Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali — Home help

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, jingħata l-home help minħabba problemi ta' mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-applikazzjoni għal "Home Help" tal-persuna indikata waslet fid-Dipartiment fil-5 ta' Mejju 1999. Jidher li din il-persuna għandha biss 51 sena u skond ir-rapport mediku hija indipendenti. Wara li jsir ir-rapport tas-"Social Worker" tittieħed deċiżjoni finali dwar dan il-każ. 19.5.99

Pensjoni — Pensjoni tal-wens

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5431 dwar il-pensjoni tal-wens, ma jidhirlux il-Ministru li l-kwalifiki għal din il-pensjoni huma diskriminatorji kontra persuni miżżewġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

WL-Onor. Interpellant irreferiet għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5431 li r-risposta tagħha hija ċara biżżejjed għaliex din l-għajnuna tingħata lil min tingħata. Persuni miżżewġa irċievu benefiċċji oħra relatati mar-responsabbilitajiet tagħhom lejn il-familja. L-argument li l-kwalifiki għal Pensjoni tal-Wens huma diskriminatorji kontra persuni miżżewġa ma jreġġix għaliex dawn ikollhom doveri oħra x'jaqdu, lejn il-familja tagħhom. Wieħed ma jridx jinsa wkoll, li l-kwalifika għal din il-Pensjoni hija suġġetta għat-test tal-mezzi. 19.5.99

Programmi edukattivi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5432 dwar programmi edukattivi għall-ġenituri f'parental skills, etc, ma jidhirlux il-Ministru li għalkemm dipartimenti u aġenziji tal-gvern qed jieħdu ċertu inizjattivi f'dan il-qasam, dawn huma marbutin biss ma' każijiet partikolari u mhux bħala parti minn proċess ongoing b'mira preventiva? Jista' l-Ministru jgħid hemmx pjani biex jiġu żviluppati ħidmiet b'dan il-għan? Meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-inizjattivi li dwarhom kont tajt rendikont fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 5432 fil-fatt mhux dejjem ikunu marbutin ma każijiet partikolari. Per eżempju, il-programmi ta' "Parental Skills" li torganiżża l-Aġenzija Sedqa, bl-isem "Inrabbu 'l-Uliedna Aħjar" ma jsirux biss għal każi partikulari, iżda jilħqu firxa ferm usa' tas-soċjeta' Maltija. Dawn il-programmi jsiru għall-ġenituri, fl-iskejjel, fil-Kunsilli Lokali, fl-Aġenzija Sedqa stess u f'postijiet oħra fejn jiġu mitluba. S'issa, attendew madwar 3,000 ġenitur, għal dawn il-korsijiet. Programmi oħra simili, saru wkoll fuq żewġ stazzjonijiet tar-radju, fejn l-udjenza kienet ferm aktar wiesa'. L-għan ewlieni ta' dawn il-programmi huwa l-prevenzjoni, iżda jingħata wkoll tagħrif lill-ġenituri ta' kif jgħinu lil uliedhom, f'każ li dawn imissu mal-problema tad-droga w l-alkolħol. B'danakollu, naqbel mas-suġġeriment ta' l-Onor. Membru li hemm bżonn li nilħqu firxa akbar ta' ġenituri, b'dawn it-tip ta' programmi. Sabiex dan isir, naturalment ikun jinħtieġ aktar riżorsi, partikolarment riżorsi umani. Jidher ukoll li, f'dan il-kuntest, hemm bżonn ta' aktar ko-ordinazzjoni mhux biss fis-settur pubbliku iżda anki fil-qasam tal-volontarjat. 19.5.99

Djar — Akkomodazzjonijiet soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' dawk il-persuni li ġew mogħtija postijiet bħala akkomodazzjoni soċjali mill-elezzjoni ġenerali tal-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji ta' fejn kienu joqogħdu, fejn ġew mogħtija l-allokazzjoni, il-kriterji u l-punti li ntużaw biex ġew mogħtija prijorita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-5 ta' Settembru 1998 id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 115 il-post fil-lokalitajiet kif murija fit-Tabella A. Dawn ġew allokati lill-persuni mill-lokalitajiet kif muri fit-Tabella B. Il-kriterji li ntużaw huma l-istess kriterji li d-Dipartiment ilu juża għal dawn l-aħħar tnax il-sena. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A u Tabella B imsemmija hawn fuq. 19.5.99

