Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba ta' l-anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, sabiex post vojt, proprjeta' tiegħu, li hu terran tkun tista' titneħħa r-requisition minn fuqu sabiex ikun jista' jmur jgħix fih peress li l-post fejn qed jgħix bħalissa fih ħafna taraġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ imsemmi qiegħed jiġi proċessat mid-Dipartiment. L-anzjan ġie mitlub japplika biex meta il-post jitbattal u ċ-ċwievet ikunu fid-Dipartiment, ikun jista' jiġi allokat lilu skond il-liġi. Ir-rekwiżizzjoni titneħħa iżjed tard meta jiġi aċċertat li hu joqgħod fil-post.
17.5.99
Jista' l-Ministru jara li tiġi riveduta kwalifika 4 (a) (v) ta' skema numru 1 ta' l-Awtorita' tad-Djar fis-sens li sidien ta' djar li huma ulied persuni b'diżabilita' li joqogħdu fl-istess dar jitħallew japplikaw għal sussidju/għajnuna finanzjarja?
Jikkonsidra l-Viċi Prim Ministru li s-Cerebral Palsy (General Spasticity) tiġi nkluża fil-lista ta' mard li dawk li jsofru minn din il-marda jkunu intitolati għal Schedule V?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kundizzjoni magħrufa bħala Cerebral Palsy hija koperta bl-Artiklu 27 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) għal għoti ta' Pensjoni lil persuna li tkun qed tbati b'din id-Diżabilita'. Dan ifisser li persuna li tkun qed tieħu din il-Pensjoni, jew tifel jew tifla li jkun qed jieħu l-Allowance tat-Tfal b'Diżabilita' minħabba l-istess kundizzjoni, huma intitolati f'isimhom għal mediċini b'xejn. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li din il-kundizzjoni tiġi nkluża fil-Ħames Skeda tal-Liġi.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'hemm ippjanat li jsir minn erba' garaxxijiet u żewġ maisonettes li hemm fi Plot 9, Għajn Dwieli, Paola?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Maisonette 9B li hi fi stat ta' ġebel u saqaf inħarġet għall-allokazzjoni b'bejgħ taħt l-Avviż Numru. 63.
Maisonette 9A li llum hi fi stat ta' ġebel u saqaf ser titkompla mill-Awtorita' tad-Djar. Fil-fatt inħarġet sejħa pubblika għal dan il-għan.
Żewġ garages ser jiġu allokati ma' dawn iż-żewġ maisonettes. It-tnejn l-oħra ser jinħarġu għall-bejgħ bl-offerti.
17.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru: 1) jikklassifika l-2,981 żgħażagħ qiegħda taħt it-30 sena (hekk kif imħabbar għax-xahar ta' Jannar) skond il-lokalitajiet li ġejjin minnhom; u 2) a) jiddentifika kemm min-numru ta' żgħażagħ qiegħda għandhom diploma/degree mill-Universita' ta' Malta u fl-istess ħin jikklassifika: i) in-numru ta' żgħażagħ qiegħda vis-a-vis id-diploma/degree tagħhom; ii) kemm ilhom jirreġistraw; iii) is-sess tagħhom; u b) jivverifika bi kwotazzjoni ta' ċifri jekk huwiex minnu li f'dawn l-aħħar sitt xhur in-numru ta' nies qiegħda u li għandhom diploma/degree mill-Universita' ta' Malta kiber?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-2,981 żagħżugħ qiegħda li kienu taħt it-tletin sena u li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol sa l-aħħar ta' Jannar 1999 kienu mill-lokalitajiet imniżżla f'Tabella A. F'din it-tabella wieħed għandu jsib ukoll kemm minnhom kienu nisa u rġiel. F'Tabella B wiehed għandu jsib kemm dawn iż-żagħżagħ ilhom jirreġistraw għax-xogħol u kemm kellhom eta.
Fix-xahar ta' Jannar kien hemm wieħed u għoxrin żagħżugħ (21) li kienu gradwati. Il-figura globali tal-gradwati f'Jannar 1999 kienet ta' 38. Din il-figura hija l-iżgħar fl-aħħar sitt xhur u b'hekk ma nivverifikawx illi n-numru ta' gradwati qalb dawk li qed jirreżistraw qed jiżdied. Din tixhdu it-tabella ta' hawn taħt.
