Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Każ ta' housing

Question

Tista' tingħata xi forma ta' għajnuna lill-armla, li isimha qed jintbagħat separatament, għaliex is-sid privat irid ikeċċieha mid-dar tagħha u dan meta diġa' għandha ħafna problemi familjari u personali serji u żgur li m'għandhiex bżonn li magħhom iżżid il-problema ta' nuqqas ta' dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna indikata ġa ġiet allokata post ieħor mid-Dipartiment, iżda jien infurmat illi hi għada ma marritx toqgħod fih għalkemm għaddew 10 xhur. Issa qed tissogra li d-Dipartiment jirrevoka l-allokazzjoni u jalloka l-fond lill-min verament għandu bżonn. Il-post fejn kienet toqgħod mhux rekwiżizzjonat, għalkemm xtora kien ġie pre-allokat lill-ħaddieħor fl-20 ta' April 1987. 24.5.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-pjan tal-gvern sabiex isib impjiegi għall-ħaddiema li qed jirreġistraw għax-xogħol u għandhom aktar minn 48 sena? Kemm fil-fatt ġew impjegati ħaddiema ta' din l-eta' mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra. 24.5.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' persuni rġiel u nisa jirreġistraw għax-xogħol bejn Jannar u April, 1999? Jista' l-Ministru jirrispondi l-istess mistoqsija għall-perijodu tas-snin 1998, 1997 u 1996?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. 24.5.99

Torball Blind Association

Question

B'riferenza għal-laqgħa li saret bejn il-Ministru u t-Torball Blind Association sabiex din l-għaqda tingħata l-Binja fl-Imtarfa ħalli tiżviluppa ċentru modern għall-membri tagħha, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5045 tal-10 ta' Marzu, 1999, (Seduta Nru. 74). 24.5.99

Impjiegi — Ħaddiema bis-sensji

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6857, jista' l-Ministru jgħid minn liema lokalita' huma n-nisa u l-irġiel issensjati bejn Ottubru, 1998 u Marzu, 1999? Minn liema postijiet tax-xogħol ġew issensjati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra. 24.5.99

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 fid-dipartiment tas-sigurta' soċjali? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ingħataw sittax il-transfer fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali bejn l-1 ta' Jannar 1999 u s-26 ta' April 1999. Erbgħa minn dawn it-transfers kienu ta' mpjegati li fuq talba tagħhom stess ġew fid-Dipartiment minn Dipartimenti oħra. Ħames transfers oħra saru f'Għawdex stess wara li ġiet mplimentata t-trasferiment tat-taqsima tas-'Short Term Benefits' minn Malta għall-Għawdex. Żewġ transfers saru fl-istess Ministeru bejn id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali u dak tal-'Corporate Services' skond ħtieġa li nħasset wara l-komputerizazzjoni tas-sistema. Żewġ transfers oħra saru fit-taqsima tal-Personnel biex tissaħħaħ dik it-taqsima. Tlett transfers oħra saru fuq talba tal-Management and Personnel Office tal-Prim Ministru biex jimlew vaganzi li nħolqu f'Dipartimenti oħra. Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għadu għaddej bl-eżerċizzju tal-komputerizazzjni tas-sistemi, u ma jdumx ma tibda t-tieni fażi tat-trasferiment tas-sistema li semmejt minn Malta għall-Għawdex. Għaldaqstant jidher li fil-futur qarib tista' terġa tinħass l-ħtieġa ta' trasferimenti oħra. Filwaqt li d-Dipartiment jara li sa fejn hu possibbli t-transfers li jsiru joħolqu l-inqas tbatija possibbli għall-impjegati, ma jistax jibqa' lura kull meta s-servizz li jkun meħtieġ li jingħata lill-Pubbliku b'akbar effiċċjenza, hekk jitlob. 24.05.99

Dipartiment ta' l-Anzjani — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 fid-Dipartiment ta' l-Anzjani? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani kellu 23 transfers bejn l ta' Jannar 1999 u 26 ta' April 1999. Tmintax (18) minn dawn it-transfers saru fuq talba ta' l-impjegat innifsu. Żewġt (2) transfers saru wara li ngħata appointment lill-impjegat. Żewġ (2) transfers kienu biss tibdil tal-paylist. Transfer wieħed (1) sar sabiex jiġi mibdul persuna flok uffiċjal li kien irtira bl-eta'. It-transfers dejjem saru skond l-esiġenzi tas-servizz u għalhekk mhux possibbli li wieħed jgħid x'se jsir fil-futur. 24.5.99