Ċentru Ħidma Soċjali — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda maċ-Ċentru Ħidma Soċjali mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall- imsemmi mpjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-1 ta' Jannar 1999, sas-26 ta' April 1999 fid-Dipartiment Ħarsien tal-Familja ma daħlu l-ebda impjegati ħaddiema ġodda. 19.5.99

Sigurta' Soċjali — CSA's

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda bħala CSA mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-1 ta' Jannar sas-26 t'April, 1999 daħlu 26 CSA's ġodda. Applikazzjoni ufficjali kienet ħarġet waħda biss, fl-1990. Applikazzjonijiet baqgħu jiġu aċċettati matul is-snin ta' wara. L-Applikazzjonijiet ta' dawk li ġew ingaġġati kienu magħmula hekk: 1997 5 1998 15 1999 6 TOTAL 26

ETC — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ETC mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 ġew impjegati tnax (12) il-persuna fil-grad ta' skrivani. Dawn l-ingaġġi saru wara li ġew intervistati persuni li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol. Dawn il-persuni kienu ġew magħżula skond il-prijorita' tar-reġistrazzjoni. 19.5.99

Sedqa — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Aġenzija Sedqa mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn l-1 ta' Jannar, 1999 u s-26 ta' Apri, 1999, l-Aġenzija Sedqa: 1. Impjegat 2 ħaddiema ġodda; 2. L-applikazzjonijiet għal dawn l-impiegi, ħarġu fi Frar u Marzu, 1999; 3. Ma kien hemm l-ebda mpieg ġdid mingħajr applikazzjoni. 19.5.99

Furjana — Triq Sant Anna

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsiru lifts fl-appartmaenti (flats) Fi Triq Sant'Anna ġewwa l-Furjana minħabba li l-maġġoranza tar-residenti huma anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fi ftit ta' ġranet oħra ser tiġi imħabbra l-Iskema għall-installar ta' "lifts' fi blokki tal-Gvern. Ir-residenti ta' dawn il-blokki jkunu jistgħu japplikaw. 19.5.99

Mellieħa — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinfetaħ dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa? Jekk iva, kemm hemm anzjani fil-waiting list minn dik l-area?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iva, qiegħed jiġi ppjanat li għandha tinfetaħ Dar ta' l-Anzjani fil-Mellieħa. In-numru t'anzjani fil-'waiting list' li joqgħodu f'din l-area huwa 93. Dawn huma mqassma hekk: Mġarr 1 Burmarrad 1 Mellieħa 3 Mosta 12 Rabat 68 San Pawl 5 Buġibba 1 Mtarfa 2 TOTAL 93 19.5.99

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dar ta' l-anzjani f'Bormla hijiex se titmexxa mill-privat bħad-dar taż-Żejtun jew mill-gvern stess? Jekk se titmexxa mill-privat, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema kuntrattur se jmexxi din il-home?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa ppjanat li d-Dar ta' l-Anzjani f'Bormla għandha titmexxa mill-privat. Għadu kmieni biex wieħed jgħid liema kuntrattur se jmexxi din id-Dar. Iridu jinħarġu t-tenders sabiex jintgħażel il-kuntrattur. 19.5.99

Persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern biex persuni bi bżonnijiet speċjali li jgħixu mal-familja tagħhom jingħataw il-kura meħtieġa meta jiġu nieqsa l-ġenituri tagħhom? Il-gvern għandu pjani għat-twaqquf ta' djar eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', b'mod partikolari f'dawn l-aħħar sentejn ilha ssostni dwar il-ħtieġa li jkun hawn servizzi fil-Komunita' biex persuni b'diżabilita' jkollhom min jissaportjawhom l-aktar meta l-familji tagħhom għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jibqgħu jagħu dan is-sapport. Il-Ministeru għall-Ħarsien Soċjali tal-Amministrazzjoni preċedenti, konxju hu ukoll minn dan il-bżonn kbir, ikkummissjona, permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' studju mill-"Management Efficiency Unit". L-amministrazzjoni preżenti kompliet fuq dan il-pass u saħħietu billi anke ġabet espert Ingliż f'dan il-qasam, is-sur Peter Kinsella, biex jgħin lil din il-Unit fit-tfassil ta' dan l-istudju. Abbozz ta' dan ir-rapport issa jinsab f'idejn il-Kummissjoni u dan ser jiġi diskuss fil-laqgħa tagħha li jmiss. Hu ttamat li d-dokument finali, li jkun fiħ rakkomandazzjonijiet konkreti, ma jdumx ma joħroġ. 18.5.99

ETC — Għawdex - Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati skrivani ma' l-ETC f'Għawdex? Min huma? Xi kwalifiki għandhom? Kemm applikaw? Min huma dawk li applikaw? Xi kwalifiki għandhom dawk li ma ġewx impjegati? X'kienet l-ordni tal-mertu ta' dawk kollha li applikaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Persuni li kienu intervistati kienu dawn: ISEM KWALIFIKI Axiaq Joseph 8 'O' Levels, l 'A' Level Camilleri Edel Mary 11 'O' Levels, 4 'A' Levels, B.A. (Hons) Social Work Camilleri Marvic 6 'O' Levels, l 'A' Level Caruana Mizzi Mary 12 'O' Levels, 2 'A' Levels Farrugia Miriam 8 'O' Levels, l 'Intermediate' Level, 4 'A' Levels Gatt Rosalind 9 'O' Levels, 2 'A' Levels Psaila Alexia Maria 7 'O' Levels, 5 Intermediate Levels, 2 'A' Levels Saliba Joseph 6 'O' Levels, 2 'A' Levels Wara l-interview din kienet l-ordni tal-mertu. 1. Gatt Rosalind 2. Caruana Mizzi Mary 3. Farrugia Miriam 4. Psaila Maria Alexia 5. Camilleri Marvic 6. Saliba Joseph 7. Axiaq Joseph Camilleri Edel Mary ma ġietx klassifikata għaliex ġiet meqjusa bħala 'over qualified' għal post ta' 'Clerk', dan l-aktar meta fl-interview stqarret li tara l-karriera tagħha bħala 'Social Worker'. Wara li ġie deċiż li jiġu ngaġġati tlett (3) persuni bħala 'Clerks', Caruana Mizzi Mary, Farrugia Miriam u Psaila Maria Alexia bdew l-impjieg tagħhom nhar is-6 ta' April 1999. Gatt Rosalind ma ġietx ingaġġata għaliex laħqet sabet impjieg fil-frattemp. 18.5.99

Għawdex — Rabat - Triq Pompei - Reserved parking

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ssir reserved parking quddiem ir-residenza, 59 Triq Pompei Rabat, Għawdex, peress li hemm persuna b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna konċernata applikat għall-'Reserved Parking' quddiem ir-residenza tagħha. Din it-talba ma setgħetx tintlaqa' mit-'Traffic Control Board' u għalhekk il-Mistoqsija għandha ssir lill-Ministru konċernat. 18.5.99

Furjana — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet tesa' nies id-dar tal-Furjana għall-anzjani qabel ġiet irranġata? Jista' jgħid kemm daħlu pazjenti ġodda u minn fejn huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-dar ta' l-Anzjani tal-Furjana kienet tesa' 29 persuna. Il-lum li ġiet irranġata tesa' 47 persuna. In-numru ta' residenti ġodda li daħlu f'din id-dar huwa 17 u huma minn dawn l-Ibliet: Ħamrun 2 Sliema 1 B'Kara 1 Gżira 1 Żabbar 1 Floriana 8 Valletta 2 Marsa 1 Il-ġimgħa d-dieħla (17.05.99 u 19.05.99) ser jidħlu sitt (6) persuni oħra ġodda f'din id-dar u huma minn dawn l-ibliet. Ħamrun 2 Valletta 1 Paola 1 Sta. Luċija 1 SVPR (Luqa) 1 18.5.99