Xahar Numru ta' Gradwati
Awissu 1998 103
Settembru 1998 46
Ottubru 1998 45
Novembru 1998 47
Diċembru 1998 41
Jannar 1999 38
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A u Tabella B imsemmijin hawn fuq.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatamenti jiżdiedilha l-ħin tal-Home Help minn erba'sigħat għal ħames sigħat fil-ġimgħa minħabba l-importazzjoni tal-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-laqgħa tal-Bord ta' l-4 ta' Mejju, 1999, il-Bord approva żieda ta' siegħa (1) fil-ġimgħa lill-persuna indikata f'din il-Mistoqsija Parlamentari.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament kien se jingħatalu in "No Parking Sign" quddiem ir-residenza tiegħu minħabba li għandu diżabilita' u issa ntbagħtet nota li dan ma jistax jsir? Jista' l-Viċi Prim Ministru jistħarreġ dan il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-"Reserved Parking" jingħata mit-"Traffic Control Board" fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Il-Kummissjoni tagħmel din ir-rakkomandazzjoni wara
a) li tirċievi l-applikazzjoni relevanti;
b) issir żjara fid-dar minn uffiċjali tal-Kummissjoni;
c) it-talba tiġi studjata minn bord maħtur mill-Kummissjoni għal dan
il-għan u li jinkludi tabib, persuni b'diżabilita' u uffiċjali għoljjin taċ-Ċivil.
Dan is-servizz jingħata lill-persuni li għandhom diżabilita' SEVERA ta' mobilita'.
Fil-każ ta' l-applikazzjoni li hemm referenza għaliha f'din il-Mistoqsija ġiet użata din il-proċedura. Fl-ebda stadju l-applikant ma ġie mgħarraf li ser jingħata dan is-servizz. Il-bord iddeċieda li, għallissa dan is-servizz ma għandux jingħata minħabba li ma jissodisfax il-kriterji rikjesti.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' social housing tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ ndikat qed jiġi kkunsidrat, iżda l-persuna nvoluta jkun jaqblilha aktar tapplika mal-Awtorita' tad-Djar taħt il-kategorija speċjali tagħha.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma s-CSAs jaħdmu mad-Dipartiment Kura ta' l-Anzjani? Kif inhuma mqassma? Kemm daħlu ġodda mid-9 ta' Settembru, 1998? Dawk li daħlu mid-9 ta' Settembru fejn qegħdin jaħdmu? Kemm irriżenjaw mit-8 ta' Settembru, 1998? Fejn kienu jaħdmu u x'kienet ir-raġuni?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999 lill-ħaddiema fl-ETC? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' "transfers" li ngħataw fil-Korporazzjoni mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 kienu 10.
Dawn kienu hekk: 1 ġie trasferit b'riżultat ta' passi dixxiplinarji
6 b'riżultat ta' promozzjonijiet
1 wara talba tal-persuna stess
2 skond l-esiġenzi tas-servizz
Ma huwiex fil-ħsieb li jsiru aktar "transfers" fil futur qarib fil-Korporazzjoni.
12.5.99
B'riferenza għall-wegħdiet li saru lill-ħaddiema fl-aħħar kampanja elettorali Nazzjonalista partikolarment lill-Impressed Drivers, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'sar mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn sabiex dawn il-ħaddiema din is-sena jsiru ħaddiema taċ-ċivil uffiċjalment u jkollhom l-istess drittijiet u kondizzjonijiet bħall-ħaddiema kollha taċ-ċivil?
X'timeframe għandu l-gvern sabiex isolvi din il-problema u kemm huwa n-numru ta' dawn il-ħaddiema fil-mument?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 1115.
In-numru ta' impressed drivers fis-settur pubbliku huwa 701. Il-Gvern qed jesplora attivament l-aħjar metodu sabiex ikun jista' jindirizza din il-problema.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għaliex il-persuna anzjana, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, għadha ma ħaditx overtime li kienet għamlet mill-1 sat-30 ta'Settembru, 1997 fil-Ġnien tax-Xlejli, l-Gudja bħala watchman tal-PWD?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħlas għal xi 'overtime' li jkun sar minn impjegati fis-Servizz Pubbliku normalment isir mid-Dipartiment fejn jaħdem jew kien jaħdem l-impjegat.
Għalhekk nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-individwu, li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament, hux se jieħu l-post li kellu f'No 36, Sqaq 2, Brittaniku Street, Tarxien fejn kien tiegħu personali? Jekk le, x'tip ta' kumpens se jieħu tal-proprjeta' li kellu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hix il-policy, meta jinħarġu nies minn djarhom għal proġetti ta' slum clearance, li jerġgħu jiġu allokati fil-post il-ġdid li jkun inbena flok tagħhom. Dwar kumpens, il-persuna indikata għandha tkellem lid-Dipartiment tal-Art, u tiġi mgħarrfa kemm se jkun, jekk għadha ma rċievitx in-"notice to treat" fejn ikun hemm indikat il-prezz li se titħallas.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5321 u cioe' minn Settembru 1998 sal-15 ta' Frar, 1999 kemm-il persuna talbet l-għajnuna taċ-Ċentru tad-Detox minħabba abbuż ta' droga? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-figuri xahar b'xahar għal Malta u Għawdex separatament?
