Ċentru ta' Restawr — Proġett
Question
Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett tat-twaqqif ta' Ċentru tar-Restawr u xi pjani għandu biex dan iċ-ċentru jitwaqqaf fis-snin li ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara biss ftit xhur mill-bidla fl-amministrazzjoni, il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni pprepara pjanijiet ġodda għat-twaqqif taċ-Ċentru Malti għar-Restawr u nieda żjara ta' tliet esperti Taljani f'April 1999, peress li l-Gvern Taljan intrabat li jgħin fit-twaqqif ta' dan iċ-Ċentru.
Wara li ttieħdu in konsiderazzjoni l-pariri ta' l-esperti Taljani, il-proġett taċ-Ċentru Malti għar-Restawr ġie approvat mill-Kabinett nhar it-Tnejn 26 ta' April 1999.
L-istatut taċ-Ċentru (MCR) kien maqbul u ċ-Ċentru formalment kien imwaqqaf permezz ta' ftehim bejn l'Universita` ta' Malta u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni li ġie ffirmat nhar it-Tnejn 3 ta' Mejju 1999. Dakinhar stess ġew maħtura ċ-Chiarman u l-membri tal-Bord li jmexxi ċ-Ċentru. L-MCR jinkorpora fih ukoll Istitut għall-Istudji fir-Restawr.
It-twaqqif taċ-Ċentru tħabbar pubblikament f'konferenza stampa li saret nhar il-Ġimgħa 7 ta' Mejju fil-preżenza tar-Rettur ta' l-Universita`, l-Ambaxxatur Taljan u d-Direttriċi ta' l-Istitut Kulturali Taljan fost l-oħrajn. Matul il-konferenza stampa ġie ppublikat ukoll il-Pre-Prospectus tal-korsijiet ta' studju li ser joffri l-MCR.
Il-Bord li jmexxi ċ-Ċentru ġa ltaqa' bosta drabi f'dawn l-aħħar ġimgħat u fost affarijiet oħra:
1. fetaħ negozjati ma' ċentri Taljani oħra sabiex dawn
ikunu jistgħu jgħinu u jipparteċipaw fl-atvitajiet ta'
l-MCR;
2. bl-għajnuna ta' l-esperti mill-Istituto Centrale per
il Restauro ta' Ruma, sawwar il-pjanijiet dettaljati
għall-korsijiet li ser isiru fiċ-ċentru;
3. ħejja dak li hemm bżonn biex l-ewwel kors preparatorju
ser jibda nhar id-19 ta' Lulju 1999 u li l-ewwel
korsijiet full-time ser jibdew nhar 1-4 t'Ottubru 1999;
4. approva l-Prospectus għall-istudji fir-Restawr;
5. ħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet minn studenti li
jistgħu jkunu interessati li jsegwu kors fir-restawr;
6. ħareġ sejħa pubblika fl-Italja għall-applikazzjonijiet
mingħand restawraturi Taljani li ser jitħallsu minn
fondi provduti mill-Gvern Taljan;
7. ħareġ sejħa pubblika f'Malta għall-applikazzjonijiet
mingħand restawraturi u għalliema Maltin li huma
nteressati li jaħdmu part-time u full-time fiċ-ċentru;
8. bl-għajnuna ta' l-esperti Taljani, ħejja pjanti dettaljati
għall-impjanti differenti li hemm bżonn jinxtraw għall-użu
taċ-Ċentru. Qiegħda titlesta wkoll is-sejħa pubblika li
għandha ssir l-Italja għax-xiri ta' ħafna minn dawn
l-impjanti;
Hu maħsub li ċ-Ċentru ser joffri servizzi ta' restawr f'oqsma bħat-tessuti, fuħħar, ċeramika, ħġieġ, injam, pittura, kotba, metalli, skultura, ġebel eċċ. u dan minbarra t-tagħlim f'dawn l-oqsma.
Dan iċ-ċentru ser jiġi attrezzat b'apparat mill-aktar modern, inkluż laboratorju, sabiex jistgħu jiġu rrestawrati bċejjeċ mill-wirt kulturali Malti. Hu maħsub li l-parti l-kbira ta' dan il-laboratorju jkun lest sal-ħarifa ta' din is-sena.
Minbarra dan ix-xogħol ta' restawr, iċ-Ċentru ser iħaddan ukoll fih Istitut għall-Istudji fir-Restawr. B'hekk, studenti Maltin, kif ukoll numru żgħir ta' studenti barranin, ikunu jistgħu jistudjaw l-arti u x-xjenza tar-restawr sa livell professjonali kif rikonoxxut internazzjonalment. Il-livell internazzjonali tal-korsijiet ser jiġi assigurat bl-għajnuna ta' l-aqwa ċentri Taljani ta' fama mondjali bħall m'huma L'Istituto Centrale per il Restauro u L'Istituto Centrale per la Patologia del Libro ta' Ruma. Hu maħsub li l-Istitut ta' l-istudji fir-Restawr sejjer jilqa' ġo fih madwar 120 student full-time, b'52 post li jkunu offruti kull sena għal dawk l-istudenti li jiġu minn ta' quddiem f'eżami tad-dħul li jsir apposta.
Ħafna mill-ispejjeż għat-tweqqif taċ-Ċentru Malti għar-Restawr kif ukoll ta' l-għalliema Taljani ser jiġu mħallsa mir-raba' Protocol Taljan. Għal aktar dettalji nista' nirreferi l-Onor. Membru għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Numru 7180 kif ukoll għall-avviżi li deheru fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar it-Tlieta 1 ta' Ġunju 1999.