Awtorita' tad-Djar — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Awtorita' tad-Djar mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-1 ta' Jannar 1999 sal-lum l-Awtorita' tad-Djar ma mpjegat lill-ħadd. 18.5.99

Furjana — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm swiet l-ispiża għall-gvern sakemm kien qiegħed isir ix-xogħol fid-dar ta' l-anzjani fil-Furjana u r-residenti kienu rikoverati f'Villa Messina?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ftehim li kien sar ma' Villa Messina Limited huwa ta' natura kummerċjali u ma jistgħax jiġi pubblikat iżda nixtieq nassigura lill-Onor. Membru li huwa irħas milli qed iħallas il-Gvern għal kull anzjan li huwa residenti fid-Dar ta' l-Anzjani taż-Żejtun. 18.5.99

Anzjani — Villa Messina

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk barra r-residenti li kien hemm fid-dar ta' l-anzjani fil-Furjana ddaħlux residenti oħra ġewwa Villa Messina minn barra? Jekk iva, kemm? Kemm kien ilhom li applikaw? Minn fejn huma u jekk humiex fis-sodda (bedridden)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Barra dawk tal-Furjana, ma ddaħlux residenti oħra ġo Villa Messina minn barra. Kien hemm numru żgħir ta' 'Respite Cases' li daħlu Villa Messina li sa llum kollha rritornaw lura lejn djarhom. 18.5.99

Saħħa — Servizz ta' l-inkontinenza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm reġistrati li jużaw is-servizz ta' inkontinenza (Ħrieqi)? Kemm minnhonm jeħduhom b'xejn u kemm jieħdu kull xahar? Fil-każ li mhux kollha b'xejn, kemm jeħduhom b'xejn u għaliex dawn biss? Kemm jiswew kull xahar ta' b'xejn u kieku kellhom jeħduhom kollha? Dawk li jħallsu għalihom, bil-kemm jixtruhom (il-kbar għall-anzjani) kemm hu s-sussidju tal-gvern u kif joħorġu t-tenders? Kemm tiġi n-nefqa f'sena kieku kellu jħallashom il-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni reġistrati li jużaw is-servizz ta' l-inkontinenza f'Marzu 1999 huwa: Skema A 616 Skema B 1303 Dawk ta' skema A jeħduhom b'xejn u jieħdu kull xahar ammont li jkun ġie allokat lilhom skond id-diżabilita' tagħhom u fejn hemm massimu ta' 112. Dawn jeħduhom b'xejn għax persuni b'diżabilita' u mill-bidu nett kien ġie deċiż li dan is-servizz ikun b'xejn. Dawn jiswew madwar Lm8,000 fix-xahar. Kieku ta' skema A u ta' skema B kellhom jeħduhom kollha b'xejn huwa stmat li l-ispejjeż jitilgħu għal madwar Lm45,000 fix-xahar. Il-prezzijiet ta' dawk li jħallsu għalihom ta' skema B huma hekk: 'Normal' Small at 9c5 Medium at 13c Large at 15c7 'Extra Absorbent' Small at 10c2 Medium at 15c2 Large at 18c8 Is-sussidju tal-Gvern għal skema B huwa ta' 3c kull 'nappy'. It-tender għas-servizz ta' l-inkontinenza joħroġ kull sentejn. Kieku kellu jħallas kollox il-Gvern in-nefqa titla għal madwar Lm540,000 fis-sena. Tajjeb li wieħed isemmi li kieku ma kienetx għall-introduzzjoni ta' l-iskema B f'dan is-servizz, kieku dawn il-ħrieqi kienu jiġu ferm aktar għoljien kieku jinxtraw mir-'retailers'. 18.5.99

Aġenziji — Parental skills

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-aġenziji tal-gvern li jorganizzaw fuq bażi regolari korsijiet ta' parental skills? Kemm regolari? Fejn isiru dawn il-korsijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jidhirli li l-informazzjoni li qed titlob l-Onor. Membru diġa' ngħatat fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 5432 ta' l-istess Onor. Membru.