Dipartiment tad-Djar — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 fid-Dipartiment tad-Djar? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma sar l-ebda transfer mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999. It-transfers isiru skond l-esiġenza tas-servizz. 24.5.99

Dipartiment tad-Djar — Trasferimenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 fil-Maintenance Section fid-Dipartiment tad-Djar? Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li ma sar ebda transfer mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-perjodu imsemmi. It-transfers li jsiru huma kollha skond l-esiġenzi tas-servizz. 24.5.99

ETC — Apprendistat EST S u TAS

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema kriterji l-ETC qed tgħin studenti fi skemi ta' apprendistat ESTS u TAS biex jiksbu sponsor? Kemm hemm studenti f'kull sena f'kull skema li għandhom sponsor? X'se jiġri minn dawk l-istudenti li huma bla sponsor? Kif tiddeċiedi l-ETC lil liema studenti ssibilhom sponsor u lil liema tħallihom ifittxu waħedhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 24.05.99

Anzjani — Servizz ta' homehelp

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, naqsulha l-ħin tal-home help meta bħalissa tinsab fi problema ta' dawl fl-għajnejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament f'Marzu 1999 żdiedulha sagħtejn oħra ta' Home Help f'Marzu li għadda. Ma jirriżultax li kellha tnaqqis ta' siegħat. 24.5.99

Djar — Liġi tal-kera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-liġi tal-kera għal min jikri dar tiegħu lill-privat tinbidel? Jekk iva, x'tip ta' tibdil hemm il-ħsieb li jsir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nistenna r-rapport finali tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera li kienet twaqqfet xi żmien ilu. Għalhekk għadu prematur li nagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. 24.05.99

Impjiegi — Irtirar mix-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-eta' ta' l-irtirar mix-xogħol issir ta' aktar minn 61 sena? Jekk iva, kemm se tkun l-eta' u meta se tiġi fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li diga' kelli l-opportunita', fil-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari, li ninforma lil din il-Kamra dwar il-pożizzjoni ta' dan il-Gvern fir-rigward tal-pensjonijiet ta' pajjiżna. Għaldaqstant nirreferi lil Onor. Interpellant għat-tweġibiet tiegħi għal mistoqsijiet tiegħu, numru 3985 u numru 4335. Fil-ġimgħat li għaddew ħabbart il-ħatra taċ-Ċhairman tal-Kummissjoni Nazzjonali. Dalwaqt jitħabbru r-rappreżentanti l-oħra fuq din il-Kummissjoni biex tkun tista' tibda l-istudji tagħha biex fl-aħħar twassal rakkomandazzjonijiet dwar xi tibdil li jkun meħtieġ fl-iskema tal-pensjoni. Nerġa' nappella lill-Oppożizzjoni Laburista biex taċċetta l-istedina tal-Gvern biex ninomina rappreżentant fuq din il-Kummissjoni Nazzjonali. 24.05.99

