Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonijiet — Servizzi Ingliżi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern rigward il-pensjoni ta' żewġ terzi fejn jirrigwardja lill-ex-ħaddiema tas-Servizzi Ingliżi u jekk hux se jkompli fuq dak li kien beda l-Gvern Laburista, voldieri li dawn jibdew jieħdu pensjoni ta' 2/3 u bl-ebda tnaqqis?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferu l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6278. 18.5.99

Servizzi soċjali — Home help

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, jiżdidilha l-ħin tal-home help peress li għandha 'l fuq minn 80 sena, tgħix waħidha u ma għandha support ta' ħadd?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-laqgħa tal-Bord tal-4 ta' Mejju, 1999, il-Bord approva żieda ta' sagħtejn (2) fil-ġimgħa għas-servizz ta' "Home Help" lil persuna li isimha ġie mogħti separatament. 18.5.99

Tarxien — Annetto Caruana Street

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li fi Block A, Flat 6, Annetto Caruana Street, Tarxien, isir lift peress li hemm omm żagħżugħa b'diżabilita' u huwa diffiċli li titla' t-taraġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Waqt li napprezza d-diffikulta' indikata mill-Onor. Interpellant, ninfurmak li f'dan l-istadju l-iskema ta' lifts b'bini tal-Gvern ser tkun limitata għall-bini tal-Gvern fil-Kottonera. Eventwalment madankollu, jekk din tirnexxi, hemm il-ħsieb li tkun estiża għall-kumplament tal-bini tal-Gvern imxerred madwar Malta inkluż Ħal-Tarxien. 18.5.99

Tarxien — Triq il-Ħaġar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li Block I, Bieb A, Triq il-Ħaġar, Tarxien, jitkompla x-xogħol ta' tikħil tal-faċċata ta' barra li kien ilu li beda u waqaf ħesrem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa. 18.5.99

Impjiegi — CSAs

Question

Minn Settembru, 1998 sal-lum, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw mill-ġdid għal CSAs f'Malta u kemm f'Għawdex? Kemm minnhom ġew impjegati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn Settembru 1998 sal-lum kien hemm 137 persuna li applikaw mill-ġdid bħala C.S.A.s f'Malta u Għawdex. Minnhom ġew impjegati 38 persuna. 17.5.99

Sptar San Vinċenz de Paule — Pazjenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna għaliex ir-residenti fl-SVPR dejjem jiġi ppreżentat lilhom l-istess ikel u qatt ma jkun hemm varjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6212, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' wieħed mill-menus. Il-menu jinħadem minn ġimgħa qabel u jkun hemm tibdil skond dawn il-kriterji. 1. Talbiet jew xewqat mill-pazjenti. 2. Skond l-istaġun tas-Sena, per eżempju ħaxix u frott fis-suq, ġelat fis-Sajf u trifle fix-Xitwa. 3. Ċertu ikel, eżempju pizza u braġoli, jinħadem fuq rotazzjoni kull ħmistax il-ġurnata. Tingħata importanza lill-ikel nutrittiv bħal laħam abjad, ħut, frott u ħaxix mgħolli. 17.5.99

Sptar San Vinċenz de Paule — Infermiera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk fir-residenza San Vincenz de Paule, fuq in-naħa tan-nisa, jeżistix nuqqas kbir ta' nurses u nursing aides? Jekk iva, x'qed jagħmel id-dipartiment biex din il-problema tissolva? Jista' jikkonferma wkoll li minħabba dan in-nuqqas ta' staff fuq il-female side qiegħed ikun hemm regolarment cancellation of leave?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa minnu li hemm nuqqas ta' 'nurses' u 'nursing aides' fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule. Biex tissolva din il-problema diġa' beda l-proċess ta' reklutaġġ f'dawn il-gradi. Barra minn hekk, persuni f'dawn il-gradi qegħdin jaħdmu s-sahra biex jagħmlu tajjeb għal dan in-nuqqas fil-complement ta' l-istaff. Qegħdin jiġu wkoll imħajjra jidħlu 'part-time' nurses biex tittaffa din il-problema. F'certu ċirkustanzi partikolari ġieli kien hemm il-ħtieġa li jsir 'Cancellation of leave'. 17.5.99

