Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7905 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jikkonsidra li jressaq emendi fl-Att ta' l-Edukazzjoni biex ibiddel il-klawsola li tgħid "a person shall qualify for a permanent warrant if he is a citizen of Malta" biex hekk persuni ta' nazzjonalita' oħra jkunu jistgħu jingħataw permanent warrant biex jgħallmu f'pajjiżna? Din il-bidla qed issir biex pajjiżna jaderixxi għar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea biex membri tal-UE jkunu jistgħu jgħallmu f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwistjoni ta' l-UE m'għandha x'taqsam xejn. Qed nikkunsidra talba li issa ilha ssir lil diversi amministrazzjonijiet minn nisa ta' ċittadinanza barranija miżżewġin Maltin li issa ilhom snin jgħallmu fl-iskejjel Maltin a' bazi ta' Warrant temporanju u li qed jitolbu li jkollhom Warrant permanenti. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra li rċevejt fuq is-suġġett u tat-tweġiba mis-Segretarjat tiegħi.
Leg 9 PQ #7929 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Degrees Honoris Causa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-total tan-numru ta' Degrees Honoris Causa mogħtija mill-Universita' ta' Malta lil persuni barranin f'dawn l-aħħar għaxar snin? Min kienu l-persuni li rċevew dawn l-unuri? Kien hemm xi Maltin li rċevew l-istess unur fl-aħħar għaxar snin u jekk iva, min kienu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Total tan-Numru ta' Degrees Honoris Causa mgħotija lil persuni barranin f'dawn l-aħħar għaxar snin kien ta' 17. Dawn ingħataw lil:- Sir Shridath Surendranath Rampmal 21/07/89 Mme. Catherine Lalumiere 01/11/89 H.E. Dr Richard von Weizsacker 23/10/90 H.E. Prof. Francesco Cossiga 18/09/91 Rev. Br. Hilary A. Clews 06/11/92 Sr. Mary McCallum 06/11/92 Prof. Sir Ralf Dahrendorf 06/11/92 Prof. Paul P. Steeten 06/11/92 Fra Andrew Bertie 20/03/93 H.E. William O'Neil 22/11/93 H.E. Juan Antonio Samaranch 22/11/93 Prof Antonio Zichichi 22/11/93 H.E. Dr. Mario Soares 10/10/94 Dr Joe Erik Asvall 15/12/95 H.E. Dr. Federico Mayor 05/01/96 Ing. Pasquale Pistorio 15/04/96 Sgna. Chiara Lubich 26/02/99 F'dawn l-aħħar għaxar snin ingħataw ukoll grad Honoris Causa lil 11-il persuna Maltija kif ġej: Prof. F. Vella 14/12/89 H.E. Dr C. Tabone 14/12/89 Hon. Dr E. Fenech Adami 06/11/92 Prof. George P. Xuereb 06/11/92 Mr J. Cassar Pullicino 20/03/93 Mr L. Ellul 20/03/93 Prof. E.J. Borġ Costanzi 20/03/93 Dr George Żammit Maempel 22/11/93 Prof. G. Żarb 15/12/95 Judge Maurice Caruana Curran 15/12/95 H.E. Dr Ugo Mifsud Bonniċi 05/01/96
Leg 9 PQ #8013 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dar il-Mediterran għal Konferenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-ftehim proġettat ma' l-Accord li jieħdu f'idejhom Dar il-Mediterran għal Konferenzi li kien rieda Gvern Laburista biex din tieqaf finanzjarjament fuq saqajha? Kemm hemm ħaddiema bħalissa mal-MCC? X'inhuma l-pjanijiet dwar dawn il-ħaddiema? Kemm kien hemm telf/profitt mill-MCC sena b'sena mill-1994 sa l-1998, it-tnejn inklużi?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 5820 ta' l-istess Onor. Membru.
Leg 9 PQ #7774 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birgu — Auberge d'Angleterre - Kotba bil-Ġermaniż

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Ġermaniża nxtraw tul dawn l-aħħar ħames snin għal-libreriji pubbliċi u kemm minn dawn intbagħtu lil-librerija reġjonali ta' l-Auberge d'Angleterre fil-Birgu?

