Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7471 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Mużewijiet — Restoratur

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u kemm ħarġu sejħiet sabiex ikun ingaġġat restoratur għall-pittura mad-Dipartiment tal-Mużewijiet mis-snin 1960 sal-lum? Jista' jgħid, f'kull każ, kemm applikaw, meta applikaw u minn liema lokalita' kien ġej kull applikant?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-reconds dwar l-ammissjoni ta' restawraturi tal-pittura li għandu d-Dipartiment tal-Mużewijiet imorru lura sal-1977. Jidher pero` li kien diġa` sar ammissjoni qabel, li dehret fil-gazzetta tal-gvern tal-18 ta' April 1967. B'kollox saru 5 ammissjonijiet mill-1977, jiġifieri dawk li l-avviżi tagħhom deheru fil-Gazzetti tal-Gvern ta' l-10 ta' Ġunju 1977, ta' 14 ta' Novembru 1978, tas-6 ta' Settembru 1983, tat-2 ta' Mejju 1989 u tat-28 ta' Jannar 1991. Fl-1977 applikaw 3 kandidati li kienu mil-Mosta, Ħal-Qormi u Birkirkara Fl-1978 applikaw 3 kandidati li kienu minn Birkirkara, Mqabba u Żejtun Fl-1983 applikaw 3 kandidati li tnejn kienu minn Birkirkara u wieħed mill-Mellieħa Fl-1989 applikaw 10 kandidati li 2 kienu mill-Belt, u wieħed minn Birkirkara, Sliema, Tarxien, Attard, Marsaxlokk, Lija, Mosta u mis-Swieqi Fl-1991 applikaw 8 kandidati li kienu miż-Żejtun, il-Fgura, Lija, Żabbar, Mosta, Gudja, Wardija u minn Victoria (Għawdex).
Leg 9 PQ #6625 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifikazzjonijiet għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom jagħmel użu ta' mobile phone? 8) kemm hija l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu mill-mobile phones minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista ta' l-istaff fis-Segretarjat tiegħi li turi l-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. (Dok. A) Irrid inżid li s'issa ħadd mill-imsemmija ma jagħmel użu mill-Mobile Phone. Is-Sur Frank Mifsud huwa sekondat minn mas-SEDQA, is-Sur Teddy Kennely huwa sekondat mill-E.T.C., is-Sinjorina Annabelle Vassallo hi sekondata mill-Universita` u s-Sur Emanuel Sciberras hu sekondat mill-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku. Ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista oħra (Dok. B) ta' l-istaff tas-Segretarjat Parlamentari li turi (i) il-karigi tagħhom, (ii) liema minnhom qegħdin b'kuntratt, (iii) it-total tan-nefqa individwali bejn Settembru 1998 u Marzu 1999 fuq mobile phones ta' dawk il-persuni li huma ntitolati għall-użu ta' mobile phone u (iv) id-data effettiva tal-ftehim li ffirma/t kull wieħed/waħda mill-membri ta' l-istaff skond il-Memorandum 'Engagement of Staff in Private Secretariats'. Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-Onor. Interpellant huma kollha konformi ma' dak imniżżel fil-Memorandum "Engagement of Staff in Private Secretariats".