Kull xahar kemm-il persuna marret l-ewwel darba għal kura? Kull xahar kemm kien hemm persuni taħt it-18-il sena li talbu l-kura?
Kemm kull xahar kienu qed jabbużaw mill-eroina, kokaina, eċċ.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
12.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-każ ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li ilha mill-1995 (Letter Ack. No.6361/95) li wriet il-ħajra li tixtri l-flat tal-gvern fejn toqgħod u sal-lum ma sar l-ebda kuntatt min-naħa ta' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn spezzjoni li saret fuq il-post li fuqu hemm it-talba tax-xiri mill-kerrej, irriżulta li l-applikant qed jagħmel użu minn ġnien estensiv li jmiss mal-flat tiegħu. Għaldaqstant fit-18 ta' Awissu 1997 l-Awtorita' tad-Djar talbet lid-Dipartiment ta' l-Art biex jikkonferma l-'area' tal-fond u l-'area' tal-ġnien (Dokument A). Fil-5 ta' Ġunju 1998 id-Dipartiment ta' l-Art ta lill-Awtorita' tad-Djar l-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk l-Awtorita' ġiet informata li fuq il-post teżisti struttura illegali. Fil-fatt id-Dipartiment ta' l-Art talab lil dan l-inkwilin biex jottjeni il-permess tal-bini fuq din l-istruttura illegali mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fl-istess ittra hu ġie informat li sakemm dan il-permess jinħareġ jew tiġi demolita din l-istruttura illegali, l-applikazzjoni tiegħu għax-xiri ma tiġix proċessata (Dokumenti B u C).
Għaldaqstant sakemm dan l-applikant jirregolarizza il-pożizzjoni tiegħu mad-Dipartiment ta' l-Art l-applikazzjoni ma tistax tkompli tiġi proċessata.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Dokumenti 'A', 'B' u 'C'.
11.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-każ ta' housing ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-riferenza mogħtija għal din il-Mistoqsija Parlamentari hi ta' l-istess persuna li hemm referenza għalija fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5846. Għaldaqstant ir-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5846 tkopri l-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5847.
11.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma n-nies seconded mal-ministeru tiegħu u mil-liema entita' ġejjin? Jista' l-Ministru jgħid x'salarju qed jirċievu u x'allowance qed jirċievu?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll kemm minn dawn huma appuntati f'bordijiet u f'kumitati u xi ħlas qed jirċievu għal dan l-appointment?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema bordijiet qegħdin dawn l-individwi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġibiet li kont tajt għall-Mistoqsijiet Nru. 3451 u 5840. Dawn jinkludu l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Membru fl-ewwel parti tal-Mistoqsija tiegħu. Is-salarji u l-'allowances' li jirċievu dawn l-impjegati huma indikati fid-dokument dwar 'l-Ingaġġ ta' mpjegati fis-Segretarjati Privati' li kien tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-ebda wieħed minn dawn l-impjegati m'hu qiegħed f'xi Bord li jaqa' taħt dan il-Ministeru u li jinvolvi xi ħlas ta' flus jew, b'danakollu, f'xi wieħed mill-Bordijiet fejn m'hemmx ħlas.
11.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm anzjani ta' l-eta' bejn il-61 u s-70 sena, is-70 u t-80 sena, bejn il-81 u d-90 sena, bejn il-91 u 104 sena? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti taħt is-60 sena? Jista' l-Ministru jagħti n-numru, eta' b'eta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru t'anzjani skond l-etajiet mitluba huwa hekk:
Anzjani bejn 60 sa 70 - 34,856
Anzjani bejn 71 sa 80 - 23,257
Anzjani bejn 81 sa 90 - 8,052
Anzjani bejn 91 sa 104 - 1,209
Mhux ċar x'irid l-Onor. Interpellant fit-tieni parti tal-Mistoqsija. Pazjenti ta' fejn?
11.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fl-Isptar San Vinċenz de Paule u jagħti d-dettalji post b'post u isem b'isem ta' fejn u min ingħata transfer?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
11.5.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-kondizzjonijiet tax-xogħol li taħthom qed jaħdmu ħaddiema Maltin fl-Ambaxxati barranin f'Malta? Jaf il-Ministru li f'xi ambaxxati hemm min jaħdem sigħat twal aktar milli tippermetti l-liġi u xi wħud m'humiex stmati tajjeb? Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kull meta d-Dipartiment tax-Xogħol jirċievi lmenti fuq kundizzjonijiet ta' xogħol ħżiena ta' mpjegati f'Ambaxxati barranin f'Malta dawn jiġu nvestigati u d-Dipartiment tax-Xogħol jagħmel ir-rakomandazzjonijiet tiegħu. Ix-xogħol f'dan ir-rigward isir kollu permezz tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Jien infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħol qed jinvestiga lmenti simili.
11.5.99