Response (GALEA, LOUIS)

Matul l-aħħar ħames snin inxtraw 460 ktieb bl-ilsien Ġermaniż għall-libreriji pubbliċi. Minn dawn, 20 ktieb intbagħtu fil-librerija reġjonali ta' l-Auberge D'Angleterre fil-Birgu.
Leg 9 PQ #7793 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Internet — Ċentri ta' aċċess

Question

Fil-pjan li hemm li jitwaqqfu ċentri ta' aċċess għall-Internet biex ikun implimentat is-Servizz Universali għall-komunita' jista' jiġi kkonsidrat li dawn iċ-ċentri jkunu fil-bini tal-Kunsilli Lokali? Sa meta huwa ppjanat li dawn iċ-ċentri jkunu bdew joperaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-pjanijiet li qegħdin jitħejjew biex ikunu mwaqqfa ċentri ta' aċċess għall-Internet biex ikun implimentat is-Servizz Universali għall-komunita` hu maħsub li jintużaw l-iskejjel, il-libreriji fl-iskejjel, libreriji reġjonali u l-bini tal-Kunsilli Lokali skond il-faċilitajiet li jeżistu jew li huma ppjanati fil-lokal. L-ewwel fażi ta' dan il-proġett hi maħsuba li tiġi mibdija f'Lulju permezz ta' 'proġett pilota' f'lokalita` waħda, bi tħejjija għall-ftuħ ta' l-ewwel ċentru f'Settembru 1999. Il-pilot project għandu jiżdied għal żewġ lokalitajiet sa Novembru 1999. Qiegħda tingħata mportanza kbira lill-parteċipazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Minbarra taħdidiet u tħejjija mad-Direttorat tal-Kunsilli Lokali, ta' min isemmi li matul l-ewwel fażi tal-proġett, f'Novembru 1999, sejra ssir l-ewwel Konferenza Ewropeja fuq is-Servizz Universali fil-Komunita` organizzata f'Malta mill-Kunisll ta' l-Ewropa flimkien mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Hu maħsub li l-Kunsilli Lokali ta' Malta kollha sejrin jiġu mistiedna jibgħatu rappreżentant għal din il-konferenza.
Leg 9 PQ #7814 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Biennale di Venezia — Artisti Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intagħżlu artisti lokali għall-Biennale di Venezia ta' din is-sena? Min intgħażel? Min għażilhom? Liema artisti ġew ikkonsidrati? Fuq liema kriterji? Liema artisti saritilhom żjara fl-istudios tagħhom? Kemm ġiet tiswa l-parteċipazzjoni Maltija fil-Biennale? Jista' l-Ministru jgħid x'kien is-sehem tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament f'din il-parteċipazzjoni Maltija tal-Biennale?

Response (GALEA, LOUIS)

