Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Ta' Ġiorni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jintervjeni biex Blokk I, Triq William Harding u Blokk I, Triq Francesco Balbi, f'Ta' Ġiorni ssirilhom tibjida ġenerali fil-parti komumi u kif ukoll it-tiswija tat-twieqi tal-komun u jinbidlu l-bibien tal-bejt peress li xejn ma' jinsabu fi stat pjaċevoli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa. 5.5.99

Anzjani — Żebbuġ - Day care centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwaqqaf Day Care Centre għall-anzjani f'Ħaż-Żebbuġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Politika Soċjali kellu diskussijonijiet mal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ rigward 'Day Centre' għall-anzjani. Pero' s'issa ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni. 5.5.99

Korperattivi — Support Unit

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1522, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-applikanti li applikaw formalment b'risposta għas-sejħa għall-impjieg fis-Support Unit għall-Koperattivi f'Marzu 1996, meta preċiżament saret is-sejħa u meta għalaq iż-żmien biex jiġu milqugħa l-applikazzjonijiet għall-impjieg u d-dati li fihom daħlu l-applikazzjonijiet kollha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni li ngħatat lili, jirriżulta li:- 1. Vakanza fil-"Co-operative Support Unit" (ETC Permit 36/96) dehret fil-gazzetti tat-tielet ġimgħa ta' Frar, 1996. 2. Id-"deadline" mogħti għat-tlaqqiegħ ta' applikazzjonijiet kien tad-29 ta' Marzu, 1996. 3. Sa din id-data kienu ntlaqgħu seba' (7) applikazzjonijiet. 4. Intlaqgħet ukoll applikazzjoni oħra datata 19 ta' Ġunju, 1996 li ġiet rikonoxxuta bħala "late application". 5.5.99

Koperattivi — Support Unit

Question

B'riferenza għal dak li qal il-Viċi Prim Ministru dwar l-intenzjoni tiegħu li jwaqqaf mill-ġdid is-Support Unit għall-Koperattivi, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bejn l-1992 u l-1996 dan is-Support Unit kienx twaqqaf b'deċiżjoni tal-Bord tal-Koperattivi u jekk le bid-direttiva ta' min? Jista' f'kull każ il-Viċi Prim Ministru jipproduċi d-deċiżjoni kif dokumentata fil-muniti? Jista' jgħid ukoll ma' min kienu mpjegati l-membri tas-Support Unit, fis-sens jekk kenux impjegati tal-Bord tal-Koperattivi jew tal-Ministeru li taħtu kienu jaqgħu l-koperattivi u jekk dan kienx mill-bidu tat-twaqqif tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lil l-Onor. Interpellant li l-Co-operative Support Unit (jew l-Appoġġ għall-Koperattivi twaqqaf bi l-għan li jimplimenta l-politika ta'appoġġ għall-koperattivi mfissra fil-"Policy Document" maħruġ mill-Bord tal-Koperattivi fl-1993. Il-"Co-operative Support Unit" twaqqaf għalhekk, b'deċiżjoni tas-Segretarju Parlamentari Riżorsi Umani (dak iż-żmien responsabbli mill-Koperattivi) u wara konsultazzjonijiet mal-Bord tal-Koperattivi u diversi persuni, uffiċjali u rappreżentanti tal-Gvern, inkluż mill-Prim Ministru. L-għan wara t-twaqqif tiegħu huwa li jipprovdi għajnuna teknika u ta' konsulenza lill-Moviment Koperattiv. Id-deċiżjonijiet ewlenin li jirrigwardaw it-twaqqif tal-"Co-operative Support Unit" huma mfissra u dokumentati f'dawn il-Minuti tal-Bord tal-Koperattivi: Laqgħa tal-Bord tal-Koperattivi Data ------------------------------- ---- Laqgħa 01/94 08 ta' Marzu, 1994 Laqgħa 03/94 15 ta' April, 1994 Laqgħa 05/94 23 ta' Mejju, 1994 Laqgħa 12/94 03 ta' Novembru, 1994 Laqgħa 01/95 05 ta' Jannar, 1995 Intlaħaq qbil ukoll li l-"Malta University Services Limited" kellu jkun huwa li jservi bħala l-"employer tal-ħaddiema ngaġġati fis-"Support Unit" ladarba l-Bord ma kienx għadu preparat biex jimpjega n-nies miegħu. Il-perjodu ta' ngaġġ għal tlett (3) "Project Leaders" inbeda f'Ottubru 1994 waqt li l-"Project Leaders" ġew ingaġġati mal-Bord tal-Koperattivi b'effett minn Ġunju 1996. Matul il-perjodu ta' ngaġġ tagħhom ma' l-MUS, l-operat tas-"Support Unit" kien jitmexxa minn "Management Board" li kien jinkludi rappreżentanti kemm tal-MUS u tal-Bord tal-Koperattivi. 5.5.99