Leg 9 PQ #7330 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti - mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex projbit li jiddaħħlu mobile phones minn studenti fis-swali fejn isiru eżamijiet, kollha organizzati mill-Univerista' ta' Malta? Jikkonferma l-Ministru li meta kienu diġa' tqassmu l-karti tal-Matematika tas-SEC f'sala waħda u nstab li f'sala oħra fiċ-Ċentru Tekniku ta' Raħal Ġdid ma kienx hemm karti għall-istudenti, il-karti ta' l-ewwel sala nġabru wara li l-istudenti kellhom iż-żmien jaqraw il-karta? Jikkonferma li dawk l-istudenti li laħqu raw il-karti tħallew jippassiġġaw barra s-sala tagħhom u kien hemm minn uża il-mobile phone u anke il-card phone?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn din is-sena, it-tmexxija ta' l-eżamijiet tal-MATSEC, fil-jiem ta' l-eżami, tħallew f'idejn id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Fis-snin ta' qabel, sakemm dawn l-eżamijiet kienu taħt il-Ko-Ordinatur tal-MATSEC, ma nqala' ebda każ ta' studenti li ħadu magħhom mobile phones fil-kamra ta' l-eżami. Kieku dan kien il-każ, l-istudenti kienu jkunu pprojbiti milli jagħmlu użu minn mobile phones. Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ma jħallix studenti jidħlu b'mobile phones fiċ-Ċentri ta' l-Eżamijiet. Il-'Head of Centres' u l-invigilators kellhom struzzjonijiet li jaraw meta jpoġġu għall-eżami, l-istudenti jkollhom biss dak li huwa meħtieġ għal waqt l-eżami. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija informat li ċ-Ċentru Tekniku ta' Raħal Ġdid huwa kompost minn sala li tesa' 130 ruħ u blokk ta' 24 kamra li jesgħu 580 ruħ. Wara li d-dipartiment għamel l-istħarriġ neċessarju, ż-żewġ 'Heads of Centre' li kienu responsabbli ta' dan iċ-Ċentru flimkien ma' l-Invigilators jinnegaw kompletament li tqassmu xi karti ta' l-eżamijiet qabel il-ħin. Huma kkonfermaw bil-miktub li kemm l-istudenti fis-sala kif ukoll fil-blokk bdew it-tieni parti ta' l-eżami flimkien fl-10.00a.m. Huma jinnegaw kompletament li kien hemm xi studenti li użaw mobile phones hekk kif imsemmi f'din il-mistoqsija parlamentari. Huma wkoll ikkonfermaw li ma teżisti ebda card phone fis-sala fejn saru dawn l-eżamijiet.
Leg 9 PQ #7331 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Eżamijiet tal-SEC/MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jintgħażlu dawk il-persuni li jagħmluha ta' heads of centre kif ukoll ta' invigilators ma' l-istudenti fl-eżamijiet tas-SEC, MATSEC, eċċ. organizzati mill-Universita' ta' Malta? Ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li dawn in-nies ikunu għalliema kwalifikati, anke dawk irtirati, li ma jgħallmux is-suġġett li jkun qed jiġi eżaminat? Mill-eżamijiet li saru s'issa kien hemm xi każi fejn ġie rapportat li kien qed isir ikkupjar? Jekk fl-affermattiv, f'liema eżamijiet u x'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ingħata l-inkarigu mill-Matsec Board biex jieħu ħsieb jappunta l-Heads of Centre għall-eżamijiet fil-kitba tas-Sec u l-Matsec. Id-Dipartiment għażel il-Heads of Centre minn fost l-impjegati tiegħu stess, kif ukoll mil-lista provduta mill-Board tal-Matsec li qabel kienu jiġu appuntati f'din il-kariga. L-invigilators li intgħażlu biex jieħdu sehem fit-tmexxija ta' l-eżamijiet ta' din is-sena kienu dawk li attendew għal waħda mil-laqgħat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet organizza biex jispjega l-proċeduri u d-doveri ta' l-Invigilators. Għal dawn il-laqgħat, id-Dipartiment bagħat għal kull persuna li kienet inkluża fil-lista mogħtija mill-Matsec Board kif ukoll mil-listi li kellu l-istess dipartiment li jiġu appuntati għall-eżamijiet ta' Barra. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija jekk invigilators għandhomx ikunu għalliema kwalifikati anke jekk irtirati, d-dipartiment ma jaqbilx għal kollox ma' din il-proposta. Id-Dipartiment dejjem kellu numru ta' invigilators minn kull settur tal-ħajja li taw servizz eċċellenti lid-dipartiment biex setgħa jmexxi l-eżamijiet bl-akbar serjeta` matul iż-żmien li ilu jikkonduċi l-eżamijiet ta' Barra u Lokali. Id-Dipartiment jisħaq l'aktar li l-individwi jkunu ta' livell aċċettabbli ta' edukazzjoni u juru inizjattiva u dedikazzjoni fis-servizz li jagħtu lid-Dipartiment. Dan jista' jsir mhux biss minn għalliema iżda wkoll minn individwi oħra fis-soċjeta`. Id-Dipartiment qed jagħmel sorveljanza kontinwa minn sessjoni għal oħra biex jara li l-invigilators appuntati jagħtu l-aħjar servizz biex l-eżamijiet kollha jitmexxew bl-akbar serjeta` u impenn. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija informat li ġew irrapurtati żewġ każi ta' kkupjar. Dawn kienu fil-karti ta' l-'English Literature Paper 2' tas-Sec u fil-'Chemistry Paper 2' fil-Livell Avvanzat tal-Matsec. Il-'Head of Centre' inkarigati miċ-Ċentri fejn saru dawn l-eżamijiet, għamlu rapport fuq il-każ u dawn ġew mgħoddija mal-'scripts' lill-Matsec Board għall-attenzjoni tagħhom.