Sptar San Vinċenz de Paule — Sezzjoni tan-nisa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-agreement li sar taħt Gvern Laburista, bejn id-Dipartiment tal-Kura ta' l-Anzjani u l-unions (bejn Dr L Buhagiar - MUMN (nurses) & GWU (Nursing Aides)) fir-residenza San Vincenz de Paule fuq is-sezzjoni ta' l-irġiel li jirrigwarda l-istaffing levels hux se jiġi estiż ukoll fuq is-sezzjoni tan-nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proposta li l-"agreement" bejn id-Dipartiment ta' l-Anzjani u l-Unions fir-Residenza San Vinċenz de Paule jiġi estiż fuq is-sezzjoni tan-nisa qed tiġi studjata. 17.5.99

Sptar San Vinċenz de Paule — Cleaners

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li fl-SVPR hemm nuqqas kbir ta' cleaners bir-riżultat li hemm ambjent maħmuġ u telqa kbira? Jista' jgħidilna kemm f'xahar wieħed id-dipartiment ta' l-anzjani qed iħallas flus f'overtime fuq il-fattigi biss? Jista' jgħidilna xi pjanijiet għandu biex din il-problema tissolva? Għandu ppjanat li joħroġ call for applications għall-fattigi, jew jagħti kuntratt fuq it-tindif lill-privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule hemm nuqqas ta' 'cleaners', pero' ma jirriżultax li hemm la ambjent maħmuġ u lanqas telqa kbira. Għan-nuqqas fl-istaff complement f'dan il-grad, id-Dipartiment qed jonfoq f'sahra madwar Lm7,000 fix-xahar biex iżomm l-indafa. Il-possibilta' li x-xogħol ta' tindif jingħata lill-privat qegħda tiġi studjata. 17.5.99

Dipartiment fil-Kura ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna jekk id-Dipartiment fil-Kura ta' l-Anzjani għandux il-ħsieb li jagħmel courses lill-istaff bħala updating u follow-up biex b'hekk ikunu iktar mgħarrfa fuq ix-xogħol tagħhom ma' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani huwa kontinwament impenjat f'inizjattivi ta' taħriġ mhux biss għall-impjegati tiegħu iżda għal dawk kollha li jaħdmu jew għandhom interess fil-qasam ta' l-anzjani. F'dan l-isfond, id-Dipartiment: 1. Jisponsorja numru ta' impjegati kull sena biex jipparteċipaw fil-korsijiet internazzjonali mnehdija mill-Istitut Internazzjonali fuq l-Anzjani tal-Ġnus Magħquda. 2. Jikkordina mal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' korsijiet għall-'carers' f'diversi livelli. 3. Joffri l-għajnuna tiegħu lill-Ministeru għall-Għawdex sabiex jitwettqu inizjattivi tat-taħriġ f'Għawdex ukoll. Inizjattiva ġdida għal din is-sena huwa it-taħriġ fil-'Customer Care' illi permezz tiegħu l-impjegati ta' dan id-Dipartiment jiġu megħjuna jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tal-klijenti u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar. 17.5.99

Sptar San Vinċenz de Paule — Dining room

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex is-servizz fid-dining room il-ġdida ta' l-istaff dejjem sejjer lura u kif l-awtoritajiet tar-residenza San Vincenz de Paule qatt ma sabu kaptu ta' dan? Għaliex fil-kollazzjon (breakfast) qatt ma jkun hemm varjeta' fl-ikel? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna kemm mill-ħaddiema kollha fir-residenza San Vincenz huma ntitolati li jieklu fid-dining room u kemm fil-fatt qed jattendu ħaddiema f'din l-istess dining room għall-kollazzjon kif ukoll għall-ikel ta' nofs inhar? Għaliex l-ikel f'ċertu okkażjonijiet ma jserviex għal kulħadd?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-servizz fid-"dining room" l-ġdida ta' l-istaff mhux veru sejjer lura. Anzi wieħed irid jgħid illi mindu nfetħet id-"dining room", in-numru ta' Staff li jmorru jieklu żdied sostanzjalment. Dan huwa dovut għall-ambjent aħjar, kif ukoll għal miljorament fil-kwalita' u preżentazzjoni tal-ikel. Dana qed jgħiduh l-impjegati stess. Rigward il-kolazzjon (breakfast), minbarra bajd, corned beef, ġobon u perżut, dan l-aħħar ġie ntrodott ukoll cereal u toast. B'hekk il-varjeta hija għal gosti ta' kullħadd. Fir-Residenza ta' San Vinċenz hemm madwar 400 impjegati li huma ntitolati għall-ikel. Dawn jaħdmu fuq "shift" u għalhekk jattendu 150 ħaddiema kuljum. Darba biss kien hemm okkażjoni fejn l-ikel ma servix. Dan kien ross il-forn u ġara hekk għax forsi dak in-nhar tqassam f'porzjonijiet ikbar mis-soltu; immedjatament ġie servut ikel alternattiv għal kuntentizza ta' kulħadd. 17.5.99