Ministeru tal-Politika Soċjali — Customer care section

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min kuma n-nies li jaħdmu fil-customer care section tal-Ministeru u xi gradi għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għall-informazzjoni li kont tajt fit-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet Nru. 3451 u 5840. Bl-eċċezzjoni ta' xi mpjegati li xogħolhom huwa biss ta' natura klerikali jew amministrattiva jew ta' sewqan, il-membri l-oħra tas-Segretarjat Privat tiegħi jkollhom kuntatt mal-pubbliku kif meħtieġ u għalhekk tista' tgħid li, fil-maġġoranza tagħhom, jipprovdu servizz ta' 'customer care'. 5.5.99

Djar — Akkomodazzjonijiet alternattivi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw postijiet tal-housing minn Settembru s'issa? Taħt liema kategorija u minn liema lokalita' huma l-applikanti li ngħataw post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 5.5.99

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Hearing aids

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jbiegħux batteries għall-hearing aids? Jekk iva, il-prezz huwa sussidjat mill-gvern? Is-sussidju fuqhom għadu kif kien jew naqas? Hemm-il ħsieb li l-gvern ma jibqax jissussidjahom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

a) Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ma tbiegħx batteriji tal-'hearing aids' imma l-Kummissjoni għandha aranġament mal-Gozo Association for the Deaf biex dawn ibiegħu batteriji tal-hearing aids bi prezz irħis. b) Il-prezz mhux issussidjat mill-Gvern, biss dawn il-batteriji huma eżentati mid-dazju. c) Peress li m'hemmx sussidju t-tielet u r-raba' mistoqsijiet m'humiex applikabbli. d) Fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet bejn din l-Għaqda u l-Kummissjoni kif dan is-servizz jista' jitkompla bl-aħjar mod possibbli. 5.5.99

Djar — Każ ta' fond

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru Ministru jgħid jekk il-post, li l-indirizz tiegħu qed jintbagħat separatament, huwiex battal? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex tal-Housing Department?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-post indikat mill-Onor. Interpellant mhux f'idejn id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 5.5.99

Liġi tas-Sigurta' Soċjali — "Benefiċċji Oħrajn"

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji tal-ħlasijiet li qed isiru taħt il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali, 1987 u li jidhru bħala "Benefiċċji Oħrajn" fir-rendikont finanzjarju li jiġi ppubblikat kull sena ma' l-estimi ġenerali u jagħti informazzjoni għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji tal-ħlasijiet li saru taħt it-titolu 'Benefiċċji Oħrajn' li jidhru fir-rendikonti finanzjarji tas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 taħt il-Liġi tas-Sigurta' Soċjali 1987. Rigward is-sena 1998, il-figuri huma proviżorji. 5.5.99

Servizzi soċjali — Servizz ta' handyman

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm anzjani nqdew mis-servizz ta' handyman sena b'sena u lokal lokal minn meta ġie ntrodott is-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tan-numru ta' anzjani li nqdew mis-servizz tal-Handyman sena b'sena u lokal b'lokal. 5.5.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, mill-5 ta' Settembru 1998 sas-26 ta' Frar 1999, kemm inħadmu sigħat ta' overtime mill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Anzjani? Jista' jgħid min huma li ngħataw dan l-overtime? Jista' jgħid kemm sigħat u kemm ħlas ingħataw f'overtime xahar b'xahar? F'liema sezzjonijiet tad-dipartiment jaħdmu l-ħaddiema msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jipprovdu rispettivament: (i) in-numru ta' siegħat ta' "overtime" li nħadmu, xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Frar 1999, fit-Taqsima ta' l-Amministrazzjoni u fid-Djar għall-Anzjani tad-Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani kif ukoll l-ispiża ta' din is-sahra (Tabella A); (ii) in-numru ta' siegħat ta' "overtime" li nħadmu, xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Frar 1999, fit-Taqsimiet differenti tar-Residenza San Vinċenz de Paule (Tabella B). L-ammonti attwalment imħallsa lill-impjegati ta' din ir-Residenza f'dan il-perjodu diġa' ngħataw fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 6010. Ma naħsibx li jkun prudenti li nipprovdi nformazzjoni dwar l-ismijiet ta' dawk l-impjegati li rċevew dawn il-ħlasijiet. 5.5.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Karozzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm karozzi fid-Dipartiment ta' l-Anzjani? Meta nxtraw? Kemm swew? Kemm intnefqu flus f'manutenzjoni minn meta nxtraw karozza b'karozza? Minn min qed jintużaw? Liema karozzi qed jintużaw wara l-ħin normali tax-xogħol u minn min u għal liema raġuni? Kemm intnefqu flus f'petrol/diesel xahar b'xahar mill-5 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Frar, 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 5.5.99