Leg 9 PQ #7332 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet tas-SEC/MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet li m'humiex ta' l-Istat li huma ċentri fejn isiru l-eżamijiet tas-SEC, MATSEC, eċċ? Jista' jgħid jekk jistax jiġi kkunsidrat li l-eżamijiet jibdew isiru fl-iskejjel rispettivi ta' l-istudenti biex la jkun hemm skariġġ bla bżonn ta' l-istudenti kif ukoll ma jkunx hemm sparpaljar ta' riżorsi umani? Jaqbel il-Ministru li għalliema minn dawn l-iskejjel jagħmluha ta' invigilators basta ma jkunux jgħallmu dak is-suġġett li jkun qed isir l-eżami fih?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel tal-V u tas-VI Form tal-Kulleġġ San Alwiġi intużaw bħala Ċentri għall-Eżamijiet tal-Matsec li saru fis-sessjoni ta' din is-sena fil-livell Avvanzat u Intermedjarju. Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet għamel arranġamenti mal-Kulleġġ ta' San Alwiġi u De La Salle biex juża l-laboratorji tagħhom biex jikkonduċu l-eżamijiet Prattiċi tal-Chemistry u Physics ta' l-Associated Examining Board billi l-faċilitajiet fl-iskejjel ta' l-Istat ma kienux biżżejjed biex jakkomodaw in-numru ta' kandidati li resqu din is-sena għal dawn is-suġġetti. Dwar il-proposta li fil-futur l-eżamijiet tal-Matsec u Sec jibdew jiġu organizzati fl-iskejjel rispettivi tagħhom, informat li huwa l-impenn tad-Dipartiment li jirnexxielu jilħaq dan il-għan. Fil-fatt id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet inkluda din il-proposta fil-Business Plan tal-1999-2001. Is-suġġeriment dwar jekk għalliema mill-istess skola għandhomx jitħallew jagħmluha ta' invigilators fl-iskejjel tagħhom stess, jirrikjedi diskussjoni ma' diversi partijiet qabel jiġi deċiż għandux jiġi aċċettat fil-prinċipju.
Leg 9 PQ #7335 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja — Ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li sar lill-Knisja matul din is-sena skolastika skond il-ftehim bejn Stat u Knisja? X'kien il-ħlas - xahar b'xahar - bejn Settembru u Mejju ta' din is-sena skolastika? Matul din is-sena skolastika kien hemm xi talbiet biex isir xi ħlas addizzjonali aktar milli kien oriġinarjament previst? Għal liema raġuni? X'kien l-ammont mitlub?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas li sar lill-Knisja matul din is-sena skolastika skond il-ftehim bejn Stat u Knisja jammonta għal Lm5,183,813. Il-Ħlas, xahar b'xahar, kien hekk: Settembru 1998 - Lm557,086 Ottubru 1998 - Lm663,287 Novembru 1998 - Lm551,929 Diċembru 1998 - Lm626,096 Jannar 1999 - Lm557,083 Frar 1999 - Lm557,083 Marzu 1999 - Lm557,083 April 1999 - Lm557,083 Mejju 1999 - Lm557,083 Matul din is-sena skolastika kien hemm żewġ (2) talbiet sabiex isir ħlas addizzjonali aktar milli kien oriġinarjament previst. Dawn kienu hekk: i) Ammont ta' Lm300,193 li jirrappreżenta arretrati ta' salarji għas-snin 1996 sa 1998 (Lm234 kull persuna bħalma ħadu l-ħaddiema tal-gvern); u ii) Ammont ta' Lm130,303 li jirrappreżenta arretrati ta' salarji mis-sena 1991 tal-gradi ta' l-Instructors skond il-ftehim milħuq f'Settembru 1998 bejn il-Knisja u l-Malta Union of Teachers dwar ir-riorganizzazzjoni tal-gradi ta'l-Instructors fl-iskejjel tal-knisja.