Wara li l-Ministeru ġie nfurmat, f'Marzu 1999, mill-Mużew ta' l-Arti, li għall-edizzjoni tal-Biennale di Venezia ta' din is-sena saru arranġamenti ġodda biex il-Pajjiżi żgħar ukoll ikunu jistgħu jipparteċipaw, il-Mużew ġie awtorizzat javża lid-Direzzjoni tal-Biennale li Malta ser tieħu sehem. Ġie nominat Kumitat magħmul mid-Direttur tad-Dipartiment tal-Mużewijiet, mill-Kuratur u Assistent Kuratur tal-Mużew ta' l-Arti, minn Profs. Kenneth Wain u l-Profs. Peter Serracino Inglott biex issir l-għażla li kellha tirrapreżenta lil Malta fil-Biennale di Venezia. Il-Kumitat iddeċieda li l-għażla artistika għandha tkun ta' karattru post-modern biex tikkonforma mal-karattru li din il-Biennale kellha matul l-aħħar snin, u biex l-anqas ma jinħoloq distakk kreattiv li forsi jirrifletti negattivament fuq l-arti kontemporanja Maltija. Għal dan l-iskop saret short-list ta' artisti Maltin li, fl-opinjoni tal-Kumitat, kellhom potenzjal li jipproduċu arti post-moderna u li kienet tinkludi xogħlijiet ta' Gabriel Caruana, Pawlu Carbonaro, Alfred Chircop, Raphael Vella, Marco Cremona, Austin Camilleri, Norbert Attard, Pierre Portelli, Vince Briffa u Ray Pitre'. Wara visti fl-istudji ta' dawn l-artisti, ġew magħżula tlett proġetti li kellhom il-karattru meħtieġ. Dawn kienu żewġ skulturi ta' l-azzar ta' Ray Pitre' u żewġ video-presentations ta' Vince Briffa u Norbert Attard li intbgħatu Venezja fit-22 ta' Mejju 1999. L-ispiża għal -parteċipazzjoni f'dan il-Biennale prestiġjuż hi stmata li titla għal xi Lm26,000 li tinkludi l-kiri ta' l-art għall-paviljun Malti bir-rata ta' ftit aktar minn Lm2,000 kull xahar - il-Biennale iddum ħames xhur. Hu magħruf li mijiet ta' eluf iżuru din il-wirja Il-persuna li isimha intbgħat separatament mal-Mistoqsija ma kellha ebda sehem fil-parteċipazzjoni Maltija tal-Biennale ta' Venezja.
Leg 9 PQ #7866 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7327, jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet biex fil-vaganzi tas-sajf jintużaw l-faċilitajiet sportivi ta' l-iskejjel? F'liema lokalitajiet? Minn min saru? It-talbiet ġew aċċettati? Meta għaqda tingħata permess biex tuża l-faċilitajiet sportivi waqt il-vaganzi jew wara l-ħin normali ta' l-iskola min jkun responsabbli biex jiġi żgurat ma ssirx ħsara?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull talba biex tintuża skola sew waqt is-sena skolastika kif ukoll fis-sajf tiġi magħmula direttament lill-kunsill ta' l-iskola. Il-Kunsill jiddeċiedi jekk jgħatix permess u l-kundizzjonijiet kollha. Kien hemm talba waħda biex jintużaw il-faċilitajiet sportivi ta' l-Iskejjel Speċjali. Din saret mill-Imsida St Joseph F.C. biex jiġġeddilhom il-permess biex jużaw il-'football pitch' li hemm f'Mater Dei' School, Msida. Inzerta li f'din l-Iskola hemm għassies pero` l-Club għandu ftehim mal-Kap ta' l-Iskola li huma jridu jżommu l-faċilitajiet f'kundizzjoni tajba kif isibuhom. It-talbiet li saru għall-użu ta' faċilitajiet sportivi ta' l-Istituzzjonijiet Post Sekondarji matul il-vaganzi tas-Sajf huma dawn: Skola Nawtika 1. Viking Sailing Club 2. Malta Canoe Club It-talbiet ta' dawn iż-żewġ clubs hi għall-użu tal-moll ta' l-iskola. F'dawn il-każi r-responsabilita` qiegħda f'idejn il-'Commodore'. Skola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi 1. Skola Sport (ġinnastika) 2. Keep fit għall-ġenituri 3. Malta Volleyball Association 4. Kerygma (Volleyball) 5. Malta Karate Association Dawn it-talbiet intlaqgħu kollha. Saret talba oħra mill-MFA, iżda din l-assoċjazzjoni ma aċċettatx il-kundizzjonijiet. F'dawn il-każi, hemm leaders li jieħdu ħsieb li ma ssirx ħsara. L-iskola minn naħa tagħha, tinkariga uffiċċjal li jkun responsabbli biex jiftaħ, jagħlaq u jnaddaf il-lokal wara l-attivita`.
Leg 9 PQ #7867 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa maħsub li se jispiċċaw żgħażagħ mill-iskejjel fl-aħħar ta' din is-sena skolastika għaliex laħqu l-eta' ta' 16-il sena? Jista' jagħti l-figuri għall-iskejjel ta' l-Istat, privat u tal-Knisja separatament? Kemm minnhom huma bniet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa l-aħħar tas-sena skolastika 1998-1999, ser jispiċċaw l-iskola dawn l-istudenti: Skejjel ta' l-Istat - 1985 (irġiel) 2141 (nisa) Skejjel tal-Knisja - 770 (irġiel) 563 (nisa) Skejjel Indipendenti - 927 (irġiel) 689 (nisa)
Leg 9 PQ #7868 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

VAT — Dħul

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni kien hemm bejn il-Ministeru tiegħek u dak tal-finanzi dwar l-impożizzjoni tat-taxxa tal-VAT fuq id-dħul għal attivitajiet sportivi? Kif tista' tirrikonċilja l-fatt li l-Ministeru tiegħek qed jgħid li jrid jkompli jkabbar u jiżviluppa d-diversi dixxiplini sportivi u issa ttieħdet din id-deċiżjoni? Kien hemm xi għaqdiet li talbu xi laqgħa miegħek jew mas-Segretarju Parlamentari jew li kitbu dwar l-effett li deċiżjoni bħal din se jkollha fuq l-iżvilupp fl-isports?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Segretarju Palramentari kellu laqgħat mal-Ministru tal-Finanzi fejn ġie stabbilit li t-taxxa tal-VAT fuq il-biljetti tad-dħul għal attivitajiet sportivi għandha tiġi meqjusa l-istess bħal dik għal attivitajiet oħra rikrejattivi. Naturalment dan jagħti lok għal rifuzjoni ta' VAT fuq spejjeż kif applikabbli fil-liġi. Kien hemm xi għaqdiet li fil-laqgħat tagħhom mas-Segretarju Parlamentari tkellmu dwar it-taxxi u l-isport.
Leg 9 PQ #7877 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bordijiet governattivi — Membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' nies u l-persentaġġi ta' rġiel u nisa li huma membri f'bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7914 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet storiċi