Akkomodazzjoni Soċjali — Allokazzjoni ta' djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew allokati appartamenti u djar tal-gvern f'postijiet f'Malta u f'Għawdex, sena b'sena mill-1987 'l hawn? Liema huma dawn l-appartamenti u djar tal-gvern li ġew allokati? Kemm kienet il-kera sussidjata li tħallset jew li qed titħallas fuq kull appartament u dar tal-gvern allokati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 3703 post fil-perjodu indikat kif muri sena b'sena hawn taħt. Dawn kienu il-postijiet li tbattlu u kienu madwar Malta u Għawdex. Uħud minnhom kienu allokati iżjed minn darba fl-istess perjodu. Il-kirjiet kummerċjali ta' dawn il-postijiet kienu regolati skond l-Avviż tal-Gvern numru 202 tat-13 ta' Marzu 1987. Dawn jiġu ssussidjati skond id-dħul tal-inkwilini kif hemm stipulat fl-istess Avviż. 1987 (minn Lulju) 217 1988 338 1989 374 1990 353 1991 428 1992 227 1993 362 1994 330 1995 228 1996 223 1997 238 1998 312 1999 73 17.5.99

Sptar San Vinċenz de Paule — Uniformijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex in-nurses fl-SVPR għadhom ma ngħatitilhomx l-uniformi l-ġdida meta din ġiet mogħtija lid-Dipartiment tas-Saħħa f'Awissu ta' l-1998 u meta l-maġġoranza tan-nurses fl-Isptar San Luqa ġew mogħtija waħda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kważi n-Nurses kollha f'San Vinċenz ġew fornuti bl-uniformi l-ġdida. Pero hemm numru żgħir ħafna li għadhom ma ġewx fornuti bl-uniformi l-ġdida, peress li qisien tagħhom huwa "out of stock". Qed jittieħdu passi sabiex dan in-numru żgħir ta' impjegati jkollhom l-uniformi l-ġdida f'qasir żmien. 17.5.99

Sptar San Vinċenz de Paule — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħidilna għaliex il-ħaddiema fir-residenza San Vincenz de Paule mhux qed jingħataw tagħrif eżatt rigward vacation leave u time-off-in-lieu tagħhom minn naħa tal-personnel meta dan it-tagħrif huwa dritt sagrosant tal-ħaddiema? Għaliex meta xi darba dan jingħata jkun tagħrif ta' xi erba' xhur b'lura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa d-dover ta' kull impjegat li jieħu nota tal-'vacation leave' u 'time off' li jkun ħa. Meta jkollu xi dubju għandu jiċċekkja mal-'Personnel Section' tad-Dipartiment tiegħu. Fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule reċentement instab li kien hemm impjegati li ħadu eċċess ta' 'vacation leave' matul l-1998 u għalhekk saret verifika tas-sistema li tintuża sabiex jiġi aprovat il-'vacation leave' u anke t-'time off'. Ir-rakkomandazzjonijiet ta' din il-verifika se jiġu attwati dalwaqt u b'din is-sistema ġdida m'għandux jiġri li ġara fl-1998. B'hekk ukoll ir-rekords tal-'Personnel Section' tar-Residenza ta' San Vinċenz de Paule ikunu aktar aġġornati. 17.5.99

