' l-istess snin:
1994 Lm 28,135
1995 Lm 19,558
1996 Lm 22,196
1997 Lm 39,780
1998 Lm 31,411
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jirċievu s-servizz tal-homehelp? Jista' jgħid minn liema lokalita' ġejjin, lokalita' b'lokalita'?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawn bdew jingħataw is-servizz wara l-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin dawk li bdew jingħataw is-servizz wara l-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ammontaw is-sigħat ta' servizz b'mod globali fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-attendance sheets tal-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Anzjani tiġi miġbura mill-Aġent Direttur u mhux mill-Human Resources Manager?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din il-prattika ġiet introdotta f'Novembru 1997 mill-Aġent Direttur ta' dak iż-żmien u għada l-istess sal-lum. Dan kien sar sabiex ikun hemm aktar kontroll rigward min jidħol tard għax-xogħol.
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nisa mill-1994 sa l-1998 applikaw għal pregnacy leave kull sena, settur, settur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tax-Xogħol m'għandu l-ebda statistika ta' kemm nisa applikaw għall-"pregnancy leave" Dan peress li la min japplika (il-ħaddiema) u lanqas min iħaddem m'għandu xi obbligu li jinforma lid-Dipartiment tax-Xogħol.
4.5.99
Peress li numru ta' familji qed jilmentaw li billi daħlu flus ta' xi overtime li għamlu fuq ix-xogħol, spiċċaw iħallsu kera għolja u f'ċerti każi aktar milli daħlu f'overtime, bħal fil-kas tal-familja li b'Lm222 overtime il-kera żdiedet minn Lm180 fis-sena għal Lm496 fis-sena, jista' l-Viċi Prim Ministru jirrivedi l-policy? Kemm-il darba dawn il-każijiet ma jistgħux jiġu rimedjati, jista' l-Viċi Prim Ministru jintroduċi skema sabiex dawn il-familji ma jkomplux jintlaqtu aktar ħażin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi ma jirriżultax lid-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali illi xi ħadd żdititlu l-kera minn Lm180 għal Lm496. Jekk l-Onor. Interpellant jagħti aktar dettalji, il-każ ikun jista jiġi investigat. Id-Dipartiment riċentement irriveda il-brackets ta' sussidju fuq il-kera bl-iskop li ma jinħolqux każi bħal dan.
4.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista, lokal b'lokal, tal-persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Novembru u Diċembru, 1998 u Jannar u Frar, 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
4.5.99
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuni li joqogħdu fl-indirizz, li qed nibgħat separatament li huwa post ikkundannat u mhux tajjeb biex jgħixu fih in-nies, se jingħataw residenza aktar xierqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni ndikata qiegħda tiġi kkunsidrata flimkien ma' l-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għandhiex bolol tas-sigurta' soċjali neqsin għall-perjodu bejn l-1975 u l-1987? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti ndikazzjoni kemm hemm neqsin u għal liema perjodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata mid-dipartiment dwar il-qagħda tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalaji tagħha qed jintbagħtu separatament, li waslet sabiex tispiċċa mix-xogħol bl-eta', għndhiex bolol tas-sigurta' soċjali neqsin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid ta' liema perjodu hemm neqsin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata mid-dipartiment dwar il-qagħda tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna minn San Gwann li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament hijiex tieħu l-pensjoni kollha li ħaqqha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-każ li għalih għamel referenza l-Onor. Interpellant ġie nvestigat u nista' nikkonferma li r-rata tal-pensjoni mħallsa fil-każ hija korretta u li l-persuna kkonċernata ġiet nfurmata wkoll dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-file no. H 14402, fejn l-applikanti qed jistennew akkomodazzjoni alternattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qiegħda tiġi kkunsidrata flimkien ma' l-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna msemmija li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li toqgħod il-Gżira se tieħu l-pensjoni kollha li ħaqqha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija fil-Mistoqsija tiegħu ġiet infurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sinjura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex se terġa' tmur lura f'wieħed mill-postijiet li issa reġgħu telgħu fi Brittanika Street, Tarxien, peress li twaqqagħlha l-post biex jitilgħu flats?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mhix il-policy tad-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali li persuni li jkunu ġew evakwati minħabba proġetti ta' "slum clearance" jerġgħu jiġu allokati fil-post li minnhu jkunu nħarġu. Barra minn hekk, din il-persuna kienet qed tapplika snin qabel biex titlaq mill-post li kienet toqgħod fih peress li kien mhux tajjeb għall-abitazzjoni.