Leg 9 PQ #7481 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Abbuż ta' droga/alkoħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm matul din is-sena skolastika ġew irrapportati każi ta': 1) abbuż ta' droga; u 2) abbuż ta' alkoħol fl-iskejjel statali? Kien hemm xi rapporti simili fl-iskejjel tal-knisja u dawk privati? Kemm kellhom snin dawk involuti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul din is-sena skolastika ġie rappurtat każ wieħed ta' abbuż ta' droga. Il-persuna involuta kienet ta' erbatax-il sena. Ma jirriżultax rapport simili għall-iskejjel tal-knisja u privati.
Leg 9 PQ #7525 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-politika nazzjonali taż-żgħażagħ approvata mill-kabinett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qabel tiġi ppubblikata l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, għad iridu jsiru xi emendi.
Leg 9 PQ #7557 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Stipendji

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6787, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kabinett ħax deċiżjoni? X'kienet din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Gvern iddiskuta r-Rapport Galdes dwar l-Istipendji fil-kabinett, b'mod ġenerali aċċetta r-rakkomandazzjonijiet magħmula u talabni nfassal ir-Regolamenti maħtieġa li eventwalment ser juru d-dettalji tas-sistema l-ġdid. Bħalissa qed naħdem fuq dawn ir-Regolamenti bl-għajnuna ta' l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali.
Leg 9 PQ #7558 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6742?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju mhux lest nikkonsidra l-pubblikazzjoni tad-dokumenti msemmija li għad iridu jiġu diskussi fil-kabinett.
Leg 9 PQ #7559 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa flus l-bid sabiex Malta torganizza l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fis-sena 2003?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ispiża li għamel il-Gvern b'konnessjoni mal-bid biex Malta torganizza l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar saret biex ġew organizzati riċeviment u ikla li għalihom ġew mistiedna uffiċjali għolja mill-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti u personalitajiet distinti oħra. Din l-ispiża ammontat għal Lm1700. Spejjeż oħra biex ġew preparati video production u promotional pack saru kollha mill-Kumitat Olimpiku Malti.
Leg 9 PQ #7304 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Sir Luigi Preziosi — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li fl-iskola Sir Luigi Preziosi hemm ħafna ħmieġ? Kemm hemm niex biex inaddfu? Jista' jinvestiga rapporti li fl-istess skola hemm għalliem li ismu qed jintbagħat separatament li jsawwat lill-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-Rapport fuq l-indafa fl-iskola Sir Luigi Preziosi mhux eżatt. Fl-iskola hemm 3 purtinari full time, Messaġġier u ħaddiem fuq Maintenance. Wieħed jifhem li meta xi ħadd mill-purtinari jkun nieqes għal tul ta' żmien tkun diffiċli tinżamm l-istess livell ta' ndafa. Ma jirriżultax li l-għalliem li ismu ngħata separatament isawwat lill-istudenti.
Leg 9 PQ #7306 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Fiera tar-Rebbigħa

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir sforz fost il-kapijiet ta' l-iskejjel biex is-sena d-dieħla aktar skejjel jieħdu sehem fil-fiera tar-Rebbiegħa organizzata miż-żgħażagħ għall-unita' bħala inizjattiva tanġibbli ta' solidarjeta' ma' żgħażagħ minn inħawi differenti tad-dinja?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandix x'inżid mat-tweġiba li diġa' tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7023.
Leg 9 PQ #7436 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Riżenja ta' persuna

Question

B'riferenza għad-diversi rapporti li dehru f'ġurnali lokali dwar ir-riżenja tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet tar-riżenja tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant huwa uffiċjal tal-Kumitat Olimpiku Malti. Għalhekk mhux kompitu tagħna li nagħtu r-raġunijiet dwar ir-riżenja, jekk hemm riżenja, ta' din il-persuna.