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet preċedenti tiegħi sabiex ikun ikkonsidrat li l-mużewijiet storiċi jibdew jinfetħu fil-għaxija, jista' l-Ministru jinformani bil-konsultazzjonijiet li saru s'issa dwar dan il-ħsieb?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ma laħaqx intbagħat mid-Dipartiment konċernat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #8009 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 5763 dwar delegazzjonijiet mill-Ministeru tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Ottubru 1998 sal-15 ta' Marzu 1999 saru 3 żjarat f'pajjiżi barra minn Malta mill-Ministeru. Id-delegazzjonijiet kienu magħmulin kif ġej: 1. Mill-Onor. Louis Galea, li saret fi Granada, Spanja,fuq stedina ta' l-Aga Khan Award għall-Arkitettura u li l-ispiża tagħha kienet ta' Lm474.02. 2. Mill-Onor. Louis Galea, is-Sinjuri Charles Xuereb, Rev. Prof. Saviour Chircop u Frank Mifsud li saret f'Londra fuq żjara lill-British Broadcasting Corporation, British Council u awtoritajiet edukattivi u li swiet Lm900.87. 3. Mill-Onor. Louis Galea, is-Sinjuri Charles Mizzi, il-Prof. Juanito Camilleri u Albert Callus u li saret għall-Konferenza għall-Ministri minn pajjiżi Ewropej u Mediterranji ta' l-Edukazzjoni li ġiet tiswa Lm1361.45. Fl-istess perjodu ta' żmien kien hemm żewġ delegazzjonijiet mis-Segretarju Parlamentari u tnax mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport li żaru pajjiżi barra minn Malta. Id-dettalji tagħhom ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.(Dok.A) Ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra skeda ta' bursaries u konferenzi li għalihom attendew parteċipanti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni - skeda li turi l-isem tal-parteċipant, il-pajjiż fejn saret il-visita, l-iskop tal-visita u l-ispejjeż involuti.(Dok.B) Rigward id-Dipartiment tal-Kultura, minn Ottubru 1998 sal-15 ta' Marzu 1999 kien hemm żjarat barra minn Malta kif ġej: Delegazzjoni komposta mid-Direttur tal-Kultura li żaret il-Kunsill ta' l-Ewropa fuq laqgħa tal-Kumitat Kulturali bejn l-14 u s-16 t'Ottubru. L-ispiża kienet koperta mill-Kunsill ta' l-Ewropa. Rigward id-diversi Kumitati li jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Kultura kien hemm dawn iż-żjarat: Delegazzjoni komposta minn Gaetano Abela, Chairman u Robert Cefai, Segretarju tal-Kumitat tal-Kanzunetta Maltija li attendew il-FIDOF General Meeting u MIDEM'99, bejn il-25 u 28 ta' Jannar 1999 bi spiża ta' Lm785. Delegazzjoni komposta minn Anton Miceli, is-Segretarju tal-Kumitat tal-Karnival, Ritienne Balzan, ir-Reġina tal-Karnival u Norman Hill, ir-rebbiieħ tal-Karru tal-Karnival li żaru Viareggo bejn id-19 u t-23 ta' Frar 1999 bi spiża ta' Lm334.50. Żjara l-Ġermanja in konnessjoni mal-Kanzunetta għall-Ewropa komposta minn Chris Scicluna, il-kompożitur, Diane Stafrace, Philippa Farrugia Randon, u Francesca Tabone, il-Grupp rebbieħ, u Robert Cefai, is-Segretarju tal-Kumitat bejn is-26 ta' Frar u l-1 ta' Marzu 1999 bi spiża ta' Lm808. Lista ta' Delegazzjonijiet mid-Dipartiment tal-Mużewijiet ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. (Dok.C). Infurmat ukoll li ma saret ebda delegazzjoni la mid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji u lanqas mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet.
Leg 9 PQ #7277 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Istitut vokazzjonali — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett ta' l-istitut vokazzjonali li mistenni jkun ta' alternattiva għall-Universita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed isir xogħol biex jitlesta rapport dwar it-twaqqif tal-Kulleġġ Malti tat-Teknoloġija, Arti u Xjenza Applikata.
Leg 9 PQ #7278 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Edukazzjoni inklussiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'politika għandu l-gvern dwar l-edukazzjoni inklussiva, jiġifieri hux se jżomm l-istreaming biex iwaqqfu fid-diversi livelli ta' l-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dan l-istadju mhux kontemplat li jitwaqqaf l-istreaming b'riżultat tad-dħul ta' l-edukazzjoni inklussiva f'xi livell ta' l-edukazzjoni.
Leg 9 PQ #7291 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda jimla' l-postijiet vakanti ta' kapijiet f'għadd ġmielu ta' skejjel statali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa m'hemm ebda assistent kap jistenna li jilħaq kap għax il-lista ta' applikanti li għaddew b'suċċess mill-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet, ġew appuntati kollha. Bħalissa hemm sejħa għall-applikazzjoni għal kap ta' skola li għalqet fit-28 ta' Mejju 1999.
Leg 9 PQ #7292 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Furtu Selvatico