Sigurta' Soċjali — Kartuna roża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kartuna roża lokal b'lokal u meta nħarġitilhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-karta r-roża għall-mediċini b'xejn tingħata wara li ssir dikjarazzjoni finanzjarja. Jekk persuna tissodisfa t-test tal-mezzi tingħata l-karta roża li tkun valida għal sitt xhur, u f'każ ta' pensjonanti u familji fuq l-Għajnuna Soċjali tkun valida għal sena. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li turi kemm hu n-numru ta'dikjarazzjonijiet validi f'xi żmien partikolari. B'danakollu tinżamm statistika dwar in-numru ta' talbiet li jkunu saru ġodda mill-Uffiċċju Distrettwali, kif jidher hawn taħt: ĦRUĠ TAL-KARTA R-ROŻA MATUL IS-SENA 1998 Balzan 140 Birkirkara 317 Cospicua 223 Ħamrun 198 Luqa 53 Marsa 173 Mosta 189 Msida 155 Naxxar 182 Paola 254 Qormi 220 Rabat 307 Sliema 120 San Ġwann 98 San Pawl il-Baħar 150 Valletta 252 Żabbar 220 Żebbuġ 331 Żejtun 267 Żurrieq 88 Victoria 628 Nadur 257 ------- TOTAL 4,822 ======= 5.5.99

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji

Question

Ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li wasal iż-żmien li l-gvern jikkonsidra l-għoti ta' għajnuna soċjali lil dawk il-persuni li jkunu qed jgħinu fit-trobbija u l-kura tal-familja minħabba l-mewt ta' l-omm? Teżisti informazzjoni jew statistika fid-dipartiment ta' l-għajnuna soċjali dwar dawn il-każi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Għajnuna Soċjali hi ntiża biex tgħin persuni jew familji li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u li jkunu jeħtieġu għajnuna finanzjarja. Kap ta' familja li jkun qiegħed jirċievi l-Għajnuna Soċjali, u qiegħed jieħu ħsieb it-trobbija u l-kura ta' tfal żgħar minħabba l-mewt ta' l-omm, jiġi eżentat milli jirreġistra għax-xogħol. Dan jagħmilha aktar faċli biex hu jkun jista' jiddedika l-ħin tiegħu għal uliedu. Id-Dipartiment ma jżommx statistika dwar dawn il-każijiet peress li kull każ jiġi trattat fuq il-merti tiegħu. 5.5.99

Djar — Pembroke - Tiswijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jintervjeni sabiex fil-komun u l-aperturi ta' Juno Flats fil-qasam tad-djar, Pembroke, isir xogħol ta' tibjid u tiswija peress li l-imsemmija flats m'humiex fi stat tant pjaċevoli? Jaf il-Viċi Prim Ministru li r-residenti ilhom li għamlu dawn it-talbiet żmien twil u xorta baqa' ma sar xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif aktarx jaf l-Onor. Interpellant, ftit tas-snin ilu kienu saru diversi xogħolijiet ta' manutenzjoni f'Juno Flats. Huwa minnu wkoll li għad baqa' ħafna x'isir u għalhekk għaddejt il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jagħtih prijorita'. 4.5.99

Ta' Giorni/Ta' Xbiex — Lifts

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 362 b'riferenza għall-appartamenti addizzjonali tal-Housing Estate ta' Ta' Giorni l-Ministru qal li "Kif aktarx jaf ukoll l-istess interpellant, l-applikazzjoni kienet ġiet rifjutata minħabba li dan il-proġett kien se joħloq wisq konġestjoni" u peress li fir-rapport ta' l-Awtorita' tad-Djar 1997/98 f'paġna 22 fost affarijiet oħra hemm miktub "L-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġet permessi għal bini ta' sulari ġodda fil-lokalitajiet" u jsemmi l-lokalitajiet fosthom Ta' Giorni, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema hija l-informazzjoni korretta fir-rigward tal-ħruġ ta' permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, hux dik tal-mistoqsija parlamentari numru 6362 jew dik f'paġna 22 paragrafu 5 tar-rapport ta' l-Awtorita' tad-Djar 1997/98? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-fatt dan il-proġett hux se jitwettaq? Jekk se jitwettaq, hux se jiġu installati lifts għal benefiċċju tar-residenti? Jekk ma huwiex se jitwettaq, se jiġu installati lifts?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-permess li kien ġie miċħud mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, jirreferi għal proġett ta' Ta' Xbiex. Mill-banda l-oħra l-applikazzjoni għall-proġett f'Ta' Ġiorni, kienet ġiet aċċettata w l-permess nħareġ. Għalhekk l-informazzjoni mogħtija kemm fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 362 kif ukoll fir-rapport tal-Awtorita' tad-Djar huma korretti. Dwar il-"lifts", ser inħabbar skema għall-istallazzjoni ta' "lifts" f'bini tal-Gvern fil-ġranet li ġejjin. 4.5.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna b'diżabbilita' (Multiple Scleriosis), li d-ettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, jingħata post isfel flok dak li għandu bħalissa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. 4.5.99

Sigurta' Soċjali — Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, jingħata s-servizz tal-home help minħabba każ ta' mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Bord hu ta' l-opinjoni li biex jiġi approvat jew le is-servizz tal-Home Help hemm bżonn ta' Rapport Mediku ġdid. 4.5.99