Leg 9 PQ #7444 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Question

Wara r-riżultati xejn sbieħ li ksibna fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-kummenti ta' diversi diriġenti, x'jaħseb is-Segretarju Parlamentari dwar aktar edukazzjoni sportiva fl-iskejjel primarji u sekondarji? Kif qed jipproponi li ssir din l-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji hija kruċjali għall-iżvilupp sportiv. Kulħadd jaqbel li din għandha tissaħħaħ. Bħalissa d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tistudja diversi pjanijiet kif dan jista' jkun imsaħħaħ.
Leg 9 PQ #7450 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għall-facilitator fil-waiting list? Minn liema lokal huwa kull student li qed jitlob għall-facilitator u f'liema klassi qiegħed?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista ta' talbiet għall-facilitator għat-tfal li għad iridu jiġu eżaminati mill-iStatementing Board ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7460 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid min impjega l-coach mit-Tarkmenistan li akkumpanja tiraturi Maltin waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar? Kemm dam Malta u kemm tħallas waqt li kien hawn fuq ix-xogħol tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħatriet ta' coaches li akkumpanjaw diversi sportivi fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar sar mill-Kumitat Olimpiku Malti. Għalhekk ma nistax nirrispondi għall-mistoqsijiet dwar kemm dam Malta u kemm tħallas għax-xogħol tiegħu.
Leg 9 PQ #7476 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus marbuta mal-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru dan l-aħħar u fiex intnefqu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li din id-darba rbaħna inqas midalji?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux possibbli li jingħata rendikont preċiż tan-nefqa konnessa mal-parteċipazzjoni fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar għax l-ispiża ma ssirx mill-Gvern dirett. Il-Gvern jagħti għotja lill-Kumitat Olimpiku Malti biex tkopri parti mill-ispejjeż tal-parteċipazzjoni f'dawn il-logħob. Il-Ministeru mhux responsabbli għall-ammont ta' medalji li ntrebħu jew ma ntrebħux għalkemm jagħmel l-assessment tiegħu fuq ir-riżultati miksuba. Ir-raġunijiet fuq l-ammont ta' medalji miksuba ingħataw mill-uffiċjali tal-Kumitat Olimpiku Malti u Assoċjazzjonijiet Sportivi.
Leg 9 PQ #7478 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar — Għawwiema Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-direttur ta' l-Isport tal-Kumitat Olimpiku Malti għandux id-dritt jhedded li ma jingħatawx aktar fondi lill-għawwiema Maltin wara r-riżultati fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar? Meta l-gvern jalloka somma ta' flus konsiderevoli għal dan il-għan? Jista' l-Ministru jassigura li l-għawwiema kollha Maltin fil-fatt laħqu l-livell mitlub qabel ma marru għal dan il-logħob? Il-kwalifikazzjoni intlaħqu waqt xi kompetizzjoni? Mill-atleti fi sport ieħor, dawn kollha laħqu l-kwalifikazzjoni rikjesta? X'kontroll isir mill-Kumitat Olimpiku Malti waqt li jkunu qed isiru l-preparamenti ta' l-għaqdiet sportivi ndividwali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kumitat Olimpiku Malti jista' jżomm biss dik il-parti tal-fondi fid-dispożizzjoni tiegħu li jiġu minn sorsi oħra barra dawk mogħtija mill-Gvern. Mhuwiex il-ħsieb li l-Gvern jaqta' xi fondi lil xi sport partikolari. Madankollu l-fondi mgħoddija mill-Gvern għandhom ikunu marbuta ma kundizzjonijiet u strateġija li jiżguraw li jintlaħqu l-miri stabbiliti. Il-Kumitat Olimpiku Malti huwa responsabbli li joħroġ l-istandards ta' kwalifiki, li jiżgura livelli tajba u li l-atleti magħżula jkunu laħqu l-istandards li jogħorġu minn dawn il-kriterji.
Leg 9 PQ #7479 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali — Qlugħ ta' madum

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mir-rapport li kienu għamlu l-periti dwar il-qlugħ ta' madum fil-Pixxina Nazzjonali ftit aktar minn sena ilu? Ittieħdet xi deċiżjoni dwar ta' min kien it-tort li saret il-ħsara?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.