Question

Jista' l-Ministru jserraħ ras il-ġenituri ta' l-iskola tas-subien Furtu Selvatico dwar jekk din l-iskola hijiex se tagħlaq jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

S'issa ħadd ma tani parir biex din l-iskola tagħlaq.
Leg 9 PQ #7308 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assistenti kapijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadu ma bediex jibgħat għall-kandidati għall-ħatra ta' assistenti kapijiet ta' l-iskejjel meta għoddu ntemm ix-xahar ta' Mejju li fih kien intrabat li jibgħat għall-kandidati?

Response (GALEA, LOUIS)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-interviews li jridu jsiru għall-għażla ta' assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji. Jekk inhu hekk, informat li l-intervisti bdew, kif programmat, fix-xahar ta' Mejju, i.e. fil-31 ta' Mejju 1999.
Leg 9 PQ #7643 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Players lokali tas-snooker — Appoġġ finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-players lokali tas-snooker, Alex Borg u Ġużi Grech, jingħataw appoġġ finanzjarju bħalma jingħataw sportivi oħra anke jekk dawn ta' l-aħħar ma jaqtgħux figura tajba f'kompetizzjonijiet internazzjonali bħalma jaqtgħu Borg u Grech?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Malta Billiards and Snooker Association ibbenefikat minn għotjiet finanzjarji sostanzjali f'Awissu u Ottubru 1998 u Marzu 1999. Dawn l-għotjiet saru in konnessjoni ma' parteċipazzjoni f'tournaments internazzjonali barra minn Malta. Wieħed jassumi li l-isportivi li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ibbenefikaw ukoll minn dawn l-għotjiet. Ta' min jgħid ukoll li meta s-Segretarjat irċeiva talbiet individwali għal għajnuna finanzjarja dawn ġew ikkunsidrati fuq il-meritu tagħhom kif sar fil-każ tas-Sur Alex Borġ li ħa għotja ta' Lm500 f'Settembru 1998.
Leg 9 PQ #7821 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti b'ċertifikati akkademiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellhom ċertifikati akkademiċi fis-suġġetti ta' livell ordinarju maqsuma fi grupp (eż. 10% tat-tfal kellhom 4 "O" levels, 15% tat-tfal kellhom 6 "O" levels etc, etc) dawk it-tfal li spiċċaw mill-iskejjel rispettivi tagħhom ta' 16-il sena, sena b'sena għal dawn l-aħħar 5 snin? Matul dawn l-aħħar 20 sena, x'persentaġġ ta' tfal komplew għal edukazzjoni terzjarja kif maħruġa mill-istatistiċi edukattivi li jiġu ppubblikati kull sena? Tista' din l-informazzjoni tingħata sena b'sena u kemm minnhom kienu subien/bniet?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7827 Sitting 125 1999-06-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministru ta' l-Edukazzjoni — Programm Elettorali Nru. 75

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk u meta se jwettaq il-wiegħda tiegħu fil-Programm Elettorali Nru. 75 page 11?

Response (GALEA, LOUIS)

Hija waħda mill-proposti li ser naħdem fuqha is-sena d-dieħla.