Impjiegi — Bdiewa - Użu ta' kimika

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6122 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid jekk qatt sarux health impact assessments rigward l-effett li tħalli l-kimika f'bexx, eċċ fuq saħħet il-bdiewa li japplikaw sabiex ikabbru l-uċuħ tagħhom? Meta saru u x'kienu r-riżultati? Jekk ma sarux, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jsiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qabel kimika li tkun ser tintuża għal bexx tiġi mpurtata, l-importatur irid japplika lill-"Pesticides Advisory Board" tad-Dipartiment tal- Agrikoltura u jagħtih tagħrif sħiħ dwar il-kimika, inkluż tagħrif tossicoloġiku, biex issir l-evalwazzjoni neċessarja. Iktar informazzjoni dwar l-operat tal-"Pesticides Advisory Board" tista' tingħata mill-Ministeru konċernat. Jekk l-importazzjoni tal-kimika in kwestjoni tiġi approvata mid-Direttur tal-Biedja, l-importatur irid jipprokura l-approvazzjoni tat-Taqsima tal-Ħarsien tas-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħol. Din it-Taqsima tista' timponi kundizzjonijiet ulterjuri dwar l-importazzjoni u l-użu tal-kimika wara li titlob aktar informazzjoni, fosthom "Material Safety Data Sheet". Huwa obbligu ta' min iħaddem jew li jaħdem għal rasu li jidentifika l-perikli għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol tiegħu u li jieħu l-miżuri kollha biex dawn jiġu eliminati jew imnaqqsa. Għaldaqstant hija r-responsabbilita' ta' min juża jew iġiegħel li tintuża kimika fuq il-post tax-xogħol li jieħu l-miżuri neċessarji. It-taqsima tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħol regolarment tagħmel eżamijiet mediċi fuq il-ħaddiema ta' Dipartimenti tal-Gvern u ta' xi ażjendi privati li x-xogħol tagħhom jesponihom għal kuntatt regolari ma' bexx b'konsegwenza ta' riskju ogħla għas-saħħa. L-Onor. Interpellant japprezza li riżultati ta' eżamijiet mediċi huma kunfidenzjali. 17.5.99

Impjiegi — Bdiewa li jiggassjaw l-uċuħ tar-raba

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6121 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid jekk qatt sarux health impact assessments rigward saħħet il-ħaddiema li jiggasjaw l-uċuħ tar-raba? Jekk iva, x'kienu r-riżultati? Jekk le, jista' jikkonsidra li jsiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm diversi kimiċi li jistgħu jintużaw biex jiggassjaw l-uċuħ tar-raba. Il-kontrolli kemm fuq kimika relatata mal-biedja, kif ukoll fuq s-saħħa ta' ħaddiema li jistgħu ikunu nvoluti f'dan ix-xogħol ġew esposti fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6750. 17.5.99

NEA — Bord

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Bord ta' l-NEA dam daqshekk wieqaf? Jista' jgħid meta se jiġi mwaqqaf dan il-Bord?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħatra tal-membri tal-Bord ta' l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol, bl-eċċezzjoni ta' membru indipendenti wieħed, skadiet għall-aħħar ta' Jannar ta' din is-sena u għalhekk il-Bord ma setax jiltaqa'. Wara li saret il-konsultazzjoni meħtieġa mar-rappreżentanti ta' min iħaddem u mal-'Unions' kif ukoll wara li ġew avviċinati persuni dwar il-possibilta' li jinħatru bħala membri indipendenti, saru r-rakkomandazzjonijiet neċessarji u għalhekk nittama li l-Bord ikun jista' jinħatar dalwaqt. 17.5.99

Impjiegi — Ħaddiema bis-sensja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema ingħataw is-sensja dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jagħti l-informazzjoni maqsuma f'nisa u rġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ammont ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja f'dawn l-aħħar sitt xhur huwa kif ġej:- XHUR NISA RĠIEL TOTAL Ottubru 1998 31 150 181 Novembru 1998 34 152 186 Diċembru 1998 38 119 157 Jannar 1999 60 188 248 Frar 1999 31 146 177 Marzu 1999 28 214 242 17.5.99

Pensjoni — Pensjoni tas-Servizzi Ingliżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed nibgħathom separatament, hijiex intitolata sabiex il-pensjoni tagħha tkun aġġustata minħabba l-emenda fil-liġi dwar pensjonanti tas-Servizzi Ingliżi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar il-pensjoni tagħha wara li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa. 17.5.99