Ċentru ta' Taħriġ għall-Adulti — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema li jaħdmu fl-Adult Training Centre għandhomx il-kwalifiki meħtieġa biex iħarġu kif għandu jkun persuna b'diżabilita' adult? Xi kwalifiki għandhom? Kemm għandna ħaddiema trainers? F'liema istituzzjoni jinsabu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra. 24.05.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Peress li meta persuna tikkwalifika għall-benefiċċju SAF, tirreġistra għax-xogħol u jkollha numru biżżejjed ta' kontribuzzjonijiet, tkun intitolata għall-benefiċċju għad-disimpjieg u sadanittat tkun intitolata għal credits li jibqgħu jgħoddu sakemm il-klijenta tibqa' tirreġistra kontinwament, u peress li bosta drabi jiġri li l-ETC tibgħat lil dawn għal xi korsijiet jew għal xi interviews għax-xogħol u jekk ma jaċċettawx jew ma jattendux għall-korsijiet, dawn jinqatgħu mir-reġistrazzjoni bil-konsegwenza li jieqfu l-credits, xi ħaġa li tkun żvantaġġ għalihom biex jieħdu ħsieb il-qraba tagħhom, jista' l-Viċi Prim Ministru jara tistax issir xi emenda fil-liġi biex dan ma jibqax isir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Biex persuna tikkwalifika għall-Għajnuna Soċjali magħrufa bħala SAF hi trid tissodisfa, apparti il-kundizzjonijiet stabiliti skond Art 30(8) ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, it-test tal-meżżi. Normalment dawn il-persuni ma jirreġistrawx għax-xogħol għax ikunu impenjati ma min ikunu qed jieħdu ħsieb, iżda m'humiex preklużi li jirreġistraw għax-xogħol. F'każ li dawn jkunu jirċievu benefiċċju għal waqt il-qagħad, dan jitnaqqas mill-ammont ta' Għajnuna Soċjali li titħallas skond kif titlob il-Liġi. Il-Liġi tipprovdi wkoll li persuna li qabel ma bdiet tirċievi l-Għajnuna Soċjali (SAF) kienet taħdem u kellha mhux anqas minn medja fis-sena ta' għoxrin kontribuzzjoni mħallsa jew akkreditati, xorta waħda jkollha dritt għall-kontribuzzjonijiet akkreditati minkejja li ma tkunx qed tirreġistra. 24.05.99

Djar — Bormla

Question

Issa li x-xogħol jidher li huwa għaddej ġmielu, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju waslet il-kostruzzjoni ġdida tal-bini ta' flat 69 f'St. John Street, Bormla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li prattikament tlesta x-xogħol ta'tqattiegħ tal-blat tal-proġett ta' l-ewwel fażi u qed isiru xogħolijiet fuq l-ewwel "unit" fil-parti ta' fuq tal-proġett maġenb il-mitħna fi Triq San Ġwann. 24.05.99

Bormla — Dar ta' l-Anzjani

Question

In vista tad-domanda parlamentari numru 4315, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-bini, kostruzzjoni u tkomplija tad-dar ta' l-anzjani, Bormla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4315 li saret fi Frar. Minn dak in-nhar 'l hawn tkompla x-xogħol ta' l-ilma u drenaġġ li wasal fi stadju finali, tkompla t-tibjid u tikħil li huwa fi stadju avvanzat, tlesta x-xogħol fuq il-bjut u anki tpoġġew xi twieqi ta' l-aluminium. Inbeda x-xogħol fix-'shafts' tal-liftijiet u sar ukoll xi xogħol ta' tqegħid ta' madum fil-gallariji u fil-ħerżiet tat-twieqi. Inħarġu tenders oħra għall-xogħolijiet ta' ħadid, għall-installar ta' soffitti u xogħol ta' strutturi ta' ħadid u tinda għal fuq il-bitħa. It-tender tal-madum u kmamar tal-banju kien ingħata għat-tieni darba u reġa sar appell quddiem id-Direttur tal-Kuntratti. Din il-ġimgħa ngħatat deċiżjoni finali għal dan it-tender u għalhekk il-kuntrattur issa jista' jibda jaħdem u jrid ilesti x-xogħol fi żmien tlett xhur. 24.5.99

Droga — Trattament

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfajliet u nisa miżżewġa li qegħdin jieħdu trattament kontra l-abbuż tad-droga? Kemm minnhom għandhom it-tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-aħħar statistika jiġifieri dik ta' April, 1999, in-numru ta' tfajliet u nisa miżżewġa li kienu qegħdin jieħdu trattament kontra l-abbuż tad-droga minn ġewwa ċ-Ċentru tad-Detox f'Malta, kien ta' 63. Minn dawn hemm 22 mara li għandhom it-tfal. 24.5.99

Ministeru tal-Politika Soċjali — CSA's

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid ic-CSA's li daħlu minn Settembru, 1998 sal-lum kemm kienu ilhom fil-kotba (fuq il-lista) tal-Ministeru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dawk li ġew ingaġġati minn Settembru, 1998 sa llum 11 ta' Mejju, 1999 kienu hekk: 1994 1 1996 4 1997 12 1998 23 1999 6 TOTAL 46 19.5.99